Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ir-Rabat/Ħad-Dingli - Triq ġdida - Kontroll ta’ sewqan eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan ta’ kif ser jiġi kkontrollat is-sewqan eċċessiv fit-triq il-ġdida bejn ir-Rabat u Ħad-Dingli ladarba tinfetaħ?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għadhom għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq din it-triq. L-Awtorità għat-Trasport qed tiddiskuti wkoll mal-Kunsilli Lokali tar-Rabat u ta’ Ħad-Dingli sabiex jiġu evalwati miżuri li jistgħu itejbu s-sigurtà fit-triq.

Early Pregnancy Unit – Persuni li jkunu għaddejjin minn korriment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn imorru n-nisa li jkunu għaddejjin minn korriment (miscarriage) meta l-Early Pregnancy Unit tkun magħluqa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li f’jiem meta l-EPU ma kienetx disponibbli għall-ammissjoni ta’ pazjenti b’korriment, kwalunkwe pazjent/a ammessa minħabba korriment irċeviet kura fis-Sala Obstetrics Ward 2. Din is-sala normalment tilqa’ pazjenti b’kumplikazzjonijiet tat-tqala qabel il-ħlas. Barra minn hekk, dawn il-pazjenti kienu akkomodati f’kamra b’faċilitajiet privati (Single room) sabiex tiġi żgurata l-privatezza.

Early Pregnancy Unit – Għeluq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex f’ħafna ġranet, is-sala l-ġdida ‘Early Pregnancy Unit’ (EPU) qed tingħalaq u tinqaleb f’medical ward?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Early Pregnancy Unit irċeviet pazjenti li ddaħħlu għall-kura għal raġunijiet oħra għajr kumplikazzjonijiet ta’ tqala bikrija f’żewġ Ħdud biss: it-22 ta’ Marzu u l-5 ta’ April 2026. Għaldaqstant, dan ma kienx każ komuni, kif jidher li tissuġġerixxi l-mistoqsija.  Il-pazjenti ddaħħlu wara l-4.00 pm u s-sodod intużaw biss mhux aktar minn 24 siegħa. Meta ġiet użata għall-ammisjonijiet alternattivi, is-sala kienet kompletament battala.

Ir-Rabat, Malta - Triq Ġorġ Borg Olivier - Tappieri

Question

Fid-dawl li t-tappieri fi Triq Ġorġ Borg Olivier fir-Rabat, Malta nbidlu tliet xhur ilu, ġew irranġati ġimgħa ilu u kull meta tgħaddi karozza minn fuqhom xorta qed jagħmlu ħafna ħsejjes, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitranġaw dawn it-tappieri b'mod permanenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi Triq Gorg Borg Olivier ġewwa ir-Rabat, sar intervent ieħor nhar is-Sibt li għadda 18 t'April 2026, fejn it-tappieri ġew irranġati u jidher li is-sitwazzjoni hija solvuta.

Ċentru Vincent Moran - Fire Doors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ġew mibdula l-fire doors li kienu għadhom ġodda fjamanti fiċ-Ċentru Vincent Moran wara inqas minn sena? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti relatati u xi spejjeż kienu involuti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-bibien li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ma kienux skont ir-regolamenti lokali u l-linji gwida “aċċessibbli għal kulħadd”.  Konsegwentement, il-kuntrattur preċedenti ma tħallas għal dawn il-bibien. Minflok qed jitwaħħlu bibien li huma konformi mar-regolamenti kontra n-nirien, kif ukoll skont il-linji gwida ta’ aċċessibilità għal kulħadd.

L-Għasri - Għolja ta’ Għammar - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34981 fl-intier tagħha u jgħid kemm hemm ħaddiema impjegati tas-servizz pubbliku jaħdmu l-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri fil-preżent, x’inhu l-grad tagħhom u x’tip ta’ xogħol qed jagħmlu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li din l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Ir-Rabat, Għawdex - Triq Ġorġ Borg Olivier - WSC - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex ser ikunu jikkonsistu x-xogħlijiet kollha li hemm ippjanati li jsiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) f’parti minn Triq Ġorġ Borg Olivier, fir-Rabat, Għawdex? Tista’ tgħid ukoll kemm ser jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet u meta hu maħsub (xahar u sena) li jitlestew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fit-triq indika diġà nbdew u dawn jikkonsistu f’tibdil ta’ katusi tad-drenaġġ, kif ukoll l-installazzjoni ta’ żewġ mejnijiet tal-ilma fuq kull naħa tat-triq, flimkien mal-bdil tal-konnessjonijiet li jidħlu ġewwa d-djar.  L-istima għal dan il-proġett hija ta’ €200,000 filwaqt li l-Ministeru għal Għawdex huwa mistenni li jiffinalizza dan il-proġett permezz tal-bdil tal-wiċċ tat-triq.

CT7002/2024 - Establishment of a Dynamic Purchasing System for Construction and Maintenance of Roads across Gozo and Comino in a Resource Efficient Manner, Ministry for Gozo and Planning

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34979 u ċjoè: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 32913 u 33715, rigward is-sejħa ‘CT7002/2024 - Establishment of a Dynamic Purchasing System for Construction and Maintenance of Roads across Gozo and Comino in a Resource Efficient Manner, Ministry for Gozo and Planning’, li nħarġet mill-Ministeru tiegħu fix-xhur li għaddew, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm u min huma l-kuntratturi li wrew interess f’din is-sejħa sa issa? Jista’ jgħid ukoll: i.    liema huma x-xogħlijiet li huma ppjanati li jsiru fl-immedjat minn din is-sejħa; ii.   f’liema raħal ser isiru u jindika l-isem tat-triq; u iii.  fiex ser ikunu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li din l-informazzjoni għada qed tinġabar.

CT3068/2019 - Tender for the Reconstruction and Upgrade of Link between Rabat and Marsalforn, Gozo, Including the Construction of Rubble Walls

Question

B’referenza għas-sejħa: CT3068/2019 - Tender for the Reconstruction and Upgrade of Link between Rabat and Marsalforn, Gozo, Including the Construction of Rubble Walls, jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet fadal isiru minn din is-sejħa u meta hu maħsub (xahar u sena) li jitlestew ix-xogħlijiet kollha li kien hemm fil-Bill of Quantities ta’ din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa tlestew madwar 60% tax-xogħlijiet marbutin mas- sejħa CT3068/2019 - Tender for the Reconstruction and Upgrade of Link between Rabat and Marsalforn, Gozo, Including the Construction of Rubble Walls. Dan ix-xogħol huwa mistenni li jitlesta sal-aħħar tas-sena. Il- Bypass Gorg Pisani u Triq Patri Giacintu Camenzuli li jagħmlu ukoll parti minn dan il-proġett inbnew mill-qiegħ u huma miftuħin għat-traffiku. Ix-xogħol qed jinħadem b’tali mod li jħalli dejjem aċċess miftuħ mir-Rabat għal Marsalforn. B’hekk ix-xogħol qed isir fuq karreġġjata waħda. Appena li jkun lest ix-xogħol fuq dik il- karreġġjata, it-traffiku jkun jista jiġi ddevjat fuq dik in-naħa. B’hekk ikun jista jibda x-xogħol fuq il-karreġjata l-oħra, kif diġa sar f’partijiet mit-triq. Fil-jiem li ġejjin se jkun qed jingħata l-ewwel saff ta’ tarmac fil-junction ta’ quddiem il-knisja tal-Kapuċċini. Hekk, din il-junction, tkun tista ukoll tinfetaħ kompletament għat-traffiku.

CT5013/2026 - Negotiated Procedure for the Design and Build Tender for New Acute Mental Health Wards and Extension of Emergency Department at Mater Dei Hospital, using Environmentally Friendly Construction Materials and Products

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti d-Direct Order permezz tas-sejħa: CT5013/2026 - Negotiated Procedure for the Design and Build Tender for New Acute Mental Health Wards and Extension of Emergency Department at Mater Dei Hospital, using Environmentally Friendly Construction Materials and Products, kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Kif spjegat fit-titlu stess, din il-proċedura negozjata hija marbuta mad-disinn u l-bini ta’ swali tas-saħħa mentali akuta ġodda u estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-isptar Mater Dei skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti dwar il-kuntratti pubbliċi. Kif spjegajt f’numru ta’ istanzi, f’Diċembru 2024 inħarġet sejħa pubblika għall-offerti. Mal-għeluq tas-sejħa, offerent wieħed konsistenti f’konsorzju magħmul minn diversi ażjendi kummerċjali, issottometta offerta; madankollu, din ma ngħatatx. Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti dwar il-kuntratti pubbliċi, saret proċedura negozjata mal-imsemmi offerent. Bħalissa dan il-proċess għadu għaddej u s-sottomissjoni qed tiġi evalwata.

MTA - Kemmuna - PA00738/26

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jaġġorna lill-Kamra dwar l-applikazzjoni ta’ żvilupp PA00738/26 li saret mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) rigward Kemmuna u jgħid jekk din l-applikazzjoni hijiex ‘Outline Development Application’ jew ‘Full Development Application’?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni sottomessa mill-MTA ma’ l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar bir-referenza PA00738/26 għal organizzar ta’ faċilitajiet, hija waħda li tikkwalifika taħt Full Development.

Bandli maqlugħin

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34822, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bandli maqlugħin madwar Malta u Għawdex, u jaqsam din l-informazzjoni f’żewġ listi separatament, kemm għall-playing fields kif ukoll għall-bandli individwali?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif inġabret mill-Kunsilli rispettivi.

Ix-Xgħajra – Fortizza tal-Grazzja – Tiswija tal-bieb

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34805 rigward it-tiswija tal-bieb tal-Fortizza tal-Grazzja, fix-Xgħajra, fejn ġie mwieġeb li “Ninsab infurmat li l-bieb tal-batterija iċċaqlaq mill-post għal post sigur. Ser issir spezzjoni biex jiġu identifikati l-ħsarat sabiex jibda l-pjan tal-konservazzjoni.”, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlesta dan il-proċess u l-bieb jerġa’ jitwaħħal?

Response (BONNICI, OWEN)

Bħalissa ninsabu fil-process fejn qed jiġu identifikati l-ħsarat u jitfassal il-pjan tal-konservazzjoni.

AUM – Dgħajjes marbutin mal-moll

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34663 dwar ftehim ieħor mal-American University of Malta (AUM) biex id-dgħajjes fiż-żona ta’ bejn Bormla u l-Isla li huma marbuta mal-moll quddiem din l-entità, jibqgħu hemmhekk u ma jitneħħewx fl-aħħar ta’ Frar, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-konċessjoni msemmija fl-istess tweġiba?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor Interpellanta għar-risposta mogħtija għad-domanda 34663.

Ħaż-Żabbar – St. Peter’s Area – Bus stop ‘Marżebb’

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34626 dwar l-intervent biex il-bus stop ‘Marżebb’ f’St. Peter’s Area, f’Ħaż-Żabbar, ikun iktar komdu għar-residenti, fejn ġie mwieġeb li “Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar li fil-jiem li ġejjin il-Kunsill ser ikun qiegħed jissottometti t-talba meħtieġa lill-kumpanija responsabbli mill-installazzjoni tal-bus shelters, sabiex jinbeda l-proċess relatat mal-intervent fil-waqfa bl-isem "Marżebb", jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol wara din it-talba?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar li l-proċess għall-installazzjoni ta’ bus shelters ġie rivedut u issa, flimkien mat-talba tal-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar, hemm bżonn jiġu sottomessi wkoll id-dokumenti meħtieġa, inkluż survey tas-sit u l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-Kunsill bħalissa qed jaħdem biex jiġbor id-dokumentazzjoni kollha sabiex tkun tista’ titressaq it-talba formali.

Il-Kalkara – Xatt ta’ Rinella – Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34410 dwar x’xogħol sar fix-Xatt tar-Rinella l-Kalkara wara l-ħsarat li ġew ikkawżati fil-maltempata ta’ Jannar li għadda, fejn ġejt riferuta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34075, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol wara li jitlesta l-pjan tax-xogħlijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet min-naħa ta’ Infrastructure Malta jibdew kif ikollhom il-permessi kollha neċessarji f’idejhom.

Principal Technicians - Roster tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-ħaddiema fil-grad ta’ "Principal Technicians" ma setgħux iżommu r-roster tax-xogħol bħal ma kienu qabel, meta f’dipartimenti oħra żammewlhom l-istess roster?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Principal Technicians attwali fi ħdan is-Sezzjoni tal-Inġinerija tal-MDH huma assenjati għal xiftijiet speċifiċi sabiex jiġi żgurat servizz kontinwu. Għaldaqstant, il-grupp il-ġdid ta’ Principal Technicians kien meħtieġ jallinja ma’ dan ir-roster minħabba l-eżiġenzi tas-servizz, sabiex is-servizz jingħata mingħajr interruzzjoni.

Is-sistema edukattiva – Il-ħsieb kritiku fit-tfal u ż-żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif jiġi promoss il-ħsieb kritiku fis-sistema edukattiva tagħna? Jista’ jgħid ukoll jekk qattx saret riċerka kkummissjonata mill-Ministeru tiegħu li tinvestiga kemm is-sistema edukattiva tagħna tiffaċilita u tinkoraġġixxi l-ħsieb kritiku fit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-Ministeru jpoġġi l-iżvilupp tal-ħsieb kritiku bħala wieħed mill-elementi ċentrali tal-edukazzjoni kontemporanja. Dan jiġi promoss permezz ta’ diversi inizjattivi strateġiċi li jiffukaw fuq tagħlim attiv, riflessiv u bbażat fuq il-ħiliet. Permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030, il-Ministeru qed isaħħaħ aktar dan l-approċċ billi jippromwovi prattiki ta’ tagħlim li jsaħħu l-awtonomija tal-istudenti, il-ħsieb indipendenti u l-ħila li jevalwaw informazzjoni b’mod kritiku. Dan qed jiġi appoġġjat ukoll permezz ta’ programmi ta’ żvilupp professjonali għall-edukaturi, li jiffukaw fuq metodoloġiji ta’ tagħlim attiv, inquiry-based learning u problem-based learning. Fir-rigward ta’ riċerka, il-Ministeru jsegwi mill-qrib ukoll evidenza minn studji internazzjonali li fihom Malta tipparteċipa, fosthom il-Programme for International Student Assessment (PISA), li jevalwa fost l-oħrajn il-ħiliet tal-istudenti fil-qari, il-matematika u x-xjenza, inkluż il-kapaċità tagħhom li japplikaw l-għarfien b’mod analitiku u kritiku. Ir-riżultati u l-analiżi ta’ dawn l-istudji jintużaw biex jinfurmaw il-politiki u r-riformi edukattivi. Fl-istess waqt, il-Ministeru qed iwettaq ukoll proċessi ta’ reviżjoni tal-Qafas Nazzjonali tal-Kurrikulu, f’kollaborazzjoni ma’ esperti internazzjonali, sabiex jiġi żgurat li s-sistema edukattiva tagħna tkompli tissaħħaħ fl-iżvilupp ta’ kompetenzi trasversali bħall-ħsieb kritiku, il-kreattività u l-ħiliet ta’ problem solving. B’dan il-mod, il-Ministeru qed jiżgura li s-sistema edukattiva tagħna tkompli tipprepara lit-tfal u ż-żgħażagħ mhux biss b’għarfien akkademiku, iżda wkoll bil-ħiliet meħtieġa biex janalizzaw, jivvalutaw u jifhmu b’mod kritiku d-dinja li jgħixu fiha.

Riċerka u innovazzjoni - Baġit allokat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31732, fejn ġie mwieġeb “Barra minn hekk, il-Gvern impenja ruħu f’investiment ta’ madwar €40 miljun fiċ-Ċentru tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta, proġett strateġiku li se jsaħħaħ l-infrastruttura nazzjonali tar-riċerka u jpoġġi lill-pajjiż fuq livell ġdid ta’ eċċellenza xjentifika u teknoloġika. Dan iċ-ċentru se jservi bħala punt ta’ konverġenza bejn l-akkademja, l-industrija u l-innovazzjoni, u se joffri spazji avvanzati għar-riċerkaturi u għall-kollaborazzjoni internazzjonali.”, jista’ l-Ministru: i.    jagħti iktar dettalji dwar dan il-proġett; ii.    jgħid f’liema stadju tal-implimentazzjoni wasal dan il-proġett; iii.    jgħid liema fondi Ewropej qed jintużaw u kemm ser ikun hemm fondi Ewropej apparti l-€40 miljun allokati mill-Gvern Malti; iv.    jgħid fejn ser isir dan il-proġett; u v.    jgħid meta hu ppjanat li jitlesta u jibda jiffunzjona dan iċ-ċentru?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.