Legislature:
Category:
Reset
Active:

Aġenzija Sapport – Każi ta’ dixxiplina - Riżultati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’konsegwenzi kien hemm b’riżultat ta’ proċeduri dixxiplinarji f’Aġenzija Sapport, f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Tista’ wkoll tagħti rendikont tar-riżultat ta’ dawn il-proċeduri maqsuma f’kategoriji bħal tkeċċija, warning eċċ?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rekords tal-Proċeduri Dixxiplinarji ma jinżammux għal aktar minn sena mid-data tad-deċiżjoni, kif stipulat f’Policy 2 (Data Protection) u Policy 3 (Disciplinary Policy) tal-Aġenzija Sapport. Fl-aħħar sena, il-Bord Dixxiplinarju tal-Aġenzija Sapport proċessa 14-il każ, li rriżultaw kif ġej: ·        3 terminazzjonijiet mill-impjieg ·        1 twissija finali u sospensjoni ·        4 twissijiet bil-miktub ·        4 sospensjonijiet Kien hemm ukoll 2 riżenji mill-impjieg li seħħew qabel mal-Bord Dixxiplinarju ħa d-deċiżjoni finali. Fl-istess sena, inħarġu wkoll total ta’ 52 twissija bil-miktub. Kif stipulat f’Policy 3 tal-Aġenzija Sapport, dawn l-akkużi ma kinux meqjusa bħala ‘Grave Offence’, u għalhekk ġew ipproċessati mingħajr il-ħtieġa ta’ Bord Dixxiplinarju.

Aġenzija Sapport – Support Workers – Każi ta’ dixxiplina

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm support workers li għaddew minn proċeduri ta’ dixxiplina f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rekords tal-Proċeduri Dixxiplinarji ma jinżammux għal aktar minn sena mid-data tad-deċiżjoni, kif stipulat f’Policy 2 (Data Protection) u Policy 3 (Disciplinary Policy) tal-Aġenzija Sapport. Fl-aħħar sena, il-Bord Dixxiplinarju tal-Aġenzija Sapport proċessa 13-il każ relatat ma’ Support Workers. Fl-istess sena, inħarġu wkoll 50 twissija bil-miktub lil Support Workers.

Aġenzija Sapport – Support Workers – Liċenzji tas-sewqan

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm support workers li għandhom liċenzja tas-sewqan u jistgħu jsuqu l-vannijiet ta’ Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skont id‑data miġbura mill-Aġenzija Sapport, aktar minn 98 support workers għandhom liċenzja tas-sewqan. Madankollu, l-Aġenzija Sapport tqassam lill-impjegati skont il-ħtiġijiet operattivi tagħha u mhux skont il-kriterji speċifiċi ta’ din il-mistoqsija.

Aġenzija Sapport – TCNs – Support Workers

Question

Fid-dawl tal-fatt li ħafna residenti ta’ Aġenzija Sapport ma jitkellmux / ma jifhmux ħlief l-ilsien Malti, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-ħaddiema tal-kuntrattur li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs), humiex fluwenti fil-lingwa Maltija?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba numru 34570. Inżid ukoll li s-support workers normalment ikunu parti minn tim divers ta’ ħaddiema. Għaldaqstant, il-komunikazzjoni lejn dawk ir-residenti li jippreferu jitkellmu bil-Malti ma tkunx preġudikata.

Aġenzija Sapport – TCNs – Support Workers

Question

Fid-dawl tal-fatt li ħafna residenti ta’ Aġenzija Sapport ma jitkellmux / ma jifhmux ħlief l-ilsien Malti, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-ħaddiema li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) impjegati direttament ma’ Aġenzija Sapport, humiex fluwenti fil-lingwa Maltija?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif stipulat fir-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 34561 u 34567, dawk l-applikanti li huma kapaċi jikkomunikaw kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż jingħataw preferenza waqt il-proċess tal-għażla. Filwaqt li mhux dejjem ikun hemm applikanti li jilħqu dan il-kriterju addizzjonali, uħud mill-applikanti minn pajjiżi terzi ikunu ilhom jaħdmu f’Malta għal numru ta’ snin u jkunu segwew korsijiet fil-lingwa Maltija wkoll. Dawn ukoll jiġu intervistati, iżda tibqa’ tingħata preċedenza lill-applikanti li huma Maltin jew mill-UE, kif stipulat fir-regolamenti ta’ Jobsplus.

Aġenzija Sapport – TCNs – Support Workers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’numri assoluti u persentaġġi, kemm hemm support workers li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) f’Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Aġenzija Sapport għandha 33 TCN minn total ta’ 363 support workers, jiġifieri persentaġġ ta’ 9%.

Sustainable Transport Driving Licence Surrender Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti taħt is-Sustainable Transport Driving Licence Surrender Scheme sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34275.

Social Progress Index

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li Malta ma tejbitx il-pożizzjoni tagħha fis-Social Progress Index (SPI) f’dawn l-aħħar snin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kontra dak li qed timplika fil-mistoqsija tagħha, skont dan l-indiċi Malta hija meqjusa mal-pajjiżi ta’ fuq u li għandhom l-ogħla punteġġ, u punteġġ ogħla mill-medja Ewropea. Dak ir-riżultat huwa wieħed aktar pożittiv minn dak tal-2011. Minkejja dan, bħala Gvern ninsabu kommessi li nkomplu ntejjbu l-pożizzjoni ta’ Malta, tant li qed nimmiraw li pajjiżna jkun mal-ewwel 20 pajjiż fid-dinja sal-2035 u mal-ewwel 10 pajjiżi sal-2050, kif wieħed jista’ jara anke fil-Viżjoni Malta 2050.

Struttura awtonoma ta’ dixxiplina

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32580, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex il-bordijiet tas-social work, psikoloġija, psikoterapija, counselling u youth work ikollhom struttura awtonoma tad-dixxiplina kif sostniet il-Qorti Kostituzzjonali, fid-dawl li l-Kunsill Mediku, wara sentenza kostituzzjonali, ser jadotta sistema fejn ikun hemm kumitat tad-dixxiplina ġdid li jirrispetta l-awtonomija meħtieġa f’dawn il-każijiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Ordnijiet ta’ protezzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ordnijiet taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv), Kap 602 fis-sena 2025, skont kull kategorija ta’ protezzjoni li tipprovdi din il-liġi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Ordni ta’ Ħarsien - Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal b’Ordni ta’ Ħarsien li għandhom bżonn akkomodazzjoni alternattiva, iżda ma ngħatatilhomx minħabba li m’hemmx akkomodazzjonijiet biżżejjed? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx lista ta' stennija għall-akkomodazzjoni alternattiva u jekk iva, kemm hi twila din il-lista?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Pensjonijiet - Rapport ta’ sostenibbiltà

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23172, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport dwar is-sostennibiltà tal-pensjonijiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta lir-rapport imsemmi poġġejtu fuq il-Mejda tal-Kamra fis-16 ta’ Diċembru 2025.

Youth Workers – Kollaborazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-youth workers jikkollaborawx mal-kunsilli lokali u mal-iskejjel tal-lokalitajiet rispettivi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-youth workers jikkollaboraw mal-kunsilli lokali u mal-iskejjel skont in-natura tal-inizjattivi jew programmi ppjanati.

Youth Workers – Aċċessibilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jikkuntattjaw jew jaċċessaw youth worker fil-lokalità tagħhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li għal kwalunkwe informazzjoni jew aċċess għas-servizzi, iż-żgħażagħ għandhom jikkuntattjaw il-youth information one stop shop fi ħdan l-Aġenzija Żgħażagħ, sabiex l-Aġenzija tiggwidahom u tirreferihom kif meħtieġ.

Youth Workers –attivitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-youth workers jorganizzawx programmi u attivitajiet fil-lokalitajiet fejn huma assenjati, u x’tip ta’ attivitajiet ikunu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-attivitajiet jinkludu: ·    sessjonijiet ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni (eż. benesseri, saħħa mentali, edukazzjoni, impjieg, relazzjonijiet u sigurtà online); ·    workshops ta’ żvilupp ta’ ħiliet (ħiliet soċjali, komunikazzjoni, tmexxija, parteċipazzjoni u ħidma f’tim); ·    inizjattivi ta’ parteċipazzjoni attiva; ·    appoġġ lil gruppi ta’ żgħażagħ u proġetti mmexxija minnhom, inkluż volontarjat.

Ġudikanti – Servizz ta’ Court Attorney

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ ġudikanti li bħalissa qegħdin jinqdew bis-servizzi ta’ Court Attorney u kemm huwa n-numru ta’ ġudikanti li fil-preżent m’għandhomx Court Attorney assenjat magħhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet - Konsultazzjoni Pubblika

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi sottomissjonijiet fir-rigward tal-Konsultazzjoni Pubblika biex jiġu emendati r-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet li saret flimkien mal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Jekk kien hemm, minn min saru s-sottomissjonijiet u x’kienu l-proposti fis-sustanza tagħhom?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi fir-rigward tal-konsultazzjoni pubblika biex jiġu emendati r-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet ġew riċevuti numru ta’ sottomomissjonijiet mingħand ditti legali, avukat, awtorità regolatorja, assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-intrapriżi u espert fil-qasam kummerċjali. Dawn is-sottomissjonijiet indirizzaw numru ta’ punti, fosthom biex jiġu riveduti t-thresholds li ġew proposti, l-introduzzjoni ta’ salvagwardji rigward is-setgħa l-ġdida proposta magħrufa bħala call-in, kwistjonijiet ta’ ċertezza legali, konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji settorjali, sospensjoni tal-limiti ta’ żmien, livelli ta’ penali, il-proporzjonalità tal-ħlasijiet u l-ħtieġa għal aktar ċarezza f’diversi aspetti tal-formoli ta’ notifika.