Port tal-Imġarr, Għawdex - Tqegħid ta’ containers/strutturi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33722, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid għaliex f’dawn l-aħħar ġimgħat tpoġġew ammont ta’ containers/strutturi fuq xulxin maġenb l-uffiċini tal-Gozo Channel (Channel House) fil-port tal-Imġarr? Jista’ jgħid ukoll għal xiex qed jintużaw dawn il-containers/strutturi u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha meħtieġa tal-awtoritajiet kollha konċernati sabiex taw l-approvazzjoni tagħhom għal dawn il-containers/strutturi fuq xulxin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fl-aħħar snin, il-Forzi Armati ta' Malta żiedet ir-riżorsi f' Għawdex sabiex tindirizza ż-żieda fl-operat tagħha f'din iż-żona, partikolarment matul ix-xhur tas-sajf u l-perjodi ta’ vaganzi, meta l-attività marittima tiżdied b’mod sostanzjali. Konsegwentement, saru diskussjonijiet bejn l-entitajiet konċernati sabiex jiġi identifikat sit aktar adatt għall-allokazzjoni permanenti tal-unità tal-FAM stazzjonat fl-Imġarr Għawdex. Sakemm jiġi identifikat sit permanenti u sabiex tiġi indirizzata din il-ħtieġa urġenti, ġie deċiż li jitqiegħdu strutturi temporanji f’żona maġenb il-bini tal-uffiċini tal-Gozo Channel fil-port tal-Imġarr, u dan wara numru ta' diskussjonijiet mal-entitajiet konċernati.
L-istrutturi temporanji tqiegħdu sabiex jintużaw bħala faċilitajiet għas-suldati Għawdxin stazzjonati fil-port ta' l-Imġarr, biex b'hekk jittejbu l-kundizzjonijiet ta' dawn l-istess suldati, partikolarment sabiex jiġu salvagwardati s-sigurtà u l-benesseri tagħhom, kif ukoll sabiex b'dawn il- faċilitajiet il-FAM tkun f' pożizzjoni aħjar biex taqdi l-funzjoni tagħha fit-tramuntana tal-Gżejjer Maltin. Dan b'żieda mal-kundizzjonijiet wara l-ftehim settorjali li ġie maqbul ftit xhur ilu li tejjeb il-kundizzjonijiet u d-drittjiet.
Fit-2 ta’ Ġunju 2025, l-Awtorità tal-Ippjanar ġiet formalment notifikata dwar dawn ix-xogħlijiet temporanji skont il-proċeduri applikabbli taħt LN 211 tal-2016.
Is-Servizz Pubbliku - Sejħa għal Administration Officers
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw għas-sejħa ta’ Administration Officer fis-servizz pubbliku? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma Għawdxin u kemm minnhom huma Maltin?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet tas-Sejħa tal-Administration Officer ma jirriflettux in-numri ta’ dawk li huma eliġibbli u ma ssirx distinzzjoni bejn applikanti Maltin u Għawdxin fil-proċess tal-għażla.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid ir-raġunijiet għaliex is-sejħa ta’ Junior Clerk fis-servizz pubbliku tat-23 ta’ Jannar 2026 ħadet post is-sejħa ta’ Junior Clerk fis-servizz pubbliku tad-9 ta’ Jannar 2026 u jekk inbidlux xi rekwiżiti? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni applikaw għal din is-sejħa u kemm minnhom huma Għawdxin u kemm minnhom huma Maltin?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-pożizzjoni tal-Junior Clerks tifforma parti mill-Ftehim tal-General Service Grades li huwa ftehim maqbul bejn iż-Żewġ Unjins Ġenerali u l-Amministrazzjoni. Kull tibdil li jinħass neċessarju minħabba eżigenzi tas-Servizz jkun maqbul bħal dejjem bejn il-partijiet u approvat mil-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliċi. L-applikazzjonijiet ma jirriflettux in-numri ta’ dawk li huma eliġibbli u ma ssirx distinzzjoni bejn applikanti Maltin u Għawdxin fil-proċess tal-għażla
‘SPD3/2025/068 - FRAMEWORK CONTRACT FOR THE PROVISION OF COMMERCIAL BOAT WITH SKIPPER FOR WASTE TRANSFER FROM COMINO TO GOZO AND THE LEASING OF A LOW-EMISSION WASTE COLLECTION PICKUP TRUCK WITH DRIVER’
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa ‘SPD3/2025/068 - FRAMEWORK CONTRACT FOR THE PROVISION OF COMMERCIAL BOAT WITH SKIPPER FOR WASTE TRANSFER FROM COMINO TO GOZO AND THE LEASING OF A LOW-EMISSION WASTE COLLECTION PICKUP TRUCK WITH DRIVER’? Kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa, għal kemm perjodu ta’ żmien ħarġet, u meta ħarġet l-aħħar din is-sejħa pubblika sabiex jiġi pprovdut dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll min kien qed jipprovdi dan is-servizz f’dawn l-aħħar ġimgħat u xhur?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħa
SPD3/2025/068 – Framework Contract for the Provision of Commercial Boat with Skipper for Waste Transfer from Comino to Gozo and the Leasing of a Low-Emission Waste Collection Pickup Truck with Driver
tikkonsisti fil-ħatra ta’ operatur sabiex:
· tiġi provduta dgħajsa kummerċjali b’kaptan għall-ġarr tal-iskart minn Kemmuna lejn Għawdex; u
· jiġi pprovdut servizz ta’ kiri ta’ vettura
pickup
għall-ġbir tal-iskart b’emissjonijiet baxxi, flimkien ma’ xufier, sabiex jiġi assigurat trasport effiċjenti u regolari tal-iskart.
Din is-sejħa nħarġet bħala
framework contract
biex il-Ministeru jkun jista’ jsejjaħ is-servizzi meħtieġa skont il-ħtiġijiet operattivi matul il-perjodu stipulat. Il-valur stmat tas-sejħa huwa ta’ €286,230 (VAT eskluża). Is-sejħa nħarġet fit-23 ta’ Novembru 2025 u għalqet fis-7 ta’ Jannar 2026, u nħarġet għal perjodu ta’ sentejn.
‘Methodology for determining the penalty amount: Guidelines of the Office for Competition’
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema pajjiżi oħra Ewropej ttieħed kont tal-guidelines li tagħhom, kif imsemmi f’paragrafu 2 a fol. 2, tad-dokument intitolat ‘Methodology for determining the penalty amount: Guidelines of the Office for Competition’, datat is-6 ta’ Frar 2026?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat illi kif hemm spjegat fid-dokument ‘Methodology for determining the penalty amount: Guidelines of the Office for Competition’, datat is-6 ta’ Frar 2026, il-linja gwida maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea servew bħala r-referenza prinċipali meta l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fassal il-linji gwida tiegħu.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid f’kemm każijiet ġew imposti penalitajiet finanzjarji minħabba allegat ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, mill-2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet il-penali imposta f’kull każ u jekk ġietx imħallsa jew ikkontestata?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat illi l-penaltijiet finanzjarji li ġew imposti minħabba allegat ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, mill-2015 sal-ġurnata tal-lum, huma biss dawk imniżżla fir-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari nru 27947 li ingħatat fit-12-il leġiżlatura. Kif hemm imniżżel f’dik ir-risposta l-intrapriżi kkonċernati ħallsu l-penali imposti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-paga tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, għall-programm li jittella’ kull nhar ta’ Ġimgħa?
Response (BONNICI, OWEN)
L-informazzjoni mitluba hija relatata mal-produzzjoni ta’ programm li huwa ġestit bħala parti mill-operat kummerċjali tal-kumpanija u għaldaqstant hija ta’ natura kunfidenzjali.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk humiex ser jiġu msaħħa r-relazzjonijiet diplomatiċi mad-Danimarka billi jiġi appuntat konslu għal Greenland?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rwol prinċipali ta’ Konslu Onorarju hu li jippromwovi l-kummerċ, it-turiżmu u l-investiment bejn Malta u l-pajjiż li jospitah, kif ukoll biex iservi ta’għajnuna għall-Maltin li jgħixu jew iżuru l-belt jew il-pajjiż li għalih ikun appuntat konslu onororju. Għal dan il-għan, Malta diġa rappreżentata minn tliet Konsli Onorarji ġewwa d-Danimarka.
Jekk l-Ambaxxatur Malti għad-Danimarka iħoss il-ħtieġa li jiġi appuntat konslu onorarju ġewwa Greenland u jinnomina persuna, din in-nomina tiġi kkunsidrata skont il-proċeduri stabbiliti.
Kuntratt tal-isptarijiet - Kontijiet/pretensjonijiet ta’ ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jindika jekk ġewx preżentati kontijiet jew pretensjonijiet ta’ ħlas minn xi kumpaniji lokali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt tal-isptarijiet?
Jista’ l-Ministru jindika x’inhu l-ammont totali ta’ ħlasijiet pendenti jew li għadhom qed jiġu kkunsidrati bħala dovuti lill-kumpaniji li għandhom x’jaqsmu mal-kuntratt tal-isptarijiet?
Kuntratt tal-isptarijiet - Kumpaniji lokali li għadhom ma ġewx imħallsa
Question
Jista’ l-Ministru jindika x’inhuma l-ismijiet tal-kumpaniji lokali, u x’inhuma s-servizzi jew ix-xogħlijiet li għadhom ma ġewx imħallsa għalihom fil-kuntratt tal-isptarijiet?
Kuntratt tal-isptarijiet - Kumpaniji lokali li għadhom iridu jitħallsu
Question
Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx kumpaniji lokali li għad għandhom jitħallsu xi somom relatati mal-kuntratt tal-isptarijiet jew mat-terminazzjoni tiegħu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li r-relazzjoni tal-Gvern Malti kienet biss mal-konċessjonarji. Kull kuntratt li sar bejn il-konċessjonarji u kumpaniji lokali hija materja kummerċjali ta’ bejniethom.
Kuntratt tal-isptarijiet - Awditur Ġenerali/CFR - Verifiki
Question
Jista’ l-Ministru jindika jekk sarux verifiki mill-Awditur Ġenerali jew mill-Kummissarju għat-Taxxa (CFR) dwar il-konformità fiskali tal-kumpaniji mal-kuntratt tal-isptarijiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Kuntratt tal-isptarijiet - Taxxi/kontribuzzjonijiet pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx xi taxxi jew kontribuzzjonijiet pendenti li għadhom mhux imħallsa minn xi waħda mill-kumpaniji konċernati mal-kuntratt tal-isptarijiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Segretarjat għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni – Infiq fuq reklamar u promozzjoni
Question
Jista’ l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34159 u 34435 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll:
i. it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.);
ii. data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u
iii. ammont totali tal-infiq?
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq il-Gudja, f’Ħal Luqa u kemm ser jiġu jiswew? Jista’ wkoll jagħti raġuni għaliex dawn ix-xogħlijiet qegħdin idumu daqshekk biex jitlestew?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.