Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta’ Qali - Suq tal-bdiewa - Kumpless sostenibbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-investiment ta’ €10 miljun, li fi żmien sentejn is-suq tal-bdiewa f’Ta’ Qali kellu jinbidel f’kumpless sostenibbli li jqarreb aktar lill-konsumatur lejn il-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda u l-produtturi tal-ikel? Peress li dan l-investiment kien tħabbar fis-6 ta’ Novembru 2024 u sa issa għaddew kważi sena u nofs, jista’ jgħid għaliex għadu ma sar xejn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni qed tingabar.

INDIS - Kumpanija tal-avjazzjoni - Ordni ta’ sekwestru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-INDIS fetħitx ordni ta’ sekwestru fuq kumpanija tal-avjazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħata separatament? Jista’ jgħid jekk it-53 ħaddiem li jaħdmu mal-istess kumpanija għadhomx mingħajr paga mis-26 ta’ Frar 2026 u jekk kellhomx jagħmlu appell mal-Qorti biex jiġu rilaxxati l-flus dovuti għall-pagi tagħhom? Jekk dan hu minnu, x’inhi r-raġuni li sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari l-INDIS għadha ma tatx il-kunsens tagħha biex jiġu rilaxxati l-flus tal-pagi? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern għadux għaddej b’negozjati ma’ kumpanija oħra tal-avjazzjoni biex tieħu post din il-kumpanija li l-Gvern fetaħ mandat kontriha? Jekk fl-affermattiv, il-ħaddiema eżistenti ta’ din il-kumpanija ser jingħataw assigurazzjoni bil-miktub li l-kumpanija l-ġdida ser iżżommhom magħha bl-istess kundizzjonijiet u pagi li għandhom illum, jew kundizzjonijiet u pagi aħjar?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

INDIS - Kumpanija tal-avjazzjoni - Ordni ta’ sekwestru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-INDIS fetħitx ordni ta’ sekwestru fuq kumpanija tal-avjazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħata separatament? Jista’ jgħid jekk it-53 ħaddiem li jaħdmu mal-istess kumpanija għadhomx mingħajr paga mis-26 ta’ Frar 2026 u jekk kellhomx jagħmlu appell mal-Qorti biex jiġu rilaxxati l-flus dovuti għall-pagi tagħhom? Jekk dan hu minnu, x’inhi r-raġuni li sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari l-INDIS għadha ma tatx il-kunsens tagħha biex jiġu rilaxxati l-flus tal-pagi? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern għadux għaddej b’negozjati ma’ kumpanija oħra tal-avjazzjoni biex tieħu post din il-kumpanija li l-Gvern fetaħ mandat kontriha? Jekk fl-affermattiv, il-ħaddiema eżistenti ta’ din il-kumpanija ser jingħataw assigurazzjoni bil-miktub li l-kumpanija l-ġdida ser iżżommhom magħha bl-istess kundizzjonijiet u pagi li għandhom illum, jew kundizzjonijiet u pagi aħjar?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant ghas-stqarrija tal-General Workers Union li qed inpoggi kopja taghha fuq il-mejda tal-kamra.

BCA - State of the Building Industry Report

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34487 u 34896 u jgħid jekk ir-rapport perjodiku ‘State of the Building Industry Report’ ġiex imħejji mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA)? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru, inkluż l-Awtorita’ tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), tgħati s-support tagħha biex stakeholders ewlenin fis-settur minn sena għal oħra jikkummissjonaw rapport li jagħti analiżi komprensiva tal-industrija tal-kostruzzjoni u s-suq tal-proprjetà f’Malta.

BCA - Data centre ġdid

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34486 u 34895 u jgħid jekk ġiex imwaqqaf depożitorju jew data centre ġdid għall-bini, immaniġġjat mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), bl-għan li jipprovdi data li tintuża kemm mill-partijiet interessati kemm pubbliċi kif ukoll minn dawk privati, kif kien maħsub li jsir?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevolli Interpellant li f’dan l-istadju m’hemmx informazzjoni f’dan ir-rigward. Madanakollu, l-Awtorita’ tibqa’ ssegwi fuq l-iżviluppi kbar li qed isiru fis-settur, inkluż il-ħidma li tinsab għaddejja fuq il-building and construction codes u tikkonsidra servizzi li jistgħu jkunu offruti f’dan ir-rigward.

L-Imġarr, Malta - Klinika tal-Gvern

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33992 rigward il-klinika tal-Gvern (polyclinic) li għandha tintuża mir-residenti tal-Imġarr, Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-residenti tal-Imġarr humiex qegħdin jiġu infurmati biex jagħmlu użu mill-klinika fir-Rabat, bħal pereżempju għat-testijiet tad-demm? Jekk iva, x’inhi r-raġuni għal dan?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li wara diskussjonijiet mal-Union li tirrapreżenta l-infermiera, sar eżerċizzju fejn saret analiżi dettaljata tal-istatistika, kemm dwar ħinijiet ta’ stennija kif wkoll domanda għal ċerta servizzi. Ir-raġuni ewlenija għal dan kienet sabiex jitnaqqsu il-ħinijiet ta’ stennija peress li x-xogħol jiġi distribwit aħjar bejn id-diversi ċentri tas-saħħa.

Dħul mill-kirjiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux obbligatorju li taxpayer jiddikjara d-dħul mill-kirjiet bil-formula TA24, jew għandu l-għażla li jdaħħalhom ukoll mal-formola tat-taxxa tad-dħul (Income Tax) fis-sezzjoni 11a? Jista' jgħid ukoll jekk din l-għażla, tgħoddx ukoll għall-pensjonanti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi taxpayer jista’ jiddikjara d-dħul mill-kirjiet fil-formola TA24. Din l-għażla trid tkun applikata għall-kirjiet kollha li jkun daħħal it-taxpayer għal dik is-sena. Madankollu, taxpayer għandu l-għażla wkoll li jiddikjara id-dħul mill-kirjiet fil-formola tat-taxxa fuq l-income u self-assessment kif spjegat hawn taħt: Jekk id-dħul mill-kirjiet ikun ġej minn attività ta’ negozju (bħal, per eżempju, fil-każ ta’ short lets ), l-income nett wara li jitnaqqsu l-ispejjeż għandu jiġi ddikjarat fis-sezzjoni tnejn (2) tal-formola tat-taxxa u jrid jiġi mehmuż rendikont ta’ dħul u spejjeż ( profit and loss account ) li juri kif wasal għall-income nett. Jekk id-dħul mill-kirjiet ma jkunx ġej minn attività ta’ negozju (jiġifieri jkun dħul passiv) id-dħul mill-kirjiet jista’ jiġi ddikjarat fil-kaxxa 11a tal-formola tat-taxxa u jintalab it-tnaqqis permess mil-liġi f’paġna tlieta (3) tal-istess formola. Dawn l-għażliet japplikaw ukoll għall-pensjonanti.

ARUC – CHRAs - Relazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx persuni fit-tmexxija tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) li għandhom relazzjoni familjari ma’ min għandu liċenzja biex jopera Cannabis Harm Reduction Association? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri qed jittieħdu biex tiġi osservata l-governanza f’dan ir-rigward?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi każijiet ta' kunflitt t'interess fi ħdan l-Awtorita' għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis huma regolati f'konformita mad-Direttiva 16 entitolata 'Qafas Governattiv għall-Prevenzjoni u l-Ġestjoni tal-Kunflitti ta' Interess fl-Amministrazzjoni Pubblika'.

Bord tal-ARUC – Servizzi diretti/anċillari lis-CHRAs

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi membru tal-Bord tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) li daħal bi sħab u/jew qed joffri servizzi diretti jew anċillari lill-Cannabis Harm Reduction Associations?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi każijiet ta' kunflitt t'interess fi ħdan l-Awtorita' għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis huma regolati f'konformita mad-Direttiva 16 entitolata 'Qafas Governattiv għall-Prevenzjoni u l-Ġestjoni tal-Kunflitti ta' Interess fl-Amministrazzjoni Pubblika'.

Bord tal-ARUC - Cannabinoids

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi membru tal-Bord tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) li għandu interessi jew huwa assoċjat fil-bejgħ u/jew importazzjoni ta' Cannabinoids?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi każijiet ta' kunflitt t'interess fi ħdan l-Awtorita' għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis huma regolati f'konformita mad-Direttiva 16 entitolata 'Qafas Governattiv għall-Prevenzjoni u l-Ġestjoni tal-Kunflitti ta' Interess fl-Amministrazzjoni Pubblika'.

Bord tal-ARUC – Spiża marbuta

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ispiża marbuta mal-Bord tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC), bejn l-2022 u l-2025, maqsuma sena b'sena u jispjega minn liema budget jew fond bdiet titħallas din l-ispiża?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l- ħlasijiet saru u qed issiru f'konformita mal-Manwal applikabbli.

Eks impjegati tal-Air Malta – Kumpens

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex filwaqt li l-eks impjegati tal-Air Malta li kienu fuq bażi full-time ngħataw kumpens f’somma ta’ flus, fil-każ tal-eks impjegati li kienu fuq bażi part-time, il-Gvern interpona appell għas-sentenza tal-qorti fl-ewwel istanza? Jista’ jgħid x’inhuma l-ispejjeż legali u ġudizzjarji li l-Gvern inkorra s’issa sabiex jikkontesta tali talba għal kumpens?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.

Splużjoni ta’ Tanker - Air Traffic Control - Rapport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ħin tal-ġurnata, jekk sar, u jipprovdi l-ħin eżatt bis-siegħa u l-minuti, li ġie rrappurtat/innutat għall-ewwel darba mill-Air Traffic Control ta’ Malta, it-traffiku ta’ ajruplani militari jtiru fuq iż-żona fejn saret l-isplużjoni tal-LNG tanker Russu nhar it-3 ta’ Marzu 2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġejt infurmat li Matul il-perjodu inkwistjoni, ma nstabu l-ebda ajruplani militari mhux magħrufa jew mhux awtorizzati li kienu qed joperaw fi spazju tal-ajru sovran Malti.

Splużjoni ta’ Tanker - Forzi Armati ta’ Malta - Rapport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ħin tal-ġurnata, jekk sar, u jipprovdi l-ħin eżatt bis-siegħa u l-minuti, li ġie rrappurtat/innutat għall-ewwel darba mill-Operations Room tal-Forzi Armati ta’ Malta, it-traffiku ta’ ajruplani militari jtiru fuq iż-żona fejn saret l-isplużjoni tal-LNG tanker Russu nhar it-3 ta’ Marzu 2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta mhumiex l-entità governattiva inkarigata mill-moniteraġġ u kontroll tat-traffiku tal-ajru. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta – Persuni maħruba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni u x’informazzjoni għandu l-Ministeru dwar iż-żewġ persuni li ħarbu minn fuq ajruplan nhar l-1 ta’ Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x’irriżulta mill-investigazzjoni tal-Pulizija u x’passi ttieħdu wara?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kif weġibt diversi drabi, u jaf tajjeb l-Onor. Interpellant investigazzjonijiet f’allegati illegalitajiet isiru mill-istituzzjonijiet relevanti li jaħdmu lil hinn mill-politiku.

Ċentru għas-Servizzi Residenzjali u Restorattivi – Attentati ta’ ħarba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il attentat ta’ ħarba kien hemm miċ-Ċentru għas-Servizzi Residenzjali u Restorattivi, u jipprovdi d-dati li fihom saru dawn l-attentati? Jista’ jgħid ukoll x’azzjonijiet ittieħdu f’dawn l-aħħar sentejn, wara kull attentat ta’ ħarba?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar sentejn ma kien hemm l-ebda attentat ta’ ħarba miċ-Ċentru għas-Servizzi Residenzjali u Restorattivi. Infurmat illi l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, tieħu ħsieb żgħażagħ b’challenging behaviour u persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali. Dawn iż-żgħażagħ ħafna drabi jkunu għaddew minn diversi  diffikultajiet f’ħajjithom u għalhekk importanti li nippruvaw nifhmu r-realtajiet tagħhom. Dawn jistgħu jesebixxu aġir impulsiv, li jkun hemm bżonn jiġi trattat b’ħafna sensittività, attenzjoni u kura. Fejn ikun hemm bżonn jiġu applikati wkoll miżuri ta’ dixxiplina. Ta’ min isemmi li fil-perjodu mistoqsi, kien hemm żewġ episodji ta’ challenging behaviour minn żagħżugħ residenti f’din il-faċilità u dawn ġraw wara li l-istess persuna irċieva aħbarijiet diffiċli. Dawn l-episodji fl-ebda ħin ma wasslu għal riskju ta’ ħarba. Fil-fatt, qatt ma nqabżet l-ewwel linja ta’ sigurtà fil-perimetru. Għalhekk tajjeb li kull membru jagħraf ir-responsabiltajiet tiegħu.

Distribuzzjoni tal-pagi skont il-grupp ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella dettaljata li tindika n-numru ta’ ħaddiema full-time li kienu jaqilgħu pagi gross bejn it-€12,000 u l-€150,000, maqsuma f’inkrementi ta’ €1,000 (eż. €12,000 - €13,000; €13,000 - €14,000; u hekk sal-€150,000), u li ħallsu sena sħiħa kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fis-sena 2012? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni separatament għal: i.   ċittadini Maltin; ii.  ċittadini minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u iii. ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs)? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni f’tabella li tinkludi kolonna separata għal kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sena 2022 - Elezzjoni ġenerali - Assistenti Kummissarji - Għajnuna

Question

Jista’  l-Prim Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ persuni li talbu l-għajnuna tal-Assistenti Kummissarji Elettorali biex jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali tas-sena 2022, maqsuma distrett b’distrett?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lil Onor Interpellanta li din l-istatistika tinżamm mill-Kummissjoni Elettorali li hija korp kostituzzjonali li ma’ taqax taħt id-direzzjoni ta’ l-ebda Ministru. Ninforma ukoll lill Onor Interpellanta li dan it-tagħrif jinsab fir- Rapport dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali Marzu 2022 maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali u li tpoġġa fuq il-Mejda ta’ din il-Kamra.

Qorti - Persuni li tressqu b’arrest

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34330 u jgħid kemm-il persuna tressqet b'arrest quddiem il-Qorti matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm minnhom tressqu fuq vjolenza domestika?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni li ngħatatli b’rabta mal-mistoqsija tagħha. Sena Total ta’ persuni mressqa b'arrest quddiem il-Qorti għal kull reat inkluż DV Total ta’ persuni mressqa b'arrest quddiem il-Qorti fuq vjolenza domestika mit-total ta’ dawk imressqa 2024 1,218 299 2025 1,635 446