Tista’ l-Ministru tgħid liema huma t-toroq f’Għawdex u Kemmuna li fihom ser ikunu qegħdin isiru jew huwa ppjanat li jsiru xogħlijiet li jinkludu tħaffir ta’ trinek fit-toroq jew fuq il-bankini mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jew mill-Enemalta matul il-perjodu ta’ bejn Frar 2026 u Diċembru 2026?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq Ta’ Xħajma, Xewkija/Nadur, Triq Bordin, Għajnsielem, parti minn Triq Ta’ Seguna/parti minn Triq ta' Bebunaq/parti minn Triq It-Tempju Ta’ L-Imramma/Triq Dun Luqa, Sannat u Triq San Duminku, Rabat. Għandha wkoll ippjanat li sa tmiem is-sena jsiru xogħlijiet fi Triq San Ġwann Bosco/parti minn Triq Dun Pawl Micallef/ Triq Il-Wied, Rabat, Triq Karlu Galea/parti minn Triq Ġorġ Borg Olivier/ Triq Viani, Rabat, Triq il-Qbajjar, Marsalforn, Triq San Franġisk/Triq Is-Simar, Qala, Triq Il-Viżitazzjoni/Triq Karmni Grima/Triq L-Arċipriet Gamri Camilleri/Triq Kanonku Franġisk Mangion, Għarb.
Infurmata wkoll li min-naħa tal-Enemalta
bħalissa għaddejjin xogħlijiet fi Triq il-Qbajjar/Triq ix-Xwejni, Marsalforn u Triq ta’ Ħamet/Triq ta' Xħajma/Triq Bordin, Nadur, filwaqt li qed ikun ippjanat li b’rabta mat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku matul din is-sena jsiru wkoll xogħlijiet fl-Għarb, ix-Xagħra, San Lawrenz u r-Rabat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani li ġew ikklassifikati bħala long term care patients mill-Isptar Mater Dei u kemm minnhom ġew rilokati f'din l-aħħar sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 61 persuna li ġew ikklasifikati bħala long term care patients. Infurmat ukoll li fl-aħħar sena 575 pazjent ġew rilokati għal dar tal-anzjani u 291 pazjent ġew rilokati għal SVP.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz tas-Silver T jużax vannijiet (mini buses) biss? Jista’ jgħid ukoll x’alternattivi hemm (bħal karozza) għall-anzjani li għal raġunijiet varji ma jkunux jistgħu jitilgħu fil-vann?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li s-servizz tas-Silver T ma jużax biss vannijiet, iżda jopera kemm b’vannijiet kif ukoll b’karozzi, skont il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull rotta. Kemm il-vannijiet kif ukoll il-karozzi huma mgħammra bit-tagħmir neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-anzjani jkunu jistgħu jużaw dawn il-vetturi b’mod komdu u mingħajr diffikultà.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm psikologi jaħdmu mal-Qorti tal-Familja?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa, fost esperti oħra, il-psikologi jiġu maħtura mill-Qorti u m’humiex impjegati mal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati. Kif tħabbar pubblikament, bħala parti mir-riforma tal-Qorti tal-Familja, se jiġi introdott ir-rwol ta’ Persuni ta’ Sostenn.
Proprjetajiet - Spezzjonijiet għal under declaration
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32888, 33161 u 33695 u jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq proprjetajiet li nxtraw biex jaraw li ma kienx hemm under declaration mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien hemm persuni li nstabu li kellhom under declaration u li ma jirriflettix il-piż attwali matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid ukoll kemm inġabru taxxi b’dan il-mod matul l-istess perjodu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella hawn taħt:
Sena
Numru ta' Spezzjonijiet
Numru ta' Kontijiet
Taxxi Miġbura
2020
4,957
2100
€1,267,574.92
2021
5,749
2768
€1,431,495.01
2022
6,639
3069
€2,033,861.67
2023
4,162
2882
€3,043,785.11
2024
3,243
1857
€2,131,658.58
2025 (sa 30.11.25)
4,091
2013
€2,725,238.55
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi s-somom imħallsa skont is-sena u skont il-kumpanija benefiċjarja li għandhom x’jaqsmu mal-kuntratt tal-isptarijiet?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Kuntratt tal-isptarijiet - ħlasijiet pendent/rikoveri ta’ fondi
Question
Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx ħlasijiet pendenti jew rikoveri ta’ fondi li għandhom jitħallsu jew jitħallsu lura wara t-terminazzjoni tal-kuntratt tal-isptarijiet?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Kuntratt tal-isptarijiet - Kumpaniji/konsorzji li rċevew ħlasijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kumpaniji jew konsorzji li rċevew ħlasijiet taħt il-kuntratt tal-isptarijiet u jispjega x’kienu l-obbligi tagħhom taħt l-istess ftehim?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Servizz Pubbliku - Trainee Tradespersons - Sejħiet ta’ ingaġġ
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw għall-aħħar sejħa ta’ ingaġġ ta’ Trainee Tradesperson li jwassal fil-gradi ta’ Trainee Tradesperson Stream fis-servizz pubbliku? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma Għawdxin u kemm minnhom huma Maltin?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li r-rizultat tat-Trainee Tradesperson wasal fl’aħħar fażi u minn kien eliġibbli u għadda se jiġi appuntat.
L-Isptar Mater Dei – Health Carers u Senior Health Carers – Allowance
Question
Jista’ l-Ministru jghid kemm Health Carers/Senior Health Carers ser jieqfu jgawdu l-allowance ta’ €330 maqbul f’Mejju 2024 għall-Health Carers/Senior Health Carers li jaħdmu fl-Outpatients tal-Isptar Mater Dei?
L-Isptar Mater Dei – Health Carers u Senior Health Carers – Allowance
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34792 dwar għaliex l-allowance ta’ €330 maqbul f’Mejju 2024, għall-Health Carers/Senior Health Carers li jaħdmu fl-Outpatients tal-Isptar Mater Dei qed jitwaqqaf, fejn ġie mwieġeb li “l-Health Carers/Senior Health Carers li jagħmlu xogħol ta’ ‘patient care duties’ ikomplu jgawdu mill-allowance maqbul f’Mejju 2024.”, jista’ l-Ministru jagħti d-definizzjoni tal-patient care duties?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Id-definizzjoni ta’ ‘patient care duties’ hija skont il-ftehim kollettiv iffirmat mal-unjins rispettivi.
L-Isptar Mater Dei – Infermiera u staff – Sample menu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti sample menu tas-snacks differenti li qed jingħataw lill-infermiera u l-istaff tal-Isptar Mater Dei li applikaw bħala ‘gluten free’ u dawk li applikaw bħala ‘diabetic’?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-Long Service Allowance għall-Korpi Dixxiplinati ngħata lil min kien fis-servizz wara d-data tal-1 ta’ Jannar 2026, bir-riżultat li ġie eskluż kull min kien għamel servizz twil qabel dik id-data?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li jbatu bid-dijabete (Type 2) qed jingħataw l-Ozempic minn fuq il-Formolarju tal-Gvern?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li għaddej xogħol fuq l-injezzjonijiet ta’ GLP 1 agonst, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tkun b’mod sostenibbli u skont il-qafas regolatorju applikabbli.