Legislature:
Category:
Reset
Active:

ITS - Drop outs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm drop outs mill-ITS maqsuma skont il-korsijiet rispettivi tagħhom f'din is-sena skolastika? Jista’ jgħid ukoll x’ser isir biex ma jkunx hemm iktar drop outs?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.

MCAST - Drop outs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm drop outs mill-MCAST maqsuma skont il-korsijiet rispettivi tagħhom f'din is-sena skolastika? Jista’ jgħid ukoll x’ser isir biex ma jkunx hemm iktar drop outs?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Gozo Channel - Manutenzjoni tal-vapuri - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq il-manutenzjoni tal-vapuri tal-Gozo Channel mill-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni vapur b’vapur?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li din l-informazzjoni għada qed tinġabar.

L-Imġarr - Triq Sir Temi Zammit - Traffic Management

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35270 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34253, jista’ l-Ministru jgħid ma’ min għadhom qed isiru d-diskussjonijiet dwar Triq Sir Temi Zammit, fl-Imġarr? Jista’ jgħid ukoll meta ser isiru laqgħat futuri u jekk hemmx pjan għal meta ser tittieħed xi azzjoni li twassal għall-konklużjoni?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità approvat tibdil fl-immaniġġjar tat-traffiku f’diversi toroq fl-Imġarr. Madankollu, il-Kunsill Lokali flimkien mal-Awtorità ser ikomplu jiddiskutu s-sitwazzjoni relatata mat-triq imsemmija.

Ta’ Qali - Concert area - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern fuq il-concert area l-ġdida f’ Ta’ Qali minn meta nfetħet u kemm-il darba ntużat għal avvenimenti sa issa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sa issa ġew installati  r-railings ta’ wara l-palk.  Minn Mejju 2024 s’issa din iż-żona intużat għal 13-il avveniment.

Bone density test - Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni li bħalissa qegħdin fuq il-lista ta’ stennija biex jagħmlu bone density test?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-appuntamenti għall-eżamijiet tal-bone density jiġu skedati prinċipalment skont il-post fejn jinsab it-tagħmir disponibbli u l-post ta’ residenza tal-klijent. Il-magni tal-bone density jinsabu fl-Isptar Mater Dei, Residenza ta’ San Vinċenz, iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Wieħed għandu jifhem li numru sostanzjali ta’ eżamijiet ikunu ta’ segwitu (“follow-up”), li jridu jsiru fi żmien speċifiku kif mitlub fir-rikjesta tat-tabib. Infurmat li kull ġimgħa jidħlu medja ta’ 490 talba għal eżamijiet tal-bone density.  Dawn jiġu skedati kollha fi żmien qasir.

Transport Malta - Studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx policy li tipprojbixxi lill-istudenti li jkunu qed jaħdmu ma’ Transport Malta b’numru ta’ sigħat mandatorji għall-kors tagħhom, milli jaħdmu numru żgħir ta’ sigħat online? Jekk iva, jista’ jagħti r-raġuni għal dan?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tat-Trasport tilqa’ studenti kull sena bil-għan li dawn jitgħallmu direttament mill-post tax-xogħol u jiksbu l-għodda neċessarja għal meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

MGA - Permess ta’ logħob - Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ma’ kull applikazzjoni għal permess ta’ logħob (tombla), il-Malta Gaming Authority qed titlob id-dettalji tal-membri tal-kumitat kollu u mhux ta’ min qed japplika? Jista’ ukoll: i.    jgħid x’inhu l-iskop għat-talba ta’ din l-informazzjoni kollha; ii.   jgħid għaliex mhux qed jintalbu biss id-dettalji tas-segretarju jew ta’ dik il-persuni li qed tapplika f’isem il-kumitat; u iii.  jagħti garanzija li tali dettalji qed jinżammu biss mill-uffiċjali nkarigati mid-data f’dik l-awtorità b’tali mod li ma jkollhomx aċċess għalihom terzi inkluż impjegati tal-istess awtorità?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ir-Rabat, Malta - Triq Ġorg Borg Olivier - Immaniġġjar tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan ġdid ta’ mmaniġġjar tat-traffiku għal Triq Ġorġ Borg Olivier, ir-Rabat, Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa qed jiġu evalwati xi proposti relatati mas-sistema tat-traffiku fi Triq Borg Olivier, ir-Rabat, Malta. Qed isiru wkoll verifiki tekniċi relatati mal- vehicle swept paths f’ċerti punti tul din it-triq.

Ir-Rabat, Malta - Triq Ħad-Dingli - Sistema tad-drenaġġ tad-djar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk fi Triq Ħad-Dingli, ir-Rabat, Malta, fejn qed isir proġett mill-Ministeru, hux ser isiru konnessjonijiet mas-sistema tad-drenaġġ tad-djar li sa llum għadhom mhumiex konnessi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-proġett jinkludi l-konnessjonijiet neċessarji mad-djar.

Ir-Rabat, Malta - Vjal il-Ħaddiem - Kontroll ta’ sewqan eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex tittieħed azzjoni biex jiġi kkontrollat is-sewqan eċċessiv fi Vjal il-Ħaddiem, ir-Rabat, Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent ma hemm l-ebda talba jew ilment pendenti relatat ma’ sewqan eċċessiv f’din it-triq, ninfurmah li l-Awtorta’ tat-Trasport diġa’ approvat numru ta’ controlled pedestrian crossings sabiex tiġi indirizzata s-sigurta’ pedonali.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex - Karozzi tal-Isptar użati minn ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk impjegati tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, jistgħux jużaw karozzi tal-Isptar bil-logo tal-Isptar fuqhom għal xogħol privat tagħhom, jew jużaw l-istess vetturi għal xogħol konness ma’ kumpaniji jew għaqdiet li jaħdmu magħhom jew li huma membri fihom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-vetturi tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jintużaw biss għal xogħol relatat mal-Isptar.

Regolament (UE) 2024/1309 - Miżuri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31409, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu s’issa biex jiġi effettivament implimentat ir-Regolament tal-UE 2024/1309, tenut kont ukoll li dan daħal fis-seħħ f’Novembru 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-emendi inkwistjoni mistennija jiġu ppublikati fil-jiem li ġejjin fejn l-abbozz tal-liġi ġie emendat b’riżultat tal-konsultazzjoni pubblika li saret.

Gazzetta tal-Gvern - Explanatory notes

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29985, waqt li wieħed japprezza l-ħtieġa tal-explanatory notes, jista’ l-Ministru jqis li huwa iktar prattiku li l-explanatory notes isegwu direttament il-liġi li huma qed jispjegaw milli jiġu ppubblikati separatament f’xi ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern lil hinn mil-liġi kkonċernata, dan kif wara kollox hi wkoll il-prassi segwita f’diversi pajjiżi oħra, fejn l-explanatory notes anke jekk mhux parti mil-liġi, huma magħmula direttament wara l-liġi li allura qed ifissru?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi in-Noti ta’ Spjegazzjoni ma għandhomx jiġu ppubblikati wara l-leġiżlazzjoni kif qed jiġi suġġerit, peress l-imsemmija Noti ma jifformax parti mil-liġi u għalhekk ma għandhomx il-forza tal-liġi. Għaldaqstant, huwa idoneju li jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern separatament, del resto kif qed isir, fit-taqsima li tinkorpora l-Avviżi tal-Gvern lill-pubbliku inġenerali, fl-istess ġurnata li tiġi ppubblikata l-leġiżlazzjoni li jkunu qed jispjegaw u jirreferu għaliha. Inoltre, l-imsemmija Noti jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern mal-Avviżi tal-Gvern lill-pubbliku u mhux fis-Suppliment tal-Gazzetta li hu intiż esklużivament għall-pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja. B’hekk qed jiġi sodisfatt l-element ta’ pubbliċità fir-rigward tan-negozji li jridu jaġġustaw għar-rikjesti l-ġodda tal-leġiżlazzjoni li se tidħol fis-seħħ, kif ukoll għaċ-ċittadini li se jiġu affettwati bl-istess leġiżlazzjoni.

EU 2024/1385 - Miżuri

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu s’issa biex tiġi implimentata d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea numru EU 2024/1385?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li fl-2018, l-artikoli sostantivi tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li fuqha hija bbażata d-Direttiva, saru esegwibbli bħala parti mil-Liġijiet ta’ Malta permezz tal-Att dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika, Kap. 581 tal-Ligijiet ta’ Malta. Minkejja dan, b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, sar eżerċizzju biex jigu identifikati l-emendi legali neċessarji sabiex tiġi implimentata d-Direttiva 2024/1385. Dan wassal għal abbozzar ta’ liġi u diversi laqgħat konsultattivi ma’ partijiet konċernati, primarjament ma’ entitajiet u għaqdiet mhux governattivi.

Skejjel – Laptops li ngħataw lill-istudenti - Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35366 u ċjoè: B’referenza għall-istudenti li ngħatalhom laptop, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn humiex qed jingħataw taħriġ dwar kif jużaw laptop?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, sabiex jiġi żgurat użu effettiv u responsabbli tal-laptops, inħarġet ċirkulari indirizzata lill-ġenituri u lill-iskejjel flimkien ma’ dokument edukattiv li jispjega fid-dettall il-funzjonijiet tal-laptops kif ukoll l-għodod ewlenin li għandhom jintużaw għal skopijiet edukattivi. Dan id-dokument għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-litteriżmu diġitali u joffri gwida ċara dwar l-użu xieraq tat-teknoloġija. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi enfasizzat li dawn il-laptops huma maħsuba għal użu edukattiv u l-istudenti jkunu dejjem iggwidati mill-għalliema u mill-ġenituri jew kustodji tagħhom waqt l-użu tagħhom. Meta l-għalliema jużaw il-laptops fil-klassi, huma jkunu qed juru b’mod viżiv u prattiku kif dawn għandhom jintużaw, u b’hekk l-istudenti jitgħallmu direttament permezz tal-eżempju. Ikun għaqli wkoll li meta wieħed iħares u jitkellem dwar dan is-suġġett, iħares lejn l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali.

Eżamijiet pubbliċi - Kandidati Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jagħti raġuni għalfejn kandidati residenti Għawdex qed ikollhom joqogħdu għal ċerti eżamijiet pubbliċi f’Malta, bħal każ tas-Security Guards, meta din kienet wegħda elettorali li kull eżami pubbliku jsir f’Għawdex għal dawk ir-residenti Għawdxin? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm eżamijiet oħra barra dak indikat li kandidati Għawdxin kellhom jagħmluhom Malta mingħajr ma ngħataw l-għażla li jistgħu jagħmluhom f’Għawdex stess?  F’każ li kien hemm minn dawn l-eżamijiet, jista’ jagħti lista tagħhom u kemm kien hemm kandidati minn Għawdex għal kull eżami, u jaqsam din l-informazzjoni għal kull eżami?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżamijiet lokali normalment isiru kemm fiċ-ċentri tal-eżamijiet f’Malta kif ukoll fiċ-Ċentru tal-Eżamijiet f’Għawdex, ir-Rabat (Victoria).