Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jieħu l-passi neċessarji sabiex, permezz tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), isir investiment fl-infrastruttura li hemm f’San Pawl il-Baħar, bħalma huma sinjali tat-traffiku u tabelli oħra, inkluż żebgħa fit-toroq, sabiex tingħata dehra aħjar lill-istess lokalità?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi dawn it-tip ta’ interventi ma jaqgħux taħt ir-responsabbilta’ tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, avolja dejjem ikun hemm dispożizzjoni sabiex tingħata għajnuna lill-Kunsilli Lokali. F’dan il-każ jeżistu Awtoritajiet oħra li huma aktar adattati għal dan il-għan.
Fid-dawl li l-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar għandha madwar 16,000 sodda għat-turisti, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jara li parti mill-flus miġbura mit-taxxa ta’ kull lejl, li minn din is-sena telgħet għal €1.50 kuljum, tingħadd lill-Kunsill Lokali sabiex tkun tista’ tiġi investita fil-bosta bżonnijiet tal-lokalità?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-flus li jinġabru mill-Eko kontribuzzjoni ta’ kull lejl, dejjem intefqu f’proġetti relatati mat-turiżmu, mill-Ministeri responsabbli għat-turiżmu, b’kollaborazzjoni ma’ numru ta’ stakeholders u mhux l-ewwel darba li gawdiet il-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar. Ninfurmaha wkoll li r-rata ta’ €1.50 għal kull lejl se tkun effettiva mill-1 ta’ Lulju 2026, u mhux mill-bidu tal-2026 kif tat x’tifhem l-Onor. Interpellanta
Il-Bidnija, San Pawl il-Baħar - Triq il-Girna - Mains tad-drenaġġ qabel isir it-tarmak
Question
Tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex qabel ma jsir ix-xogħol ta’ tarmak fi Triq il-Girna, l-Bidnija, fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar, jitpoġġew il-mains tad-drenaġġ, u dan biex jitnaqqsu l-ispejjeż meħtieġa, kif ukoll biex jiġi assigurat li jitneħħew il-fosos eżistenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li l-fosos eżistenti fl-imsemmija triq, li jappartjenu għar-residenzi, huma parti integrali mill-infrastruttura tad-drenaġġ u jitbattlu b’mod regolari. Ma’ dan inżid li l-Korporazzjoni kontinwament għaddejja bi pjanijiet u disinji biex tibni infrastrutturi ta’ drenaġġ ġodda f’żoni li preżentament huma moqdijin bis-sistema ta’ fosos.
Ix-Xemxija - Triq Telgħet ix-Xemxija - Xogħlijiet tad-drenaġġ u fuq is-sistema tal-ilma
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) hux ser tkun qiegħda twettaq xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ u fuq is-sistema tal-ilma, fi Triq Telgħet ix-Xemxija, ix-Xemxija? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li jinbeda u jitlesta dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tlesta x-xogħol relatat mas-sistema tad-drenaġġ kif ukoll sar xogħol fuq il-lining tal-infrastruttura eżistenti.
San Pawl il-Baħar - Triq it-Turisti - Ċitazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet fi Triq it-Turisti, f’San Pawl il-Baħar bejn Jannar 2025 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u għal liema kontravenzjonijiet differenti nħarġu dawn iċ-ċitazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed npoġġi t-tagħrif fuq il-mejda tal-kamra.
Sena 2024 - Servizz Ċivili - Ħaddiema li nxtara s-servizz tagħhom permezz ta’ proċess ta’ procurement
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34850, jista’ l-Prim Ministru jagħti n-numru ta’ ħaddiema ingaġġati permezz ta’ aġenziji tal-impjiegi (li nxtara s-servizz tagħhom permezz ta’ proċess ta’ procurement u mhux outsourced) sabiex ħadmu fis-servizz ċivili matul l-2024, maqsuma xahar b’xahar?
Jista’ wkoll jindika:
i. f’liema Ministeru jew dipartiment ġew assenjati;
ii. x’tip ta’ xogħol wettqu (eż. security, clerical, cleaning, technical, care work, eċċ.);
iii. in-nazzjonalità tagħhom (Maltin, ċittadini tal-Unjoni Ewropea, jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi [TCNs]); u
iv. l-isem tal-aġenzija tal-impjiegi?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħaddiema li jaħdmu permezz ta’ aġenziji tal-impjieg ma' Jobsplus, humiex qed jingħataw l-istess paga u kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-ħaddiema l-oħrajn li huma impjegati full-time direttament mal-entità, u li jagħmlu l-istess xogħol?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li Jobsplus tagħmel użu minn servizzi li jiġu pprovduti minn kumpaniji li jispeċjaliżżaw fis-servizz pertinenti. Dawn jinkludu servizzi ta’ tindif u ta’ sigurta. Ir-remunerazzjoni għall-ħaddiema impjegati permezz ta' kuntratt ma’ kumpaniji terzi mal-Jobsplus hija rregolata minn linji gwida maħruġa mid-Diviżjoni
People and Standards
(P&SD) skond il parametri stabiliti fil LN 128/24 u LN125/25, biex tiġi żgurata parità mal-istandards stabbiliti mill-gvern.
Segretarjat għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni – Infiq fuq reklamar u promozzjoni
Question
Jista’ l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34159, 34435 u 34802 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt d-dekasteru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll:
i. it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.);
ii. data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u
iii. ammont totali tal-infiq?
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Infiq fuq reklamar u promozzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34158, 34434 u 34801 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll:
i. it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.);
ii. data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u
iii. ammont totali tal-infiq?
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Infiq fuq reklamar u promozzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34157, 34433 u 34800 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll:
i. it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.);
ii. data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u
iii. ammont totali tal-infiq?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni – Infiq fuq reklamar u promozzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34156, 34432 u 34799 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll:
i. it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.);
ii. data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u
iii. ammont totali tal-infiq?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali – Infiq fuq reklamar u promozzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34155, 34431 u 34798 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll:
i. it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.);
ii. data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u
iii. ammont totali tal-infiq?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istruttura tal-multi jew penali li jistgħu jiġu imposti f’każijiet fejn pannelli solari jiġu installati fuq strutturi li m’għandhomx il-permessi meħtieġa jew li fuqhom ikun hemm stop notice, inkluż jekk dawn il-multi jew penali jiġux applikati ta’ kuljum u kif dawn huma kkalkulati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba ta’ Mistoqsija Parlamentari nru 35015.
Pannelli solari – Mekkaniżmi ta’ kontroll/monitoraġġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar jew xi awtorità oħra tipprovdix gwida jew għandhiex mekkaniżmi ta’ kontroll jew monitoraġġ lejn fornituri jew installaturi ta’ pannelli solari sabiex jiġu evitati installazzjonijiet fuq strutturi jew żviluppi li m’għandhomx il-permessi meħtieġa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li rigward pannelli solari, l-installazzjoni ta’ pannelli solari hija meqjusa bħala “żvilupp” kif definit fl-Artikolu 70(1) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (KAP. 552). Madankollu, skont Klassi 1(iv) tal-Iskeda annessa mal-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp (L.S.552.08), l-installazzjoni ta’ “pannelli għax-xemx u t-tagħmir tagħhom, u pannelli foto-voltajċi u t-tagħmir tagħhom” ma għandhomx bżonn ta’ permess ta’ żvilupp mill-Awtorità tal-Ippjanar, u lanqas huma soġġetti għall-proċedura tan-notifika stabbilita fl-artikolu 5(1) u (3) mal-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp (L.S.552.08).
Iżda tali strutturi jridu jkunu konformi mal-policies tad-dokument “
Development Control Design Policy, Guidance and Standards 2015
”, speċjalment ma’ Policy G26 u Policy P48 li jinkludu deskrizzjoni u anke disinji ta’ fejn u kif għandhom jitwaħħlu biex ikunu aċċettabbli mil-lat ta’ ppjanar ta’ żvilupp. F’każ ta’ twaħħil ta’ pannelli solari f’ċirkostanzi mhux kontemplati fil-policies tad-“
Development Control Design Policy, Guidance and Standards 2015
”, jew mhux eżentati mill-ħtieġa ta’ permess ta’ żvilupp skont l-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp (L.S.552.08), trid tiġi sottomessa applikazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jinkiseb permess ta’ żvilupp.
L-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp (L.S.552.08), u d-dokument “
Development Control Design Policy, Guidance and Standards 2015
” huma dokumenti pubbliċi li jistgħu jiġu kkonsultati minn fornituri jew installaturi ta’ pannelli solari sabiex jiġu evitati installazzjonijiet fuq strutturi jew żviluppi li m’għandhomx il-permessi meħtieġa. Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Ippjanar toffri servizz tekniku kuljum permezz tat-telefon, kif ukoll mill-Front Desk tagħha fl-uffiċini ta’ Malta u anke l-uffiċċju ta’ Għawdex.
Jekk il-pannelli solari ma jitwaħħlux skont il-policies relatati, jew għandhom bżonn ta’ permess ta’ żvilupp, dawn jistgħu jkunu soġġetti għal multa ta’ kuljum skont ir-Regolamenti dwar Multi għal Kull Ġurnata u Multi Amministrattivi (S.L.552.24) jekk tali żvilupp ikun sar wara Novembru 2012. Jekk il-pannelli solari jitwaħħlu fuq żvilupp illegali li huwa diġà soġġetta għal Avviż ta’ Waqfien u ta’ Twettiq, il-pannelli solari huma wkoll illegali u l-istess Regolamenti dwar Multi għal Kull Ġurnata u Multi Amministrattivi (S.L.552.24) huma applikabbli peress li dan huwa meqjus bħala ksur ta’ Avviż ta’ Waqfien u ta’ Twettiq eżistenti.
L-istruttura tal-multi li jistgħu jiġu imposti hija regolata mill-Iskeda ta’ Multi għal Kull Ġurnata li hija annessa mar-Regolamenti dwar Multi għal Kull Ġurnata u Multi Amministrattivi (S.L.552.24). Il-kategorija ta’ multi applikabbli hija deċiża skont il-kobor tal-installazzjoni u/jew iż-żona li s-sit jinsab fiha. Il-multi huma applikati ta’ kuljum u huma kkalkulati skont ir-regolamenti tal-istess leġiżlazzjoni sussidjarja, sa massimu ta’ €50,000 (ħamsin elf ewro) għal kull avviż jew ksur ta’ avviż li jinħareġ.
Jista’ l-Ministru jgħid x’jiġri f’każijiet fejn ikun diġà ġie maħruġ stop notice mill-Awtorità tal-Ippjanar fuq struttura jew installazzjoni, iżda xorta waħda s-sid jew il-fornitur jipproċedu bix-xiri u l-installazzjoni ta’ pannelli solari?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba ta’ Mistoqsija Parlamentari nru 35015.
Pannelli solari – Mekkaniżmi ta’ verifika – Fondi/skemi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx mekkaniżmi ta’ verifika biex jiġi żgurat li l-fondi marbuta mas-sistemi ta’ pannelli solari ma jintużawx biex jiffaċilitaw jew jappoġġjaw żvilupp fuq bini li m’għandux permess, fid-dawl tal-fatt li dawn is-sistemi ħafna drabi jkunu marbuta ma’ fondi Ewropej jew skemi ta’ għajnuna tal-Gvern?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-mistoqsija parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
CT2299/2024 - ‘FRAMEWORK CONTRACT FOR PROVISION OF GENERAL ROAD WORKS INC. LAYING OF ASPHALT IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS FOR THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING’
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33033 u jaġġorna l-Kamra dwar is-sejħa CT2299/2024 - ‘FRAMEWORK CONTRACT FOR PROVISION OF GENERAL ROAD WORKS INC. LAYING OF ASPHALT IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS FOR THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING’? Liema xogħlijiet saru sa issa u fejn saru u fiex kienu jikkonsistu u kemm ġew jiswew permezz ta’ din is-sejħa? Jista’ jgħid ukoll liema xogħlijiet hemm ippjanati li jsiru permezz ta’ din is-sejħa fil-ġimgħat li ġejjin u kemm huma stmati li se jiġu jiswew?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed tinġabar u tingħata f’sedua oħra.
Negotiated Procedure for the Provision of Air Ambulance Service for Gozo General Hospital (GGH) NP014-6148/25 [CPSU10225/2025]
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33186 fl-intier tagħha u jgħid kemm hu l-valur tad-Direct Order permezz ta’ Negotiated Procedure: ‘Negotiated Procedure for the Provision of Air Ambulance Service for Gozo General Hospital (GGH) NP014-6148/25 [CPSU10225/2025]’, għal kemm perjodu ta’ żmien ħarġet din is-sejħa u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll meta kien l-aħħar li ħarġet sejħa pubblika biex jiġi pprovdut dan is-servizz?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li dan id-DNP huwa ppubblikat fuq l-EPPS u kwalunkwe informazzjoni tista’ tiġi kkonsultata permezz ta’ dan il-link; https://www.etenders.gov.mt/epps/cft/prepareViewCfTWS.do?resourceId=12767991
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33190 dwar ix-xogħlijiet fi Triq l-Emigranti, fin-Nadur fejn ġie mwieġeb li: ‘x-xogħlijiet mistennija jibdew fl-ewwel Ġimgħa ta’ Frar’, jista’ l-Ministru jgħid meta nbeda x-xogħol fuq din it-triq?
Jista’ jgħid ukoll:
i. kemm fiha tul Triq l-Emigranti, fin-Nadur;
ii. meta ser jitlesta minn kollox (xahar u sena) ix-xogħol f’din it-triq;
iii. min kien/u l-kuntrattur/i li ħadem fuq din it-triq s’issa; u
iv. min se jkun il-kuntrattur li se jkompli x-xogħol f’din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fi Triq l-Emigranti se jitlesta f’April ta’ din is-sena.
Ir-Rabat, Għawdex - Triq San Ġwann Bosco u Triq Dun Pawl Micallef - Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex ser ikunu jikkonsistu x-xogħlijiet kollha li hemm ippjanati li jsiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fi Triq San Ġwann Bosco u fi Triq Dun Pawl Micallef, ir-Rabat, Għawdex? Tista’ tgħid ukoll kemm ser jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet u meta hu maħsub (xahar u sena) li jitlestew dawn ix-xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet ippjanati mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaż-żona indikata jikkonsistu f’tibdil tal-mejnijiet tal-ilma kif ukoll dawk tad-drenaġġ. L-ispiża approssimattiva għal dan ix-xogħol hija ta’ €350,000 u hu mmirat li jitlesta għal Ġunju.