Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34520 u jgħid kemm inħarġu ordnijiet taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv), Kap 602 fis-sena 2025, skont kull kategorija ta’ protezzjoni li tipprovdi din il-liġi?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub minnha huwa kif jidher hawn taħt.
99 Ordnijiet ta’ Protezzjoni Proviżjonali mqassmin kif elenkat hawn taħt:
i. 14 Ordnijiet ta’ Emerġenza (13
pendente lite
, 1 revokata)
ii. 26 Ordnijiet ta’ Ħarsien (
Care Order
) (8 kkonfermati, 18
pendente lite
)
iii. 5 Ordnijiet ta’ Superviżjoni (
pendente lite
)
iv. 2 Ordnijiet ta’ Ħarsien Korrettiv (1
pendente lite
, 1 revokata)
v. 52 Ordnijiet UMAS
[i]
(23 kkonfermati, 29
pendente lite
)
34 Ordnijiet ikkonfermati, i.e. li l-proċess legali kien mibdi fi snin preċedenti, mqassmin kif elenkat hawn taħt:
i. 21 Ordnijiet ta’ Ħarsien
ii. 5 Ordnijiet ta’ Superviżjoni
iii. 1 Ordni ta’ Ħarsien Korrettiv
iv. 7 Ordnijiet ta’ Ħarsien revokati.
[i]
UMAS – tindika l-frażi unaccomapnied minors asylum seekers, li tirreferi għal minuri mhux akkumpanjat illi qed ifittex l-ażil fil-ġżejjer Maltin
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34519 u jgħid kemm hemm tfal b’Ordni ta’ Ħarsien li għandhom bżonn akkomodazzjoni alternattiva, iżda ma ngħatatilhomx minħabba li m’hemmx akkomodazzjonijiet biżżejjed? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx lista ta' stennija għall-akkomodazzjoni alternattiva u jekk iva, kemm hi twila din il-lista?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm 12-il minuri b’Ordni ta’ Ħarsien li bħalissa qegħdin jiġu assessjati biex tinbidlilom ir-residenza fejn qed jgħixu.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34517 u jgħid kemm kien hemm telefonati għall-Helpline 179 fl-2025?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li l-istatistika annwali tal-FSWS tiġi ppubblikata bejn nofs ix-xahar ta’ April u nofs ix-xahar ta’ Mejju; u dejjem tkun riferibbli għas-sena preċedenti.
L-istatistika tkun dejjem ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-FSWS
FSWS - Masters in Social Work - Impjegati li temmew il-kors
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33853 u jgħid kemm kien hemm impjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) li temmew b’suċċess il-Masters in Social Work (M.SW) f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru impjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) li temmew b’suċċess il-
Masters in Social Work
(M.SW) f’dawn l-aħħar ħames snin kien kif ġej:
1.
2022 - 1
2.
2023 - 0
3.
2024 - 3
4.
2025 - 1
5.
2026 - 3
FSWS – Masters in Social Work - Inċentivi għall-impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33852 u jgħid x’inċentivi qed tagħti l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) biex impjegati li huma diġà ggradwati, jagħmlu l-Masters in Social Work (M.SW) li jwassal biex persuna tidħol fil-professjoni tas-social work u ġġib il-warrant wara sentejn ta’ prattika (full-time), jew l-ekwivalenti?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-inċentivi li qed tagħti l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) biex impjegati li huma diġà ggradwati sabiex jidħlu għal
Masters
fis-
Social Work
huma:
1.
Sa fejn hu possibbli jkollhom siegħat flessibbli sabiex ikunu jistgħu jattendu għal
lectures;
2.
Għandhom l-għażla li jaħdmu siegħat mnaqqsa (
reduced hours
) sakemm ikunu qed jagħmlu l-
Masters
fis-
Social Work
;
3.
Jingħataw
study leave
;
4.
Jibqgħu eliġibbli kemm għal
training
intern organizzat mill-FSWS kif ukoll għas-CPD;
5.
Is-
seniority
li jkollhom fl-impjieg oriġinali tagħhom mal-FSWS tibqa’ tgħodd u tkun riflessa fl-
increments
(
notches
) tal-paga tagħhom kemm waqt li jkunu qed jistudjaw u kemm wara li jtemmu li studji tagħhom. Fi kliem ieħor il-konċessjonijiet u / jew inċentivi li jingħataw biex ikomplu bl-istudji tagħhom ma jkollhomx impatt negattiv fuq l-
increments
(
notches
) li huma intitolati għalihom;
6.
Minbarra dan, meta jiġu għal
Career Progression
, jiġifieri meta jiġu biex, skont il-Ftehim Kollettiv, jitilgħu għal
Senior Social Worker I
u
Senior Social Worker II
is-servizz li jkunu taw fis-snin ta’ qabel ma’ għamlu l-
Masters
fis-
Social Work
jibqa’ jgħoddillhom.
Għawdex – Fond tas-€700 miljun - Xogħlijiet fuq toroq
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tat-toroq li saru mill-fond tas-€700 miljun f’dawn l-aħħar seba’ snin f’Għawdex, maqsuma lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid ukoll kemm ġiet tiswa kull triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
CfT: CT3007/2025 TENDER FOR THE UPGRADING OF RURAL ROADS IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER – WIED JUNU, GHAJN ABDUN AND TRIQ TA’ SPITERI, L/O KERCEM AND SAN LAWRENZ, GOZO
Question
B’referenza għas-sejħa CfT: 'CT3007/2025 TENDER FOR THE UPGRADING OF RURAL ROADS IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER – WIED JUNU, GHAJN ABDUN AND TRIQ TA’ SPITERI, L/O KERCEM AND SAN LAWRENZ, GOZO', jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet kollha li kien hemm fil-Bill of Quantities ta’ din is-sejħa sarux kollha u jekk le x’fadal isir u meta hu maħsub li jitlestew?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward tas-sejħa CfT: CT3007/2025 – Tender for the Upgrading of Rural Roads in a Resource Efficient Manner – Wied Junu, Għajn Abdun and Triq ta’ Spiteri, L/O Kerċem and San Lawrenz, Gozo, li x-xogħlijiet marbuta ma’ dan il-kuntratt għadhom fil-fażi ta’ eżekuzzjoni u għaddejjin skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt. F’dan l-istadju tal-implimentazzjoni tal-proġett, l-Awtorità kontraenti ma tistax tiddetermina b’mod definittiv jekk sarx użu sħiħ jew parzjali mill-oġġetti kollha inklużi fil-Bill of Quantities. Ta’ min jinnota li l-Bill of Quantities jinkludi wkoll diversi proviżjonijiet u kontinġenzi li jiġu applikati skont il-ħtiġijiet li jistgħu jinqalgħu matul l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet fuq il-post.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33995 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u jgħid kemm twieldu trabi f’Malta u Għawdex separatament fl-2024 u fl-2025, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-trabi kienu:
i. minn ġenituri fejn it-tnejn kienu ta’ nazzjonalità barranija;
ii. minn ġenituri fejn ġenitur minnhom kien ta’ nazzjonalità barranija;
iii. minn unknown father; u
iv. minn tfajliet tal-età bejn it-13 u s-16-il sena?
Jista’ l-Ministru jgħid x’fadal isir biex il-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri jkun jista’ jinfetaħ għall-pubbliku bħala ‘Visitor Experience’? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema impjegati tas-servizz pubbliku jaħdmu f’dan il-post fil-preżent, x’inhu l-grad tagħhom u x’tip ta’ xogħol qed jagħmlu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Ministeru qed jfassal it-tender relatat mal-visitors centre.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33716 u jgħid kemm kienu l-istudenti li attendew korsijiet fl-Iskola tal-Arti fix-Xewkija matul is-sena skolastika 2023-2024 u 2024-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa n-numru tal-istudenti li bdew korsijiet fis-sena skolastika 2025-2026?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt;
Sena Skolastika 2023-24: 1,099 student
Sena Skolastika 2024-25: 1,069 student
Sena Skolastika 2025-26: 1,206 student
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34071 u 34074 fir-rigward tal-ħsarat ikkawżati bil-maltemp fix-Xatt tax-Xgħajra, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret jew hemm ippjanata li ssir f’dawn ix-xhur?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti rreġistrati mal-Academy for Interactive Media (AIM)?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Academy of Interactive Media (AIM) hija inizjattiva edukattiva mfassla biex tappoġġja l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet fis-setturi tal-logħob diġitali u tal-media interattiva. L-AIM toffri masterclasses fuq perjodu qasir immexxija minn esperti ewlenin fil-qasam (guru-led), kif ukoll workshops u sessjonijiet ta’ taħriġ immexxija mill-industrija.
Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-AIM hija organizzata fuq bażi ta’ kull sessjoni, fejn il-parteċipanti jirreġistraw biss għas-sessjonijiet speċifiċi li jkunu jixtiequ jattendu, u mhux permezz ta’ programm fiss. Barra minn hekk, permezz tal-AIM, GamingMalta pprovdiet 600 eżami ta’ ċertifikazzjoni ta’ Unity lill-istudenti, kif ukoll appoġġjat mogħdijiet ta’ akkreditazzjoni tal-Unreal Engine kemm għall-istituzzjonijiet kif ukoll għall- professjonisti.
Din l-inizjattiva ġiet ippreżentata quddiem il-kumitat parlamentari fil-ġimgħa li għaddiet.
Strateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp tal-Video Games
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp tal-Video Games?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni relatata mad-direzzjoni strateġika ta’ Malta għall-iżvilupp tal-industrija nazzjonali tal-Video Games hija stabbilita fid-dokument tal-Gvern “Vision for Video Games Development and Esports liema kopja tagħha diġa ġiet imqgħeda fuq il-mejda tal-Kamra.
Għaldaqstant ninforma l-Onor. Interpellant li bħalissa l-Gaming Malta Foundation, qed jahdmu biex din l-istrateġija tiġi aġġornata f’konformità ma’ Malta Vision 2050, inklużi l-objettivi ewlenin u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp ta’ roadmap aġġornata għas-settur. L-istrateġija aġġornata mistennija titnieda fix-xhur li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bandli maqlugħin madwar Malta u Għawdex?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onorevoli interpellant kjarifika dwar x’qed jiġi riferut meta ssir riferenza għall-‘bandli’, jekk hux għall-playing field jew għall-bandli individwali sabiex tkun tista’ tingħata tweġiba korretta.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31457, 32000, 32550 u 33413 u jgħid kemm inġabru flus mill-VAT fuq l-istabbilimenti tal-ikel fl-2025?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-dħul tal-VAT minn stabbilimenti tal-ikel li jintaxxaw s-servizzi tagħhom bir-rata ta’ 18% VAT fl-2025 kien jammonta għal madwar 234.2 miljun.
Dan ifisser li jekk ir-rata tinżel għal 7%, il-Gvern isofri tnaqqis fid-dħul mill-VAT ta’ €143.1 miljun.
Kuntratt tal-isptarijiet - Obbligi pendenti ta’ pagamenti
Question
Jista’ l-Ministru jindika jekk il-Gvern għandux obbligi pendenti ta’ pagamenti taħt xi sub-kuntratti ma’ kumpaniji Maltin li kienu qed jaħdmu taħt il-kuntratt ewlieni tal-isptarijiet?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Kuntratt tal-isptarijiet - Kumpaniji lokali li ma qablux li jirċievu ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx xi kumpaniji lokali li ma qablux li jirċievu ħlas jew li ċaħdu ħlasijiet bħala parti minn ftehim jew arranġament finanzjarju fil-kuntratt tal-isptarijiet?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.