Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat, Mtarfa, Ħaż-Żebbuġ, Mdina, Ħad-Dingli - Project Green - Proġetti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema proġetti ta’ Project Green ser ikunu qegħdin isiru/jinfetħu fil-lokalitajiet tar-Rabat, Mtarfa, Ħaż-Żebbuġ, l-Imdina, Ħad-Dingli, matul is-sena 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 33919.

Chadwick Lakes - Crayfish

Question

Tista’ l-Ministru tagħti update rigward il-crayfish fiċ-Chadwick Lakes?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal Wied il-Qlejgħa hemm fis-seħħ Ftehim ta’ Tmexxija bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) u Nature Trust – FEEE Malta għaż-żamma u r-restawr tal-ambjent naturali tas-sit. Infurmata li abbażi ta’ dan il-ftehim tneħħew madwar 5,000 ċkala (crayfish) mill-post.

Rabat, Malta - Santa Katerina - Barriera

Question

Tista’ l-Ministru tagħti update rigward is-sitwazzjoni tal-barriera f’Santa Katerina, fir-Rabat, Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sit għadu qed jiġi monitorjat mill-awtoritajiet b’mod kontinwu, kemm permezz ta’ CCTV kif ukoll bi spezzjonijiet mill-uffiċjali tal-infurzar. Infurmata wkoll li l-operatur qed jaderixxi mal-projbizzjoni imposta mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li ma jidħolx aktar materjal ġewwa s-sit, filwaqt li ġejt infurmata li l-volum ta’ materjal qed jitnaqqas. Iż-żewġ awtoritajiet kienu talbu titjib fil-metodoloġija għar-restawr tal-barriera, biex jiġi assigurat li s-sit jiġi restawrat b’mod sodisfaċenti, u bħalissa qegħdin jistennnew li dan it-titjib jiġi segwit min-naħa tal-Perit tal-operatur tal-barriera.

Direttorat tas-Servizzi tal-Allied Healthcare - Avvenimenti u nefqa pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, b’mod dettaljat: i.    kemm-il konferenza, seminar jew avveniment simili organizza d-Direttorat tas-Servizzi tal-Allied Healthcare matul l-aħħar ħames snin; ii.    x’kienet l-ispiża totali ta’ kull wieħed minn dawn l-avvenimenti; iii.   minn liema vot jew fondi pubbliċi ġew iffinanzjati dawn l-inizjattivi; u iv.   jekk saritx jew jekk hijiex ippjanata xi forma ta’ audit finanzjarju jew amministrattiv relatat ma’ dawn l-inizjattivi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għal kull nefqa, jiġu applikati r-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.  Kull nefqa saret minn Vot apposta għat-taħriġ.

Konferenza “One System, Many Pathways: Innovating with Purpose – Annual Conference 2025” - Parteċipazzjoni u riżultati

Question

B’referenza għall-konferenza “One System, Many Pathways: Innovating with Purpose – Annual Conference 2025”, jista’ l-Ministru jgħid, b’mod dettaljat: i.    kemm kien in-numru ta’ impjegati tas-Servizz Pubbliku jew ta’ entitajiet tas-saħħa li attendew għal din il-konferenza u minn liema entitajiet kienu ġejjin; ii.    jekk ġewx imħallsa speakers esterni, konsulenti jew organizzaturi oħra relatati ma’ din il-konferenza u kemm kienet l-ispiża totali ta’ dawn il-ħlasijiet; u iii.   jekk wara l-konferenza ġiex ippreparat rapport li jiddokumenta r-riżultati jew ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minnha, u jekk dan ir-rapport ġiex ippubblikat jew iċċirkolat lill-professjonisti tas-servizzi tal-Allied Healthcare?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-konferenza ġew dokumentati u diġà ġew diskussi mas-Senior Leadership tad-Direttorat tal-Allied Health Services biex jiġu riflessi fil-pjan ta' taħriġ għall-2026. Infurmat ukoll li ġew organizzati laqgħat maċ-Chairs tat-Task Forces, u l-Working Groups biex dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu appoġġjati b’effett immedjat u integrati fil-KPIs tad-Direttorat. Permezz ta’ dan il-proċess u ċ-ċirkolazzjoni tal-kontenut xjentifiku mal-professjonisti kollha, il-konferenza ssarfet f’azzjonijiet konkreti li qed itejbu s-servizz mogħti lill-pazjenti. Għar-rigward ta’ kemm impjegati attendew, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 34126.

Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul Jannar 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25204.

Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul Jannar 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni - Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażaġħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul Jannar 2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24482.

Raħal Ġdid – Triq Għajn Dwieli – Xogħol

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9432 dwar in-nefqa fuq ix-xogħlijiet li saru fi Triq Għajn Dwieli, f’Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tad-dipartiment issa li jidher li din reġgħet għandha bżonn ta’ tiswijiet serji u possibbilment li ssir mill-ġdid?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta li ngħatat għal PQ9432 kienet qed tirreferi primarjament għax-xogħlijiet fuq il-mina u x-xaft, u xogħol ta’ rikostruzzjoni ta’ parti biss minn Triq Għajn Dwieli. Fejn sar l-investiment fuq it-triq, li kien relatat mall-proġett innifsu tal-mina, it-triq in kwistjoni illum tinsab f’kundizzjoni tajba u mingħajr ħsarat.

Konsulenti - Kuntratti tal-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34934 fl-intier tagħha u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjieg tal-konsulenti preżenti li hemm ingaġġati fil-Ministeru tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 34934.

AIMS - CEOs - Kuntratti tal-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34935 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjieg tas-CEOs tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) li saru s’issa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

AIMS - Diretturi - Kuntratti tal-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34936 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjieg tad-Diretturi tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) li saru s’issa u jindika jekk dawn humiex full-time jew part-time?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

AIMS - Vjaġġi minn uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34937 u jgħid kemm-il vjaġġ sar minn uffiċjali varji tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) minn meta twaqqfet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jindika kemm kienet in-nefqa u min kienu l-uffiċjali li attendew?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li mil-2022 s’issa saru 49 vjaġġ u n-nefqa totali kienet ta’ €66,578.94.

Ir-Rabat, Bormla, Is-Siġġiewi u l-Imsida - Proġetti ta’ Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31940 u jgħid fiex waslu l-proġetti ta’ Akkomodazzjoni Soċjali fir-Rabat u Bormla, u l-estensjoni tas-Siġġiewi u l-Imsida?

Response (ABELA, ROBERT)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Statistika ta’ persuni Homeless

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32800 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika ta’ kemm persuni kienu rikonoxxuti bħala homeless fis-snin 2023, 2024 u 2025?

Response (FALZON, MICHAEL)

Tweġiba: Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellant, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Bormla - Dar it-Tama

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33959 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32806, jista’ l-Ministru jgħid lil min kienet qed issejjaħ Dar it-Tama fi Triq Matty Grima, Bormla, f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Tribunal Industrijali - Każijiet pendenti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30858 u jgħid kemm hemm każijiet pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Legal Aid Malta - Avukati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm avukati jaħdmu mal-Legal Aid Malta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi hemm ħamsin (50) avukat u sitt (6) prokuraturi legali li jagħtu s-servizzi legali tagħhom lill-Aġenzija.  Dawn huma mqassma kif ġej: Panel Numru ta’ avukati fuq il-panel Kriminal (Malta) 16 Kriminal (Għawdex) 3 Kriminal (Ġurijiet) 2 Ċivil (Malta) 10 Ċivil (Għawdex) 3 Vittmi (Rappreżentanza)(Malta) 6 Vittmi (rappreżentanza)(Għawdex) 1 Vittmi (Parir)(Malta) 5 Vittmi (Parir)(Għawdex) 1 Assenjati fl-Uffiċini tal-Aġenzija 3 Prokuraturi Legali (Malta) 6 Total 56

Struttura awtonoma ta’ dixxiplina

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34521 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32580, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex il-bordijiet tas-social work, psikoloġija, psikoterapija, counselling u youth work ikollhom struttura awtonoma tad-dixxiplina kif sostniet il-Qorti Kostituzzjonali, fid-dawl li l-Kunsill Mediku, wara sentenza kostituzzjonali, ser jadotta sistema fejn ikun hemm kumitat tad-dixxiplina ġdid li jirrispetta l-awtonomija meħtieġa f’dawn il-każijiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.