Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34938 u jgħid min kienu l-persuni fi ħdan l-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) li attendew għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm minnhom li kienu akkumpanjati mill-konjugi tagħhom u jekk sarux xi spejjeż relatati ma’ dan?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-twe[iba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34083 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32667, jista’ l-Ministru jgħid jekk instabx lok ġdid għall-arkivju nazzjonali kif preċedentement kien ippjanat?
Response (BONNICI, OWEN)
M'għandix xi nżid mar-risposti li tajt fis-seduti riċenti dwar l-istess suġġett.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm operazzjonijiet ta’ bdil tal-irkoppa saru mill-Gvern, matul is-snin 2022, 2023, 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam l-ammonti sptar, sptar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li tiġi upgraded il-latrina tal-Bajja tal-Ġnejna fl-Imġarr?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali L-Imġarr li hemm pjanijiet sabiex il-latrina fil-Bajja tal-Ġnejna tiġi ristrutturata. Barra minn hekk, riċentament intlaħaq ftehim mad-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika sabiex il-latrini fil-lokalità jkollhom attendant fuq bażi regolari, bil-għan li jiġi evitat il-vandaliżmu.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li jiġi offrut trasport għar-residenti tal-Imġarr li issa jridu jattendu ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat għall-appuntamenti tas-saħħa tagħhom minflok fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, fejn kienu jinqdew b’karozza tal-linja waħda?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li jinfetħu night shelters għall-anzjani? Jekk iva, meta u fejn ser jinfetħu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità diġà toffri servizz ta’
night shelter
għall-anzjani li jkollhom bżonn dan it-tip ta’ appoġġ.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan ta’ residential parking scheme f’xi partijiet fir-Rabat, Malta? Jekk iva, fejn u meta ser isir?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta, flimkien mal-Ministeru kkonċernat, bħalissa għaddejjin b’diskussjonijiet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali dwar proposti li saru mhux biss fir-Rabat, iżda f’numru ta’ lokalitajiet oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33526, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-impatt u l-implikazzjonijiet għas-suq tagħna u dawk marbuta ma’ spejjeż relatati mat-trasport?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-miżura proposta, kif riflessa fit-traspożizzjoni nazzjonali tad-dispożizzjonijiet ta’ infurzar tal-ADR (*), tistabbilixxi b’mod strutturat il- klassifikazzjoni ta’ ksur relatati mat-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq f’tliet kategoriji ta’ riskju distinti, li jvarjaw minn riskju għoli (
Kategorija I
) għal riskju baxx
(Kategorija III
).
Mill-perspettiva nazzjonali, l-impatt fuq Malta huwa mistenni li jkun primarjament ta’ natura regolatorja u operattiva aktar milli strutturali. Fil-konfront tal-ispejjeż relatati mat-trasport, kwalunkwe impatt huwa mistenni li jkun limitat u indirett.
B’mod ġenerali, din il-miżura tikkontribwixxi b’mod pożittiv għas-sigurtà fit-toroq, għall-protezzjoni ambjentali u għall-kjarifika regolatorja, filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-suq tat-trasport u allinjament sħiħ mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea.
DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2449
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33525, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-impatt u l-implikazzjonijiet għas-suq u l-bdiewa f’dawn il-gżejjer minħabba din id-direttiva?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2449 tirrigwarda protokolli għall-eżami ta’ varjetajiet ta’ diversi speċi ta’ pjanti fosthom tal-lift tal-Iżvezja, tal-kaboċċi għall-magħlef, tar-ross, tal-grupp tal-kaboċċi tal-weraq, tal-grupp tal-kaboċċi tat-Toskana, tal-grupp tal-kaboċċi portugiżi (Tronchuda), tal-kaboċċi Ċiniżi, tat-tadam u tal-ispinaċi. Din l-eżami tiddetermina li varjetà hi distinta minn oħrajn magħrufa u li jinsabu fuq is-suq. Ukoll, hi marbuta mar-reġistrazzjoni ta’ varjetajiet ġodda fil-katalgi tal-Unjoni Ewropea tal-varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli u ta’ ħxejjex tal-ikel.
Malta m’għandhiex faċilitajiet fejn jista’ jsir eżami ta’ dan it-tip. Barra minn hekk, produzzjoni taż-żrieragħ, kif ukoll ta’ xitel fil-każ ta’ ħaxix tal-ikel, skont ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan il-materjal tal-pjanti ma ssirx. Għaldaqstant, Malta timporta materjal minn Stati Membri oħra u li hu eżaminat, irreġistrat u ċċertifikat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9432 dwar in-nefqa fuq ix-xogħlijiet li saru fi Triq Għajn Dwieli, f’Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tad-dipartiment issa li jidher li din reġgħet għandha bżonn ta’ tiswijiet serji u possibbilment li ssir mill-ġdid?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali - Persuni ’l fuq minn 65 sena
Question
Fid-dawl li skont il-Quarterly Review tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, persuni li għandhom ’il fuq minn 65 sena huma f’riskju ogħla ta’ faqar u esklużjoni soċjali, b’nisa anzjani huma saħansitra 9.5% f’riskju ogħla li jispiċċaw fil-faqar u esklużi, jista’ l-Ministru jgħid b’mod prattiku x’miżuri ser jieħu biex anzjani, speċjalment nisa, ma jispiċċawx fil-faqar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-pubblikazzjoni tal-Bank Ċentrali msemmija, fil-fatt hemm spjegat li ż-żieda f’din ir-rata ma tfissirx li l-qagħda tan-nisa anzjani marret għall-agħar. Anzi l-istess pubblikazzjoni spjegat f’Tabella 1b li bejn l-2013 u l-2024 id-dħul disponibbli tan-nisa anzjani f’pajjiżna kiber b’50.2%, jew ferm aktar miż-żieda osservata fost nisa anzjani Ewropej, li raw żieda ta’ 30.9% fl-istess perjodu.
L-istess pubblikazzjoni spjegat li anke mqabbel ma’ familja medja ta’ ħaddiema Ewropej, in-nisa anzjani f’Malta raw terz aktar fit-tkabbir tad-dħul disponibbli tagħhom.
Skont il-Bank Ċentrali ż-żieda fir-rata ta’ nisa anzjani f’riskju ta’ faqar u eskluzjoni soċjali tirrifletti l-fatt li ħafna nisa ta’ l-età tax-xogħol daħħlu jaħdmu (ir-rata f’pajjiżna kienet it-tieni l-anqas fl-UE u issa hija it-tieni l-aqwa) u dak tella’ l-limitu tad-dħul li bih il-Eurostat tkejjel ir-riskju tal-faqar. L-istess rapport innota li meta dawn in-nisa jirtiraw fis-snin li ġejjin, se jseħħ eżatt bil-maqlub u n-nisa anzjani f’Malta se jidhru l-aktar grupp fejn fih naqas ir-riskju ta’ faqar.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gvern preżenti daħħal għexieren ta’ miżuri li permezz tagħhom żied id-dħul disponsibbli tan-nisa anzjani f’pajjiżna (bħall-anzjani kollha) tant li dawn kellhom fost l-ogħla titjib fid-dħul fl-Ewropa. Tant hu hekk li statistika Ewropea tindika li r-rata ta’ anzjani Maltin li jqisu ruħhom fqar naqas bin-nofs imqabbel mal-2013.
Fid-dawl li skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), 16.8% tal-popolazzjoni Maltija hija f’riskju ta’ faqar, li dan ifisser iktar minn 92,000 persuna, u fid-dawl li meta tinkludi wkoll l-esklużjoni soċjali r-rata titla’ għal 19.7%, jiġifieri persuna minn kull ħamsa tesperjenza l-faqar u l-esklużjoni soċjali f’Malta, kif ukoll li:
• tfal taħt it-18: ~24.1 % huma f’riskju ta’ faqar;
• adulti 18-64: ~11.9 %;
• anzjani (65+): ~29.7 %; u
• nisa iktar f’riskju mill-irġiel (nisa - 18.3 %: irġiel 15.6 %),
(Sors: NSO Malta | EU-SILC 2024: Salient Indicators - NSO Malta (aċċessat fis-7 ta’ Frar 2025), jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel il-Gvern biex din ir-rata tonqos b’mod drastiku u b’mod effettiv?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta lir-rata ta’ Riskju ta’ Faqar jew Esklużjoni Soċjali, minn 24.6% fl-2013 illum niżlet għal 19.7%. Dan ifisser li fejn qabel kien hawn 1 minn kull 4 persuni ikkunsidrat hekk, illum fadal 1 minn kull 5.
Fl-istess perjodu l-għadd ta’ persuni mċaħħda severament materjalment u soċjalment minn 10.2% (1 minn kull 10 persuni) niżel għal 4% (1 minn kull 25 persuna); filwaqt l-għadd ta’ dawk mċaħħda materjalment u soċjalment minn 19.9% (1 minn kull 5 persuni) waqa’ għal 9% (1 minn kull 11-il persuna).
Kejl ieħor tal-progress li sar huwa dak ta’ persuni li jirċievu l-assistenzi soċjali. Dawn juru li l-għadd ta’ persuni fuq l-assistenza soċjali minn 12,708 fl-2013 sal-aħħar ta’ Diċembru li għadda niżel għal 5,676; filwaqt li persuni li jirċievu l-assistenza soċjali għad-diżimpjieg minn 6,119 fl-2013 niżel għal 374.
Bla dubju dan il-progress nkiseb bis-saħħa tar-rankatura ekonomika li esperjenza l-pajjiż li ġab miegħu opportunitajiet ta’ xogħol bla preċedent. Bis-saħħa tal-ġid ekonomiku, stajna nkunu ta’ sostenn akbar mal-pensjonanti, familji bit-tfal u ma’ dawk bi dħul baxx. Stajna wkoll ninvestu f’benefiċċji ġodda u ntejbu dawk eżistenti biex nkattru d-dħul tal-familji, ta’ persuni b’diżabilità u biex ninkoraġġixxu persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Fuq medda ta’ 11-il sena, l-investiment fuq il-familji żdied għal aktar minn €414 miljun, u dan barra €364 miljun oħra nvestiti fuq childcare b’xejn. L-investiment totali fuq il-pensjonijiet u l-benefiċċji żdied bi €800 miljun, u fuq il-pensjonanti żdied b’ €630 miljun.
Saru riformi mportanti fl-assistenza tal-carers u fl-assistenza għad-diżabilita’ li mill-2015 ħallew €310 miljun fil-bwiet ta’ familji u persuni benefiċjarji.
Ninsabu ffukati biex, minkejja l-irwiefen li qamu madwarna mill-ġdid, nissoktaw nibnu u nkattru fuq dak li wettaqna biex inkunu ta’ spalla mal-familji u l-pensjonanti bi tnaqqis fit-taxxa u b’aktar sostenn soċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li rrikorrew għall-benefiċċji ta’ korriment fuq il-post tax-xogħol matul l-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni kienu intitolati għal benefiċċju ta’:
i. ġimgħa jew inqas;
ii. bejn ġimgħa u ġimagħtejn;
iii. bejn ġimagħtejn u xahar; u
iv. xahar jew iktar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, l-ammont ta’ applikazzjonijiet għall-Benefiċċju ta’ Korriment fl-2025 kien jammonta għal 2,153. Minnhom ġew miċħuda 864 każ.
It-tabella t’hawn taħt tirreferi għat-talba tal-Onor. Interpellant fir-rigward taż-żmien li ġew intitolati għalih il-persuni eliġibbli. Tajjeb jiġi kkjarifikat illi fit-tabella t’hawn taħt hemm inklużi ukoll persuni illi ġew magħduda aktar minn darba ‘il għaliex dawn jidħlu f’perijodi differenti. Dawn jammontaw għal 154 persuna:
Intitolament ta' Benefiċċju
Benefiċċjarji
Ġimgħa jew anqas
593
Bejn ġimgħa u ġimagħtejn
241
Bejn ġimagħtejn u xahar
183
Xahar jew iktar
426
Total
1,443
Jista’ l-Ministru jgħid liema hija l-entità responsabbli li tassigura li l-krejnijiet li jkunu mqiegħda fuq il-post (tower cranes) huma siguri u li jkunu jifilħu anke għal riħ qawwi jew rwiefen?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li skont liġijiet illi jaqaw taħt l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq ix-Xogħol, f’każ ta’ fenomeni naturali eċċezzjonali li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tal-apparat tax-xogħol, f’dan il-każ tower crane, min iħaddem għandu jiżgura li issir spezzjoni speċjali minn persuni kompetenti sabiex ikun żgurat li jinżammu kundizzjonijiet tas-saħħa u sigurtà u li kwalunkwe deterjorazzjoni li seta’ kien hemm tinkixef u tiġi rimedjata fil-pront.
Riforma fil-Midja Soċjali - Konsultazzjoni pubblika
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi rispons għall-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Riforma fil-Midja Soċjali li saret fl-4 ta’ Diċembru 2025? Jekk iva, minn min wasal dan ir-rispons u x’kien ir-rispons fis-sustanza tiegħu?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat
li l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fil-midja soċjali qanqlet interess kbir. Saru kważi 200 sottomissjoni formali fuq is-sit uffiċjali publicconsultations@gov.mt u kien hemm madwar 10 sottomissjonijiet oħra li ntbagħtu dirett lis-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi u lill-Ministeru għall-Familja, li qed imexxu flimkien dan il-proċess.
Barra minn hekk, bħala parti minn dan il-proċess saru tliet laqgħat pubbliċi u numru kbir ta’ laqgħat ma’ stakeholders ewlenin, fosthom edukaturi, regolaturi, għaqdiet taż-żgħażagħ u ġenituri.
B’konsultazzjoni daqshekk wiesgħa u mifruxa ma naqsux fehmiet u opinjonijiet differenti, u kultant kuntrastanti, dwar ir-regolamentazzjoni li tista’ ssir. Bħalissa l-kumitat tekniku, li qed jitmexxa mis-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, qiegħed fil-proċess li jagħmel analiżi tas-sottomissjonijiet u r-reazzjonijiet varji li saru, u jeżamina wkoll x’qed isir fl-Unjoni Ewropea u f’pajjiżi oħrajn, qabel ikun jista’ jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Gvern dwar it-triq ’il quddiem.
Critical Infrastructure Protection Department - Riżorsi umani
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33723 u jgħid x’riżorsi umani għandu attwalment il-Critical Infrastructure Protection Department u x’inhu r-rwol ta’ kull wieħed mill-uffiċjali fi ħdanu?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31456, 31999, 32549, 33412 u 34019 u jgħid kemm inġabru flus mill-VAT fuq l-istabbilimenti tal-ikel fl-2024?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 34020.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 33796 u tgħid kemm fadal flus x’jinġabru minn kontijiet pendenti tal-ARMS?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li sal-aħħar ta’ Frar 2026, l-ammont li kien għad irid jinġabar minn kontijiet pendenti li skadielhom it-terminu ta’ 45 ġurnata ta’ kreditu kien ta’ €13,745,761 minn kontijiet residenzjali u €28,849,483 minn kontijiet mhux residenzjali.