Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Fgura - Triq Hompesch - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm dam għaddej ix-xogħol fi Triq Hompesch fil-Fgura u f’liema ħinijiet kienu qed isiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fi Triq Hompesch fil-Fgura kien jirrikjedi li tingħalaq it-triq u sabiex jiġu evitati problemi ta’ traffiku, dan ix-xogħol seta biss isir matul il-lejl.

Ħal Tarxien – Triq l-Isqajjaq – Zebra Crossing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31140 u 34089 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31140, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu dwar iż-zebra crossing li hemm fi Triq l-Isqajjaq, f’Ħal Tarxien?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li m’għandu xejn xi jżid mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 34088.

Pensjonijiet – Perċentwal li jinqata’

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35391 u jgħid x’inhu l-perċentwal li jinqata’ mill-pensjoni meta koppja tirċievi pensjoni waħda peress li r-raġel biss kien jaħdem u l-mara tkun rikoverata ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule (SVPR), filwaqt li r-raġel jibqa’ jgħix waħdu fid-dar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, fejn hemm pensjoni kontributorja waħda u wieħed jew waħda mill-konjuġi jidħol jew tidħol f’dar tal-anzjani, 70% tal-pensjoni titħallas lil min jibqa’ fir-residenza tiegħu jew tagħha.  It-tnaqqis relatat mar-residenza fid-dar tal-anzjani jsir mit-30% li jifdal jew minn dħul ieħor.

Ix-Xgħajra - Xgħajra Tornados - L-art madwar il-pitch

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34416 u 35390 u jgħid jekk l-art madwar il-pitch tax-Xgħajra Tornados ġietx devoluta lill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt iffirmat?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Edukaturi - Applikazzjonijiet - Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tibqa’ valida applikazzjoni ta’ persuna li tapplika għal kariga ta’ edukatur, meta ma tkunx ġiet ingaġġata u tibqa’ fuq lista ta’ stennija?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li r-riżultati huma validi għal sena mid-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultat, sakemm is-sejħa ma tispeċifikax li huma validi għal sentejn.

L.S.378.20 - Miżuri regolatorji

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il miżura regolatorja ttieħdet da parti tad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) minħabba allegat ksur tal-L.S.378.20 - Regolamenti dwar Kuntratti għal kontenut Diġitali u Servizzi Diġitali? F’kull każ, jista’ jgħid x’inhu l-istatus attwali?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li sa issa ma ttiħdux miżuri regolatorji da parti tad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fir-rigward tar-Regolamenti dwar Kuntratti għal Kontenut Diġitali u Servizzi Diġitali, peress li ma rriżultax li kien hemm ksur ta’ dawn ir-Regolamenti.

MCCAA - Impjegati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fi ħdan id-Digital Investigations Unit li jagħmel parti mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm professjonisti f’dan il-Unit u x’inhu l-irwol u l-grad ta’ kull persuna?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat  li fi ħdan id-Digital Investigations Unit hemm żewġ impjegati: Senior Professional Officer (E Enforcement) u Senior Administrative Officer (Digital Investigations and Support). Is-Senior Professional Officer (E Enforcement) jappoġġja l-attivitajiet ta’ infurzar relatati mal-konformità tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fis-swieq diġitali, li jinkludu l-koordinazzjoni u l-ġbir ta’ evidenza f’azzjoni ta’ infurzar; filwaqt li s-Senior Administrative Officer (Digital Investigations and Support) iwettaq funzjonijiet li jinkludu l-monitoraġġ diġitali u l-assistenza fil-proċessi ta’ investigazzjoni u infurzar.

Database elettronika Nazzjonali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk ġietx stabbilita database elettronika nazzjonali li tkun disponibbli għall-pubbliku a tenur tal-artikolu 15 tal-Att dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi, Kap. 635 u jekk iva, jista’ jipprovdi l-link?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li ma ġietx stabbilita database elettronika nazzjonali a tenur tal-artikolu 15 tal-Att dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi, Kap. 635.

Proċeduri legali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk qattx saru xi proċeduri legali a tenur tal-Att dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi, Kap. 635 u jekk iva, minn min u x’inhu l-istatus attwali ta’ dawn il-proċeduri?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li mill-2023 sal-lum ma sarux azzjonijiet rappreżentattivi taħt l-Att dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi, Kap. 635.

Żebbuġ, Għawdex - Triq Għajn Mhelhel - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jittieħdu l-passi biex isir ix-xogħol u tiġi rranġata l-parti ta’ Triq Għajn Mhelhel fiż-Żebbuġ, Għawdex (it-triq li twassal miż-Żebbuġ għax-Xwejni), peress li din qed iċċedi u bħalissa hija mdawwra bil-barriers?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li din l-informazzjoni għada qed tinġabar.

MCAST – Popolazzjoni studenteska

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti mill-popolazzjoni studenteska tal-MCAST li huma Maltin, studenti mill-Unjoni Ewropea u studenti barra mill-Unjoni Ewropea, f’numri assoluti u persentaġġi? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn huma nisa, irġiel jew ta’ ġeneru ieħor?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li fl-iskola msemmija hemm 8,213-il student ta’ nazzjonalita Maltija, 1,666 student li huma barra mill-Ewropa filwaqt li 579 student mill-Unjoni Ewropea. Minn dawn, 5,863 huma ta’ sess maskil filwaqt li 4,595 huma ta’ sess femminil.

MCAST – Popolazzjoni studenteska

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti mill-popolazzjoni studenteska tal-MCAST li huma mature students, f’numri assoluti u persentaġġi? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn huma nisa, irġiel jew ta’ ġeneru ieħor?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li preżentament hemm 2,319 student bħala mature students fejn 1,065 huma ta’ sess femminil filwaqt li 1,254 huma ta’ sess maskil.

MCAST – Mature students

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, mil-liema età persuna hija kkunsidrata bħala mature student u għalhekk ma jkollhiex għalfejn ikollha l-kwalifiki kollha neċessarji, skont il-proċedura tal-MCAST?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; ·    Ikunu fil-pussess ta’ Ċertifikat tat-Tmiem tal-Iskola jew ċertifikati oħra miksuba f’livelli differenti – skont il-livell tal-kors li qed jaspiraw li jsegwu. ·    Ikollhom, sal-bidu tas-sena akkademika: a. l-età ta’ 27 sena għal dħul fi programmi fil-Livell 7 tal-MQF b. l-età ta’ 23 sena għal dħul fi programmi fil-Livelli 5/6 tal-MQF c. l-età ta’ 21 sena għal dħul fi programmi fil-Livell 4 tal-MQF d. l-età ta’ 19-il sena għal dħul fi programmi fil-Livell 3 tal-MQF ·    Juru li jifhmu u li jistgħu jibbenefikaw u jsegwu l-programm ta’ studju magħżul. Dan isir permezz ta’ intervista li ssir għal dan l-iskop u permezz ta’ dokumentazzjoni oħra, inklużi dawk li juru esperjenza ta’ xogħol u preparazzjoni għall-programm magħżul ta’ studji. Applikanti li jiġu shortlisted jiġu mistiedna għal intervista biex tiġi evalwata l-idoneità tagħhom għall-programm magħżul. L-età mhijiex l-uniku kriterju għall-eliġibbiltà. Il-Bord tal-Għażla taħt il-Klawsola tal-Maturità jista’ jitlob lill-kandidati jwettqu studji addizzjonali bħala parti mill-aċċettazzjoni tagħhom. Il-Bord jista’ jirrakkomanda programm alternattiv fejn dan jitqies xieraq. Il-Bord jirriserva d-dritt li jevalwa l-kompetenzi tal-applikant permezz ta’ diversi modi ta’ assessjar.

L-Università ta’ Malta – Persuni li gradwaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li meta ggradwaw mill-Università ta’ Malta kellhom iktar minn 60 sena f’dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn kienu nisa, irġiel jew ta’ ġeneru ieħor?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li fl-aħħar 10 snin gradwaw total ta’ 220 student li kellhom iktar minn 60 sena.

Proġetti ta’ housing soċjali sospiżi jew posposti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx sospiżi jew posposti xi proġetti ta’ housing soċjali taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk ġew sospiżi jew posposti xi proġetti ta’ housing soċjali, kemm huma l-proġetti affettwati, f’liema lokalitajiet jinsabu u x’kien ir-raġunament uffiċjali għas-sospensjoni tagħhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.