Aġenzija Sapport - Support Workers - Każijiet ta’ dixxiplina
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34573, fejn intqal li nħarġu 50 twissija f’sena waħda biss, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx limitu sakemm wieħed jista’ jkollu twissijiet qabel ma jittieħdu passi dixxiplinarji?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura hija li wara li individwu jirċievi tliet "warnings" f’sena relatati man-nuqqasijiet minuri, ir-raba’ nuqqas fl-istess sena jiġi meqjus bħala nuqqas maġġuri, u għaldaqstant tittieħed deċiżjoni f’dan ir-rigward minn Bord Dixxiplinarju.
Aġenzija Sapport - Każijiet ta’ dixxiplina - Proċeduri dixxiplinarji
Question
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34573 u 34574, fejn intqal li informazzjoni fuq proċeduri dixxiplinarji ma jinżammux għal iktar minn sena, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-informazzjoni tibqax fil-file tal-impjegat u kemm din l-informazzjoni ddum fl-istess file?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-twissija bil-miktub titneħħa mill-file tal-individwu wara sena mid-data tal-ħruġ tagħha.
Servizz ta’ CT - Sessjonijiet ta’ twilight - Spiża totali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali relatata mas-servizzi ta’ CT, għas-sessjonijiet waqt twilight hours matul l-aħħar 12-il xahar, maqsuma entità b’entità? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx mekkaniżmi strutturati ta’ verifika interna u esterna, inkluż audit finanzjarju u operattiv, sabiex jiġi assigurat li dawn is-servizzi jkunu konformi mal-prinċipji ta’ governanza tajba u valur għall-flus?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-ispiża totali relatata mas-servizzi tas-CT scans waqt it-twilight hours għall-perjodu bejn Marzu 2025 u Awwissu 2025 kienet ta’ €415,560, fejn b’kollox saru 5,375 scan fl-entitajiet tal-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u San Vinċenz de Paul. Is-servizz huwa regolat minn mekkaniżmi ta’ verifika interna u esterna li jinkludu r-rikonċiljazzjoni klinika tad-dejta mas-sistemi diġitali tal-isptar u verifiki finanzjarji perjodiċi, anke mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, sabiex tiġi żgurata l-governanza tajba, it-trasparenza u l-massimu valur għall-flus f'dawn il-proċessi operattivi.
Jista’ l-Ministru jgħid, għal kull entità li tipprovdi servizz ta’ CT, x’inhi l-kategorija tal-età tal-pazjenti li jsiru testijiet fuqhom waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju u waqt sessjonijiet ta’ twilight hours, u x’inhu l-ħin medjan li fih isiru l-proċeduri ta’ CT f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħin, maqsuma entità b’entità?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li s-servizz tas-CT scans, kemm waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju kif ukoll waqt is-sessjonijiet tat-twilight f’kull entità rispettiva, jingħata lil pazjenti ta’ kull età abbażi tal-bżonnijiet kliniċi tal-pazjent. Skont l-iStandards Operating Procedures, is-sessjonijiet tat-twilight huma ddisinjati biex joffru flessibbiltà lil hinn mill-ħinijiet normali tax-xogħol biex jintlaħqu l-esiġenzi tal-pazjenti u titnaqqas il-lista ta' stennija. Il-ħin medjan tal-proċeduri mhuwiex marbut mal-kategorija tal-ħin iżda mal-kumplessità klinika ta’ kull każ individwali, fejn is-servizz jingħata b'mod ekwu u effiċjenti f'kull ħin tal-ġurnata skont il-prijorità medika.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-ħinijiet uffiċjali meqjusa bħala “office hours” u “twilight hours” għal servizzi ta’ CT f’kull entità rispettiva, u jekk dawn il-ħinijiet humiex uniformi bejn l-entitajiet kollha jew jekk ivarjawx minn entità għal oħra?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-ħinijiet normali huma dawk skond il-ħinijiet tax-shift tar-radjogafu. It-twilight hours, jiġu skattati immedjatament malli jispiċċaw il-ħinijiet tax-shift tar-radjografu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru CT scans għal kull entità li tipprovdi servizz ta’ CT fis-settur pubbliku jew permezz ta’ arranġamenti pubbliċi matul l-aħħar 12-il xahar, maqsuma bejn dawk li saru waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju u dawk li saru waqt twilight hours, maqsuma entità b’entità?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li għall-perjodu bejn Marzu 2025 u Awwissu 2025, in-numru ta’ CT scans li saru fl-entitajiet tal-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u San Vinċenz de Paul matul il-ħinijiet normali kliniċi kien ta’ 8,030 scan. Matul l-istess perjodu, in-numru ta’ scans li saru waqt it-twilight hours kien ta’ 5,375.
Giovanni Curmi Naxxar Higher Secondary - Pjanijiet infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet infrastrutturali għat-telgħa li minn fejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija twassal għal fejn l-Iskola Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar, ġaladarba din tinsab fi stat diżastruż u hija ta’ periklu kontinwu għaż-żgħażagħ li jitilgħuha u jinżluha bil-mixi kuljum minħabba li jattendu din l-iskola?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Intepellant li l-kommunikazzjonijiet meħtiega għadhom għaddejjin sabiex jitwettqu xogħlijiet ta’ wiċċ mill-ġdid u servizzi f’parti miż-żona imsemmija, li huma skedati jibdew għall-aħħar ta’ Ġunju 2026.
In-Naxxar - Triq il-Forġa u Triq Leli Falzon - Traffic management impact
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir jew jekk sarx traffic management impact assessment għall-akkwata ta’ Triq il-Forġa u Triq Leli Falzon fin-Naxxar, fid-dawl tal-konġestjoni kontinwa ta’ traffiku speċjalment minħabba l-iskejjel u l-eżamijiet li jsiru fihom f’dawn iż-żminijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjanijiet ulterjuri sabiex tittaffa din il-problema anke b’alternattivi oħrajn, u jekk iva, x’inhuma dawn il-pjanijiet u x’inhuma t-timeframes tagħhom?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li min-naħa ta’ Transport Malta kienu taw l-assistenza kollha neċessarja lill-Kunsill Lokali bi pjan ta’ ġestjoni tat-traffiku fit-toroq imsemmija.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34782 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid meta se terġa' tiftaħ l-iskema Get Qualified, fid-dawl li din l-iskema ilha magħluqa minn Diċembru tal-2025?
Tas-Sliema - Triq San Ġwann il-Battista u Triq Sant’Agata - Qtugħ ta’ dawl
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34104, u peress li nhar it-Tlieta 24 ta’ Marzu r-residenti fl-inħawi ta’ Triq San Ġwann il-Battista u Triq Sant’ Agata f’Tas-Sliema reġgħu sofrew qtugħ ta’ dawl ta’ aktar minn erba’ siegħat, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-kawża ta’ qtugħ ripetut tas-servizz f’din l-istess żona?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fid-data imsemmija f’Tas-Sliema kien hemm ħsara fuq is-sistema ta’ vultaġġ baxx li affettwat iż-żewġ toroq indikati. It-tekniċi ta’ Enemalta, bħalma jsir f’kull każ, attendew mill-iktar fis biex indirizzaw il-ħsara fl-iqsar ħin teknikament possibbli.
Tista’ l-Ministru tgħid x’qed iwassal biex numru ta’ djar fl-inħawi ta’ Triq l-Għamad, is-Swieqi, qed ikollhom il-vultaġġ jitla’ u jinżel ta’ spiss? Tista’ tgħid ukoll meta hu ppjanat li din il-problema tissolva għal kollox?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Enemalta rċeviet ilment mingħand konsumatur wieħed fit-triq indikata fil-mistoqsija u li l-problema qiegħda tiġi indirizzata.
Il-Mosta - Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi - Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista dettaljata tax-xogħlijiet kollha li bħalissa huma mitluba jew ippjanati mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-lokalità tal-Mosta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li bħalissa huma mitluba jew ippjanati mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-lokalità tal-Mosta huma:
i. Grawnd tal-futbol ta’ Mosta FC
ii. Triq iz-Zakak
iii. Sqaq Xorxa
iv. Triq il-Mitħna l-Qadima
v. Triq il-Kurat Schembri.
Il-Mosta - Triq San Anton Abbati - Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi - Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Sqaq Nru 3 fi Triq San Anton Abbati, il-Mosta, huwiex inkluż fil-lista ta’ xogħlijiet mitluba mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-ġurnata li daħlet il-mistoqsija parlamentari,d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ma rċieva l-ebda talba sabiex isir xogħol fi Sqaq Nru 3 fi Triq San Anton Abbati, il-Mosta.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35284 u jgħid jekk hawnx nuqqas ta’ LSEs u jgħid jekk kienx hemm studenti li huma statemented imma ma setgħux jibdew is-sena skolastika tagħhom fi Frar? Jista’ jgħid ukoll x’jista’ jsir fil-frattemp biex dawn l-istudenti ma jibqgħux id-dar u jiġu integrati fis-sistema edukattiva?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali proċess hu wieħed kontinwu u rigoruż.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35283 u jgħid kemm hemm studenti li jattendu Kinder 1 u li għandhom ir-rapport tal-Istatementing Board iżda ma ġewx allokati LSE? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni billi jindika kemm hemm studenti li għandhom statementing għal LSE fuq bażi ta’ 1:1 u kemm hemm studenti li għandhom Shared LSE?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali proċess hu wieħed kontinwu u rigoruż.
Jista’ l-Ministru jagħti l-isem u l-kunjom tal-persuni kollha li ngħataw warrant sabiex jipprattikaw bħala avukat f’Malta u f’Għawdex, matul is-sena 2025?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 35526.
Jista’ l-Ministru jagħti l-isem u l-kunjom tal-persuni kollha li ngħataw warrant sabiex jipprattikaw bħala avukat f’Malta u f’Għawdex, matul is-sena 2024?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 35526.
Jista’ l-Ministru jagħti l-isem u l-kunjom tal-persuni kollha li ngħataw warrant sabiex jipprattikaw bħala avukat f’Malta u f’Għawdex, matul is-sena 2023?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 35526.
Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva - Re-audit - Rapport - Evalwazzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35311, dwar l-evalwazzjoni tar-rapport tar-re-audit dwar l-edukazzjoni inklussiva li ntalab lill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva li kellu jitlesta ‘fix-xhur li ġejjin’, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li l-evalwazzjoni titlesta?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li m’għandix xi nżid ma dak li diġa weġibt f’diversi mistoqsijiet parlamentari.
Awtorità tad-Djar - Skemi ta’ aċċessibiltà – Talbiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35362 u ċjoè: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 29566, 29859 u 33138, jista’ l-Prim Ministru jgħid liema kienu l-għaqdiet kollha li bbenefikaw mill-iskema tal-Awtorità tad-Djar, għal għajnuna lill-għaqdiet volontarji, soċjali jew kulturali, biex dawn ikunu jistgħu jtejbu l-aċċess għal dawk li jużaw l-istess faċilitajiet? Jista’ jgħid ukoll kemm mit-talbiet li waslu għand l-awtorità fil-fatt intlaqgħu, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti, u f’kull każ jgħid fejn it-talbiet kienu milqugħa u kemm kien l-ammont ta’ flus li fil-fatt ingħataw?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat illi t-tweġiba hija l-istess bħal Mistoqsija Parlamentari numru 29566, b'żieda waħda ta' €100,000 lill-għaqda non-governattiva ta' ''National federation of past pupils and friends of Don Bosco" sabiex il-federazzjoni tinstalla u tagħmel xogħlijiet neċessarji fuq CCTV cameras u tagħmel xogħlijiet ta' ventilazzjoni fil-partijiet komuni tal-proprjetà.