Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kemmuna - Pjattaforma ankrata - Awtorizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, l-Awtorità tal-Ippjanar, jew xi entitajiet li jaqgħu taħtu, tawx jew approvawx xi development permission, No Objection Certificate (NOC), screening, clearance, compliance report jew kwalunkwe awtorizzazzjoni oħra relatata mal-pjattaforma/floating island ankrata viċin Kemmuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament; u jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji u l-kopji kollha, inkluż jekk sarx xi screening dwar jekk l-operat tal-floating island jeħtieġx permess mill-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skont l-informazzjoni li għandha l-Awtorità tal-Ippjanar, l-operat tal-floating island ma jeħtieġx permess ta’ żvilupp maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Kemmuna - Pjattaforma ankrata - Awtorizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entitajiet li jaqgħu taħtu, tawx jew approvawx xi permess, liċenzja, reġistrazzjoni, clearance, ftehim jew awtorizzazzjoni oħra relatata mal-pjattaforma/floating island ankrata viċin Kemmuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament; u jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji u l-kopji tagħhom kollha?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Kemmuna - Pjattaforma ankrata - Kunsens

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, jew xi entità oħra li taqa’ taħtu, tawx jew approvawx xi permess, clearance, awtorizzazzjoni, No Objection Certificate (NOC) jew kunsens ieħor relatat ma’ sajd, akwakultura, attivitajiet marittimi, żoni ta’ konservazzjoni jew impatti fuq il-ħajja marina, marbut mal-pjattaforma/floating island ankrata viċin Kemmuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament; u jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji u l-kopji tagħhom kollha?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li kemm il-Ministeru, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, kif ukoll xi entità oħra li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi mhumiex l-awtoritajiet responsabbli biex joħorġu din l-awtorizzazzjoni msemmija.

Kemmuna - Pjattaforma ankrata - Kunsens

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entitajiet li jaqgħu taħtu, tawx jew approvawx xi lease, encroachment permit, concession, temporary occupation permit, awtorizzazzjoni, No Objection Certificate (NOC) jew kunsens ieħor dwar użu ta’ art pubblika, qiegħ il-baħar, foreshore, żona marittima, moll, slipway, pontile jew faċilità pubblika relatata mal-pjattaforma/floating island ankrata viċin Kemmuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament; u jekk iva, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji u l-kopji tagħhom kollha?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kemmuna - Pjattaforma ankrata - Kunsens

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jew xi entitajiet li jaqgħu taħtu, tawx jew approvawx xi permess, liċenzja, clearance, awtorizzazzjoni, reġistrazzjoni, No Objection Certificate (NOC) jew kunsens ieħor relatat mal-pjattaforma/floating island ankrata viċin Kemmuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament; u jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji u l-kopji tagħhom kollha?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Kemmuna - Pjattaforma ankrata - Permessi/awtorizzazzjonijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jew xi dipartiment, awtorità, entità jew aġenzija li taqa’ taħtu, ta jew approva xi permess, awtorizzazzjoni, clearance, kunsens, ftehim, konċessjoni, lease, No Objection Certificate (NOC), encroachment permit, jew kwalunkwe approvazzjoni oħra, diretta jew indiretta, dwar użu tal-baħar, qiegħ il-baħar, foreshore, żona marittima, moll, slipway, jew faċilità pubblika relatata mal-pjattaforma/floating island ankrata viċin Kemmuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament; u jekk jirriżulta fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawn il-permessi jew awtorizzazzjonijiet, u jindika b’mod ċar id-dati, l-awtorità li ħarġet tali permessi jew awtorizzazzjonijiet u l-kundizzjonijiet imposti?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill- Ministeru kkonċernat.

Gżejjer ta’ San Pawl - Sistema tad-dawl - Manutenzjonijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk hux possibbli li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq is-sistema tad-dawl fuq il-gżejjer ta’ San Pawl li jaqgħu taħt il-konfini tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, min-naħa tal-Awtorità tat-Turiżmu, sabiex dan il-post, li huwa ta’ importanza storika u reliġjuża u li għandu valur turistiku notevoli, inkluż għal turiżmu reliġjuż jerġa’ jiġi gawdut ukoll filgħaxija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Mellieħa - Bajjiet ta’ Little Armier, Armier u l-Imġiebaħ - Applikazzjonijiet għall-Blue Flag

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk il-Gvern, permezz tal-Awtorità tat-Turiżmu, hux qed jikkunsidra li japplika għall-Blue Flag fuq il-bajjiet ta’ Little Armier, Armier u l-Imġiebaħ fil-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu tkun dejjem tikkunsidra lokalitajiet ġodda, dawn il-bajjiet imsemmija fil-mistoqsija m’humiex qed jiġu kkunsidrati f’dan l-istadju.

Shared LSEs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li studenti li għandhom is-sapport ta’ shared LSE hux se tkun qed titneħħielhom minħabba nuqqas ta’ LSEs fis-settur? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx lok għal tibdil fil-mod ta’ kif jiġu allokati l-LSEs? Jekk iva, jista’ jagħti dettalji dwar dan?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Korpi Dixxiplinati - Long Service Allowance

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35495 u jgħid għalfejn il-Long Service Allowance għall-Korpi Dixxiplinati ngħata lil min kien fis-servizz wara d-data tal-1 ta’ Jannar 2026, bir-riżultat li ġie eskluż kull min kien għamel servizz twil qabel dik id-data?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi l-Long Service Allowance hija miżura li ġiet introdotta permezz tal-aħħar Ftehim Kollettiv għall-Impjegati fis-Servizz Pubbliku. Skont dan il-Ftehim, tali allowance hija effettiva mill-1 ta’ Jannar 2026.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Rwoli

Question

Jista’ l-Ministru jindika xi rwoli eżistenti hemm fi ħdan id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali li huma diġà okkupati minn individwi?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta li l-irwoli eżistenti li hemm fi ħdan id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali huma indikati fit-tabella segwenti, li dawn huma diġà okkupati minn individwi. Pożizzjoni Direttur Assistent Direttur Maniġer II Maniġer tal-HR II Maniġer I Assistent Maniġer Prinċipal Uffiċjal Tekniku Veterinarju Prinċipali Uffiċjal Tekniku Veterinarju Anzjan Uffiċjal Veterinarju Uffiċjal Tekniku Veterinarju Uffiċjal Tekniku Veterinarju (Degree) Uffiċjal Tekniku Veterinarju (Diploma) Assistenti Uffiċjal Tekniku Veterinarju II Assistent Uffiċjal Tekniku Veterinarju I Assistent Uffiċjal Tekniku Veterinarju Trainee / I Uffiċjal tal-Benesseri tal-Annimali Uffiċjal Klerikali Skrivan Assistent tal-Librerija Skala ta' Tekniku Għoli 10 Uffiċjal Skala 11 Uffiċjal fi Grad 9 Uffiċjal fi Grad 10 Uffiċjal fi Grad 11 Uffiċjal fi Grad 12 Uffiċjal fi Grad 13 Uffiċjal fi Grad 14 fil-Klassi ta’ Messaġġiera Uffiċjal fi Grad 9 fil-Klassi tas-Servizz Ġenerali Uffiċjal fi Grad 10 fil-Klassi Industrijali u Superviżorju Uffiċjal fi Grad 11 fil-Klassi tas-Sajd Uffiċjal fi Grad 12 fil-Klassi Teknika Uffiċjal fi Grad 12 fil-Klassi tas-Servizz Ġenerali Supervisor Operattiv IV Biċċier Carer tas-Saħħa (Senior) ERL - Uffiċjal Assistent ta' Sorveljanza ERL - Distribution Trades person

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Pulizija

Question

Fid-dawl li disa’ pulizija telqu mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, li l-irwol tagħhom kien li jwettqu investigazzjonijiet, jista’ l-Ministru jgħid x’ser jiġri minn dan l-irwol li kienu jokkupaw? Jista’ jgħid ukoll jekk hux ser jidħlu persuni oħra minn flokhom u, jekk iva, minn fejn ser jiġu dawn il-persuni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li mhux disa’ (9) uffiċjali li kienu fil-Korp tal-pulizija telqu mid-Direttorat, iżda sitt (6) uffiċjali ġew assimilati lura fil-grad preċedenti tagħhom fil-Korp tal-Pulizija,  u dawn mhux kollha kienu involuti fuq twettiq ta’ investigazzjonijiet . Dawn l-uffiċjali ma kienux jiffurmaw parti minn eżerċizzju ta’ bini ta’ kapaċità (capacity building exercise) approvat tad-Direttorat. Fir-rigward tal-irwol li kienu jokkupaw, id-Direttorat ser jkompli jivvaluta l-bżonnijiet ta’ riżorsi umani u se jipproċedi b’eżerċizzji ta’ bini ta’ kapaċità skont il-proċeduri normali fis-Servizz Pubbliku. Għalhekk, kwalunkwe deċiżjoni dwar persuni ġodda jew l-inkarigu ta’ dawn l-irwoli se tittieħed wara din il-valutazzjoni.

Kura tal-Annimali - Nuqqas ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni għalfejn bejn il-ġranet ta’ nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Marzu u nhar it-Tnejn 30 ta’ Marzu, peress li bejn dawn il-ġranet ħabtu bejn festi, ma kienx hemm biżżejjed ħaddiema biex jieħdu ħsieb l-annimali u għalhekk kellhom jiddaħħlu b’emerġenza individwi li ma kinux xogħol?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li bejn il-ġranet ta’ nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Marzu u nhar it-Tnejn 30 ta’ Marzu kull annimal taħt il-kura tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ngħata l-kura meħtieġa. Hja prattika normali u konformi mal-proċeduri amministrattivi fis-seħħ li, meta ma jkunx hemm uffiċjali disponibbli minħabba sick leave (SL) jew vacation leave (VL), jintuża s-servizz ta’ overtime sabiex jiġi żgurat li s-servizzi essenzjali jibqgħu jingħataw mingħajr interruzzjoni, b’mod partikolari dawk marbuta mal-ħarsien u l-benesseri tal-annimali. F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi ċċarat li l-annimali kollha ġew ikkurati kif dovut, inkluż permezz tal-għoti regolari tal-ikel, eżerċizzju. it-tindif tal-ispazji fejn jinżammu, kif ukoll l-amministrazzjoni tal-mediċina u kull trattament meħtieġ skont il-bżonnijiet tagħhom. B’dan il-mod ġie assigurat li l-livell ta’ kura u benesseri baqa’ jinżamm skont l-istandards stabbiliti. Huwa relevanti wkoll li jiġi enfasizzat li kemm is-sick leave kif ukoll il-vacation leave huma drittijiet fundamentali ta’ kull ħaddiem, kif previst mil-liġijiet u r-regolamenti tax-xogħol applikabbli. Għaldaqstant, l-amministrazzjoni għandha d-dmir li, filwaqt li tirrispetta dawn id-drittijiet, tadotta l-miżuri operattivi meħtieġa sabiex tassigura l-kontinwità tas-servizz pubbliku u l-ħarsien adegwat tal-annimali.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Qtates

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm qtates bħalissa fi ħdan id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u kemm hemm carers jieħdu ħsiebhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li n-numru ta’ qtates fi ħdan id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali huwa  ta’ sitta u sittin (66). Dawn il-qtates huma taħt il-kura ta’ disa’ carers.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Klieb

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm klieb bħalissa fi ħdan id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u kemm hemm carers jieħdu ħsiebhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li bħalissa fi ħdan id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali hemm tmienja u sebgħin (78) kelb. It-total ta’ carers li jieħdu ħsieb dawn il-klieb huwa ta’ erbatax (14).

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Ħaddiema li telqu jew li ġew trasferiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm telqu jew ġew trasferiti ħaddiema mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali f’dawn l-aħħar xahrejn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li n-numru ta’ ħaddiema li telqu jew ġew trasferiti mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jammontaw għal tmienja.

Il-Vatikan - Ċelebrazzjoni tal-Ġublew - Priġunieri - Kriterji

Question

B’referenza għal vjaġġ li numru ta’ priġunieri għamlu fil-Vatikan bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew, jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ngħtażlu dawn il-priġunieri u jekk kinux kollha b’sentenza tal-Qorti?  Jista’ jgħid ukoll b’liema kriterji ngħtażlu l-gwardjani li telgħu magħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li din l-okkażjoni kienet waħda sabiħa ferm fejn l-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi ngħaqdet f’din l-inizjattiva globali organizzata bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew fejn il-priġunieri kellhom anke ċ-ċans jiltaqgħu mal-Papa. Ninsab infurmat l-l-aġenzija ħadet numru ta’ kunsiderazzjonijiet fl-għażla tagħha fosthom il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet reliġjużi kif ukoll il-pjan ta’ kura u riabilitazzjoni. Kien hemm każi fejn kien meħtieġ li tintalab ukoll it-travel clearance tal-Qorti. Fir-rigward l-uffiċjali korettivi ninsab infurmat li l-għażla saret mit-tmexxija tal-aġenzija, li bħal f’kull każ għandha r-responsabbiltà li tassenja r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema tagħha.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ priġunieri li ppruvaw jaħarbu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, mill-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u x’passi ttieħdu għal dawk li nqabdu jippruvaw jagħmlu dan? Jista’ wkoll jagħti lista tal-passi li ttieħdu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mill-2025 sal-lum, ma kien hemm l-ebda każ ta’ persuna li ppruvat taħrab mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Residenzi mmexxija minn Aġenzija Sapport

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34551 dwar ir-residenzi mmexxija minn Aġenzija Sapport, tista’ l-Ministru tgħid f’liema belt u raħal jinsabu dawn ir-residenzi?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-residenzi jinsabu f’dawn il-lokalitajiet: Bormla, il-Fgura, Kirkop, Birżebbuġa, Ħaż-Żabbar, Pembroke, ir-Rabat (Għawdex), l-Imtarfa u s-Siġġiewi.

Aġenzija Sapport - Support Workers li jitkellmu bil-lingwa Maltija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34571, tista’ l-Ministru tassigura li f’kull xift, kemm ta’ billejl kif ukoll ta’ binhar, ikun hemm dejjem support worker li jitkellem bil-lingwa Maltija?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija Sapport, kemm jista’ jkun, torganizza x‑xiftijiet fis‑servizzi residenzjali tagħha b’mod li jkun hemm minn tal‑inqas ħaddiem wieħed li jitkellem bil‑lingwa Maltija matul kull xift, kemm ta’ binhar kif ukoll ta’ billejl. Isiru wkoll sforzi kontinwi sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn ikun hemm ħaddiem li ma jitkellimx bil‑Malti waħdu waqt xift. L‑Aġenzija qed tinvesti fit‑taħriġ tal‑impjegati li mhumiex Maltin billi toffrilhom korsijiet fil‑lingwa Maltija, bl‑għan li jsaħħu l‑ħiliet lingwistiċi tagħhom u b’hekk ikunu jistgħu jirrispondu aħjar u b’mod aktar effettiv għall‑bżonnijiet tal‑klijenti. Barra minn hekk, it‑timijiet tat‑tmexxija fis‑servizzi residenzjali huma magħmulin minn professjonisti li jitkellmu bil‑Malti u li jassistu skont il‑bżonn. Barra l‑ħinijiet tal‑uffiċċju, is‑servizz residenzjali jopera sistema ta’ on‑call fejn il‑professjonisti u s‑senior support workers li jkunu on‑call jitkellmu bil‑Malti, u għalhekk f’każ ta’ bżonn, l‑impjegati jistgħu dejjem jirrikorru għall‑appoġġ tagħhom.