Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħ’Attard - Trasport Pubbliku – Waqfa “Għenba”

Question

Peress li l-istage tat-trasport pubbliku f’Ħ’Attard “Għenba” ġie mċaqlaq għall-post ġdid numru ta’ xhur ilu, u bħalissa jinsab f’pożizzjoni mhux komda għar-residenti li jagħmlu użu minnu, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar dak li huwa ppjanat għal dan l-istage?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta qiegħda tħejji l-pjanti neċessarji sabiex il-bus stop “Għenba”, li jinsab fi Triq Santa Katerina, Ħ’Attard, jiġi mċaqlaq għal post alternattiv fl-istess triq sabiex ikun iktar aċċessibbli u komdu għall-pubbliku.  Ta’ min jgħid li din iċ-ċaqliqa saret b’mod temporanju minħabba bus stop ftit iktar ’il fuq li kien qed jikkawża sitwazzjoni ta’ periklu fit-triq u anke xi xogħlijiet li kienu għaddejjin fl-inħawi.

Reklamazzjoni tal-art - Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex l-intenzjoni tal-Gvern li fil-futur qarib joħroġ bi proġetti konkreti għar-reklamazzjoni tal-art (land reclamation)?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej studju fuq diversi siti sabiex jigu identifikati tali proġetti.

Esportaturi Maltin tal-patata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet hijiex fi proċess li toħroġ skema jew xort’oħra sabiex l-esportaturi Maltin tal-patata li ilhom joperaw minn ‘sheds’ f’Ta’ Qali għal għexieren ta’ snin, jingħataw titolu validu tal-art?

Response (BONNICI, OWEN)

-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Vittmi ta’ inġustizzji - Fond speċifiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi fond speċifiku għall-vittmi ta’ inġustizzji sia politiċi u sia ta’ xorta oħra, liema vittmi wkoll ikunu fl-impossibbilità fattwali, legali jew xorta oħra li jiġbru danni mill-persuna jew persuni li jkunu ikkaġunawlhom tali danni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Dritt ta’ ‘direct action’ - Diskussjonijiet leġislattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi diskussjonijiet leġislattivi dwar il-possibiltà li jiġi introdott b’mod ċar id-dritt ta’ ‘direct action’ favur l-impjegati u l-ħaddiema, direttament kontra l-assikurazzjonijiet li jipprovdu kopertura lill-‘employers’ fir-rigward ta’ ‘claims’ għal danni jew ġrieħi minn impjegati li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol simili għal dak li hu provdut fl-Ordinanza dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur għar-Riskji ta’ Terzi Persuni Kap. 104 tal-Liġijiet ta’ Malta, b’mod li min iweġġa’ jkun jista’ jinnegozja jew eventwalment jipproċedi direttament kontra l-kumpanija tal-assikurazzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-aħħar sena u nofs saret riforma importanti tal-qafas leġiżlattiv li jirregola s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, bil-għan li pajjiżna jkompli joffri ambjent tax-xogħol aktar sigur. Konsistentement mal-introduzzjoni ta’ din il-liġi l-ġdida, komplejna nassiguraw li dan il-qafas leġiżlattiv jiġi implimentat bl-aqwa mod possibbli. Fl-istess ħin, nibqgħu impenjati li nkomplu nistudjaw u niddiskutu żviluppi legali ulterjuri li jistgħu jsaħħu dan il-qafas, sabiex inkomplu nipprovdu rimedju effettiv u konkret lill-ħaddiema tagħna.

Djar residenzjali tal-anzjani - Trasport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ser ikun qed isir biex jiġi assigurat li anzjani li joqogħdu fid-djar residenzjali u li jkollhom bżonn trasport għall-appuntament l-isptar, ma jdumux jistennew it-trasport biex jiġborhom u ma jitwasslux lura fid-djar residenzjali rispettivi tagħhom wara ħafna sigħat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ingħatatilha għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 31168.

Djar residenzjali tal-anzjani - Trasport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-ħinijiet uffiċjali tat-trasport li jwassal lura lill-anzjani mill-isptar għad-djar residenzjali fejn ikunu joqogħdu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ingħatatilha għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 31168.

Djar residenzjali tal-anzjani - Trasport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-ħinijiet uffiċjali tat-trasport li jwassal lill-anzjani li joqogħdu fid-djar residenzjali għall-anzjani għall-isptar meta jkollhom appuntament?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellanta li t-trasport jiġi organizzat skond il-ħinijiet tal-apuntament, biex joħloq l-inqas inkonvenjent possibli lir-resident.

Djar residenzjali tal-anzjani - Trasport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn anzjani li jkunu jirrisjedu fi djar residenzjali tal-anzjani u jkunu ser jinġabru bi trasport biex jittieħdu l-isptar għal xi appuntament ikollhom jitqajmu fil-5 ta’ filgħodu biex ikunu lesti sas-7 ta’ filgħodu (għal ħin li suppost jiġi t-trasport) iżda t-trasport ġeneralment ma jiġix għalihom qabel id-9 ta’ filgħodu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Infurmat li l-istaff professjonali fid-djar residenzjali fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jara li r-residenti jkunu lesti f’ħin adegwat.

Helen Keller Resource Centre - Klabb 3-16

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-istudenti li jattendu r-resource centres fosthom dawk li jattendu l-Helen Keller Resource Centre humiex se jkomplu jattendu Klabb 3-16 wara l-ħin tal-iskola fl-istess ċentru jew inkella humiex se jibdew imorru post ieħor?  Jekk le, tista’ tingħata spjegazzjoni għalfejn?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li resource centres ma jaqgħux taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru tal-Edukazzjoni - Direttur finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal okkupa l-kariga ta’ Direttur Finanzjarju fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jelenka min kienu u min għandu din il-pożizzjoni bħalissa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2022 s’issa kien hemm 3 uffiċjali li differenti okkupaw din il-kariga.

Skejjel – Trasport offrut mill-istat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistix regolament dwar il-ħin ta’ meta t-tfal iridu jinġabru mid-dar filgħodu bil-mezzi tat-trasport għall-iskejjel offruti mill-Ministeru? Jista’ jgħid ukoll sa x’ħin iridu jitwasslu fi tmiem il-jum tal-iskola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-kuntratt attwali hemm provediment li jtenni li vjaġġi ta’ skejjel primarji tal-Istat iridu jsiru mhux aktar kmieni minn 45 minuta qabel il-ħin uffiċjali tal-ftuħ tal-iskola.  Kif tispiċċa l-iskola t-tfal iridu jinġabru sa mhux aktar tard minn 20 minuta wara li tispiċċa l-iskola uffiċjalment. Għall-iskejjel medji u sekondarji tal-Istat, minħabba l-fatt li l-istudenti jinġabru minn rħula varji, il-vjaġġi jridu jsiru sa mhux aktar kmieni minn siegħa u nofs qabel il-ħin uffiċjali tal-ftuħ tal-iskola.  Kif tispiċċa l-iskola t-tfal iridu jinġabru sa mhux aktar tard minn 30 minuta wara li tispiċċa l-iskola uffiċjalment. Għal dawk l-iskejjel mhux tal-Istat, m’hemm l-ebda provediment ta’ fi x’ħin għandhom jinġabru t-tfal.  Għaldaqstant, il-Ministeru ħareġ linji gwida li m’għandhomx jibdew aktar kmieni minn siegħa u nofs qabel jew mhux aktar kmieni mis-sitta u nofs ta’ filgħodu.  Peress li dawn huma linji gwida, m’hemmx bażi legali għal infurzar.

Sena skolastika 2025-2026 - Transport service providers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ transport service providers għat-tfal, fis-settur statali, tal-knisja u tal-privat matul din is-sena skolastika? Kemm-il mezz ta’ trasport qiegħed jintuża din is-sena u kif jikkompara meta mqabbel mas-sena ta’ qabel? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm operaturi affiljati mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u jipprovdi lista tagħhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ Operaturi tinsab f’din il-ħolqa: https://edukazzjoni.gov.mt/wp-content/uploads/2025/06/NS-Service-Provider-Schools-for-Website-V.7.xlsx madanakollu l-lista tal-operaturi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ENQA – Action Plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal l-action plan li kellu jsir rigward ir-rakkomandazzjonijiet li saru fl-audit tal-European Network for Quality Assurance in Higher Education (ENQA)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla ta’ Malta (MFHEA) qed tippjana li tapplika għall-audit tal-European Network for Quality Assurance in Higher Education (ENQA) matul l-2026.

MFHEA – Istituzzjonijiet Edukattivi ġodda - Liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet ta’ Istituzzjonijiet Edukattivi ġodda pendenti biex tinħarġilhom il-liċenzja mill-Awtorità tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ Istituzzjoniijiet Edukattivi ġodda li għadejjin mill-proċess ta’ akkreditazzjoni inizjali sabiex tinħarġilhom il-liċenzja jammontaw għal: Higher Education Institutions, Further and Higher Education Institutions 21 Further Education Institutions 19

MFHEA – Akkreditazzjoni tal-programmi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm programmi li qed jistennew akkreditazzjoni mill-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa n-numru ta’ programmi li kienu għadejjin mill-proċess ta’ akkreditazzjoni inizjali jammontaw: Higher Education Institutions, Further and Higher Education Institutions 103 Further Education Institutions 41

Għaqdiet tal-festi – Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi informazzjoni dwar il-fondi disponibbli biex jgħinu lill-għaqdiet tal-festi bħal: għaqdiet tal-banda, għaqdiet tal-armar, għaqdiet tal-logħob tan-nar, u oħrajn li b’xi mod jagħtu kontribut lill-komunità waqt il-festa tar-raħal tagħhom? Jista’ jispjega wkoll il-proċess li wieħed irid isegwi biex japplika?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni kollha dwar l-iskema għall-Wirt Artistiku tinsab fuq il-paġna elettronika tal-Kunsill Malti għall-Arti. L-iskema hija miftuħa għall-Organizzazzjonijiet Volontarji li huma iskritti mall- Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u li huma konformi skont l-att dwar l-organizzazzjonijiet volontarji. L-applikanti huma mitluba juru b’mod ċar li huma attivi: •              Fil-mużika strumentali għall-festa •              Fis-saħħa u s-sikurezza fil-kmamar tan-nar •              Fl-armar artistiku semi-permanenti Il-fond huwa ta €1,000,000 u joffri għajnuna skont l-għan li tiżvolġi l-organizzazzjoni b’rabta mal-festa, dan għandu jkun indikat ċar fl-istatut tal-organizzazzjoni volontarja: •              EUR 8,000 – lis-soċjetajiet tal-banda u Soċjetajiet Mużikali tal-Festa •              EUR 5,000 – għas-saħħa u sikurezza fil-kmamar tan-nar – (għaqdiet li jaħdmu ġo kamra tan-nar li m’hijiex propjetà talistess għaqda jibbenefikaw minn massimu ta’ EUR 2,500) •              EUR 5,000 – għal armar artistiku semi-permanenti

Erasmus+ u Solidarity Corps

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi informazzjoni dwar il-ħidma li qed issir permezz tal-Erasmus+ u tas-Solidarity Corps Funding? Jista’ jgħid ukoll min hu eliġibbli biex japplika għal dawn il-fondi u jispjega l-proċess li wieħed irid isegwi biex japplika?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Pensjoni - Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, għadha ma bdietx tirċievi l-pensjoni tagħha meta ilha li applikat ħames xhur?  Jista’ l-Ministru jara li l-pensjoni tinħarġilha mill-aktar fis possibli?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellanta li l-persuna in kwistjoni ġiet notifikata permezz ta’ ittra u kif ukoll telefonata mid-Dipartiment.