Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk attwalment hemmx normi preċiżi li jirregolaw online safety, fejn service providers li jipprovdu video-sharing platforms ikunu marbuta li jieħdu l-miżuri adattati biex iħarsu lill-utenti minn kull tip ta’ materjal li jinġarr online li hu ta’ ħsara, inkluż cyberbulling u l-promozzjoni ta’ self-harm? Jekk m’hemmx, jista’ jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jintroduċi normi f’dan ir-rigward?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat mill-Awtorita tax-Xandir li fl-2020 saret it-traspożizzjoni tal-AVMS fil-leġislazzjoni nazzjonali _Kap 350 (L-Att dwar ix-Xandir). Din it-traspożizzjoni daħħlet provvedimenti fir-rigward ta’ video sharing platform. Artikllu 16S tal-Att dwar ix-Xandir jitratta dwar li fornituri ta’ pjattaforma ta’ video sharing (video sharing platforms) li huma taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Malta jieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu l-minuri, fost l-oħrajn l-Artiklu 16S (1) (a) jgħid li dawn il-pjattaformi jridu jieħu l-miżuri xierqa biex jipproteġu :
(a) Lill-minorenni minn programmi, videos iġġenerati mill-utenti u kommunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li jistgħu jfixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tagħhom f’konformità mal-Artiklu 16JA.
Il-miżuri xierqa huma elenkati f’Artiklu 16S (6) (a) sa (j) tal-Att dwar ix-Xandir.
L-Artiklu 16JA li ssemma aktar ‘il fuq jitratta provvedimenti dwar protezzjoni tal-minuri li jipproteġu lill-minuri minn servizzi li jistgħu jfixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni. Fil-fatt il-protezzjoni tal-minuri f’dan ir-rigward qegħda elenkata f’Artiklul 16JA (1) sa (4).
Ir-Rabat, Għawdex – Triq Ġorġ Pisani u Triq Santa Dminka – Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbdew ix-xogħlijiet fuq il-junction bejn Triq Ġorġ Pisani u Triq Santa Dminka fir-Rabat, Għawdex u fiex ser ikunu jikkonsistu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq il-junction ta’ bejn Triq Ġorġ Pisani, Triq il-Belliegħa u Triq Patri Giacintu Camenzuli huwa lest.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn jet skis liċenzjati? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura biex jinkrew?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ jet skis irreġistrati taħt is-Small Ships Register jammontaw għal 985, li minnhom 272 huma ċċertifikati kummerċjalment, u minn dan in-numru 152 huma attivi.
Biex jet ski jinkera, għandu jkun konformi mar-Regolamenti dwar il-Bastimenti Kummerċjali, li jinkludu l-proċess għall-ħruġ tal-Liċenzja tal-Operatur tal-Water Sports u l-osservanza tat-termini u l-kundizzjonijiet relatati li jridu jiġu rispettati mill-operatur tal-water sports.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq il-fuel tal-vapuri tal-Gozo Channel fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li in-nefqa fuq il-fuel tal-vapuri tal-Gozo Channel minn Jannar 2025 sa l-aħħar kont li l-kumpanija irciviet sat-30 ta’ Awissu 2025 jammonta għal €3.7 miljuni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn kumpaniji liċenzjati li joffru servizzi finanzjarji?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sa l-aħħar ta’ Settembru 2025, kien hemm total ta’ 2,497 kumpaniji liċenzjati li joffru servizzi finanzjarji f’Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta hux se tidħol fi ftehim ta’ xiri konġunt tal-Unjoni Ewropea għal ċerti mediċini strateġiċi, u kif dan jista’ jgħin biex jitnaqqsu l-problemi ta’ provvista fil-futur?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-proposta għall-Att dwar il-Mediċini Kritiċi li ressqet 'il quddiem il-Kummissjoni Ewropea għadha qed tiġi diskussa fil-Kunsill tal-Ministri u pajjiżna qed jipparteċipa b'mod attiv sabiex jassigura li jkun maħluq qafas li jagħmilha possibbli li jkun hemm xiri konġunt għaliex dan joffri aktar flessibiltà u aċċess, speċjalment għal swieq żgħar bħal ta' pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jindika jekk hux qed jiġi kkunsidrat li jinfetaħ reġistru nazzjonali ta’ nuqqasijiet ta’ mediċini, aġġornat online u aċċessibbli kemm lill-professjonisti kif ukoll lill-pazjenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-lista’ ta’ mediċini out of stock hi aġġornata online fuq is-sit elettroniku
https://cpsu.gov.mt/en/poyc-medicines-information/
. Kopja tas-sit qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-Review Board għadux jiltaqa’ online? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li dan il-Bord għadu jiltaqa’ online? Jista’ jgħid ukoll jekk diskussjonijiet sensittivi li jinvolvu lill-ġenituri naturali tat-tfal “in care” għandhomx isiru online? Ma jaħsibx li f’dan il-każ, il-konvenjenza qed tingħata aktar prijorità mill-kuntatt uman u personali li hu tant meħtieġ f’dan il-qasam?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa wieħed mill-Bordijiet għall-Ħarsien tal-Minuri għadu qed jorganizza laqgħat online permezz ta’ pjattaforma diġitali u dan għal diversi raġunijiet.
Is-sistema ta’ laqgħat online fija diversi vantaġġi għal min hu involut fil-ħarsien u l-protezzjoni tat-tfal, għax tippermetti lill-ġenituri naturali, foster carers, professjonisti minn diversi oqsma, u anke dawk li jgħixu jew jaħdmu barra minn Malta, biex jipparteċipaw fil-proċess mingħajr ma jkollhom għalfejn jitilfu xogħol jew jivjaġġaw. Din il-flessibbiltà għenet ukoll lil ġenituri li jinsabu fil-faċilitajiet korrettivi, lil dawk bi sfidi ta’ saħħa, u kif ukoll lil minuri li jippreferu teknoloġija fuq laqgħat wiċċ imb wiċċ. F’kull każ l-Bord iżomm il-possibilità li jiltaqa’ personalment mal-minuri ġewwa iċ-Children’s House meta jkun meħtieġ, u dan biex jassigura li l-vuċi tat-tfal tinstema’ f’ambjent sigur u adattat għalihom. Dan il-proċess mhux biss żamm il-proċess aċċessibbli iżda saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li ħadd ma jitħalla barra minħabba diffikultajiet loġistiċi jew amministrattivi. F’kull każ l-protezzjoni tat-tfal tibqa’ fuq nett tal-prijoritajiet tal-Bord u dawk li ma għandhomx mezzi jew ħiliet teknoloġiċi biżżejjed, xorta waħda jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw u jgħidu tagħhom.
Bdil fil-liġi — Tfal fil-foster care li ġew adottati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn meta nbidlet il-liġi, kemm kien hemm tfal li kienu fil-foster care li ġew adottati, maqsuma sena b’sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li matul l-perjodu taż-żmien minn meta nbidlet il-liġi, l-għadd ta’ tfal li kienu fil-foster care u li ġew adottati, ammonta għal 17.
Dawn kienu maqsumin kif ġej:
Sena
Total
2022
1
2023
7
2024
8
2025 (sal-aħħar ta’ Ġunju)
1
Numri Totali
17
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li minkejja li nħarġitilhom Ordni ta’ Ħarsien baqgħu mal-familji tagħhom f’riskju, jew minkejja li kien hemm bżonn li tinħareġ ordni ta’ ħarsien, dan ma sarx minħabba nuqqas ta’ placements?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li 90% tal-każijiet irrappurtati lid-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal (
Child Protection
) huma każijiet fejn il-problema ewlenija hija nuqqas ta’ ħiliet fit-trobbja (
lack of parenting capacity
) u mhux moħqrija jew abbuż fuq it-tfal. Għaldaqstant, id-Direttorat jibqa’ jaħdem mal-familji biex jagħtihom l-appoġġ u s-sostenn meħtieġ.
Fl-istess waqt, billi d-Direttorat huwa ggwidat mill-prinċipju tal-aqwa interess tat-tfal, li huwa wkoll imniżżel fil-liġi (Kap 602 tal-Liġijiet ta’ Malta), hija l-prassi tad-Direttorat li ma jħallix l-affarijiet jippreċipitaw sal-punt li qed talludi għalih l-Onor. Interpellanta fil-mistoqsija tagħha.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu Ordnijiet ta’ Ħarsien matul is-sena 2024 u jipprovdi l-figuri skont it-tip ta’ ordni li nħarġet?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, t-tagħrif mitlub minnha huwa kif elenkat hawn taħt.
Fl-2024 kien hemm
90 Ordnijiet ta’ Protezzjoni Proviżjonali
mqassmin hekk:
- 23 Ordnijiet ta’ Emerġenza (14
pendente lite
, 3 kkonfermati bhala Ordnijiet ta’ Ħarsien, 1 kkonfermata bħala Ordni ta’ Supervizjoni, 5 revokati)
- 25 Ordnijiet ta’ Ħarsien (
Care Order
) (3 kkonfermati, 3 kkonfermati bħala Ordnijiet ta’ Trattament u Supervizjoni, 19
pendente lite
)
- 9 Ordnijiet ta’ Superviżjoni (
pendente lite
)
- 4 Ordnijiet tat-Tneħħija (
pendente lite
)
- 2 Ordnijiet tat-Trattament (
pendente lite
)
- 2 Ordnijiet ta’ Ħarsien Korrettiva (
pendente lite
)
- 25 Ordnijiet UMAS*
Kien hemm ukoll 19-il Ordni ikkonfermata matul l-2024, liema ordnijiet, il-proċess legali tagħhom kien mibdi fi snin preċedenti. Dawn kienu mqassmin kif ġej:
- 10 Ordnijiet ta’ Ħarsien (6 minnhom kienu ta’ minuri diga’ f’kura alternattiva)
- 2 Ordnijiet ta’ Superviżjoni (1 minnhom UMAS)
- 2 Estensjonijet ta’ Ordni ta’ Superviżjoni
- 5 Ordnijiet ta’ Ħarsien revokati (dawn ġew re-integrati mal-familja bijoloġika tagħhom.)
NB - UMAS – tindika l-frażi Unaccomapnied Minors Asylum Seekers, li tirreferi għal minuri mhux akkumpanjat illi qed ifittex l-ażil fil-ġżejjer Maltin
.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ servizzi joffri l-Gvern meta t-tfal f’Out-of-Home Care jagħlqu t-18-il sena? Jista’ jgħid ukoll fejn imorru?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li d-Direttorat għall-Kura Alternativa fi ħdan l-FSWS żvillupa s-servizz tal-
After Care Service
matul l-aħħar snin u dan biex jagħti serħan il-moħħ u stabbilità lil dawn iż-żgħażagħ.
Dan is-servizz huwa maqsum fuq tlett pilastri:
a)
Assesjar ta’ żgħażagħ
- li jibda mill-eta’ ta’ sittax-il sena, għal żgħażagħ li jkunu jinsabu f’kura alternattiva biex jiġi esplorat x’ħiliet għandhom u x’inhu l-aħjar pjan għalihom wara li jagħlqu t-tmintax-il sena. Dan il-pjan isir b’kollaborazzjoni mal-post fejn ikunu qed jitrabbew, il-professjonisti nvoluti u ż-żgħażagħ infushom.
b)
Akkommodazzjoni
- fejn id-Direttorat għall-Kura Alternattiva għandu numru ta’ appartamenti li jakkomodaw lil dawn iż-żgħażagħ wara li jagħlqu 18- il sena, fuq bażi ta’
semi-independent living
filwaqt li jibqgħu jiġu
monitored
mill-istess Direttorat.
c)
Servizz ta
Outreach
- illi jagħti gwida, jirreferi u jakkumpanja liż-żgħażagħ illi jkunu għalqu 18-il sena u jgħixu fil-komunità, mal-familjari jew residenzi oħra għal appuntamenti mediċi, għajnuna dwar impjieg u tkomplija tal-edukazzjoni tagħhom fost l-oħrajn.
Minbarra dan, it-tfal kollha li jagħlqu 18-il sena li huma residenti fi djar tal-FSWS jiġu mogħtija l-possibilita' li jibqgħu jirrisjedu fl-istess residenza, sabiex ikunu jistgħu jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom, jew jieħdu taħriġ marbut mal-impjieg tagħhom.
Bl-istess mod, NGO’s bħal Fondazzjoni Sebħ, Sależjani, Dar Frate Jacoba u Dar San Ġużepp, joffru ukoll
aftercare
lir-residenti tagħhom. Il-maġġoranza ta’ tfal li huma f’
foster care
jibqgħu wkoll jirrisjedu fl-istess familja, hekk kif anki l-
allowance
tal-
fostering
tibqa’ tingħata sal-eta’ ta’ 21 sena.
Jista’ l-Ministru jagħti n-numri ta’ tfal f’Out-of-Home Care maqsuma skont ir-residenzi (i.e. Fostering / Djar FSWS / NGOs)?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, n-numru ta’ tfal f’Out-of-Home Care jammonta għal
437 tifel u tifla.
Dawn it-tfal huma mqassmin kif ġej.
· 238 jinsabu f’
Foster Care
,
· 62 jinsabu fi djar residenzjali tal-Fondazzjoni,
· 116 jinsabu fi djar ta’ għaqdiet mhux governativi (NGOs),
· Persuna waħda tinsab fil-Faċilita tal-COORS,
· 18 jinsabu fi djar mmexxija mis-settur privat,
· 2 persuni li jinsabu għall-kura f’faċilità medika tal-Istat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk matul it-terminu fl-irwol ta' Ambaxxatur tal-Kultura, l-ambaxxatur preżenti ngħatax xi tip ta' benefiċċji remuneratorji? Jekk fl-affermattiv, kemm? Jista' jagħti rapport dettaljat tal-benefiċċji mid-data tal-ħatra tiegħu sal-lum?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2036.
Crisis Resolution and Home Treatment Team – rendikont ta’ ħidma
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li wettaq matul dawn l-aħħar sentejn it-tim multidixxiplinarju ‘Crisis Resolution and Home Treatment Team’?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel matul id-disa' xhur li ġejjin biex ikompli jsaħħaħ is-servizzi b'rabta mas-saħħa mentali fil-komunità?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar erba’ ġimgħat żdiedu iżjed infermiera, inkluz infermiera specjalizzati fis-saħħa mentali, fil-komunità.
Infurmat ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jiżdiedu ukoll psikjatri li jagħtu servizz fil-komunitàa. Dan bl-iskop li tingħata kura iżjed fil-viċin ta’ min għandu bżonnha.
Naturalment, l-Istrategija Nazjonali ghal Prevenzjoni tas-Suwicidju 2025-2030 se tkun qed qed tiġi attwata.
Infurmat li hemm tlett ċentri ġodda, li huma f’Bormla, Reġjun Ċentrali u Reġjun Tramuntana li qegħdin jiġu ppreparati biex jinghata servizz minn timijiet ta’ professjonist fil-komunità.
Dan minbarra li qed isir pjan ta’ taħriġ għal iżjed servizzi speċjalizzati fil-komunità.