Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Kalkara - Triq li tagħti mill-Bajja tar-Rinella għall-Fortizza - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30314, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi progress dwar ix-xogħlijiet biex it-triq li mill-Bajja tar-Rinella tagħti għall-Fortizza fil-Kalkara tiġi rranġata ?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t- tender documents għax-xogħlijiet ta’ tisħiħ tal-pedamenti, rikostruzzjoni tal-parti imwaqqa’, parti mill-pont u xogħlijiet oħra strutturali fuq dan l-aċċess antik li twasslek lejn il-bieb prinċipali tal-Fortizza Ricasoli, għadu qed jiġi ppreparat.

Ħal Tarxien – Triq Giuseppe Cali - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq Giuseppe Cali, Ħal Tarxien? Tista’ tgħid ukoll kemm ser jiswew u meta se jkunu lesti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fit-triq indikata qed ikunu kkordinati minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Ħal Tarxien – Triq Giuseppe Cali - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq Giuseppe Cali, Ħal Tarxien? Jista’ jgħid ukoll kemm ser jiswew u meta se jkunu lesti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Ħal Tarxien – Triq Giuseppe Cali - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara x’xogħlijiet qed jsiru fi Triq Giuseppe Cali Ħal Tarxien, kemm ser jiswew u meta ser ikuni lesti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol infrastrutturali fi Triq Giuseppe Cali Ħal Tarxien jikkonsisti f’rikostruzzjoni ta’ sistema ta’ drenaġġ, sistema ta’ ilma u dawl kif ukoll pavimentar u bini mill-ġdid tat-triq. Ix-xogħol hu previst li jkun lest fl-ewwel kwart ta’ sena 2026 . Spiża tax-xogħolijiet għadha ma ġietx ikkwantifikata.

Ġurijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30869 u 31099 u jgħid kemm kien hemm ġurijiet pendenti sal-aħħar ta’ Lulju 2025?  Jista’ jgħid kemm kien hemm persuni minnhom li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u li kienu qed jistennew dawn il-proċeduri?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sad-9 ta’ Ottubru, 2025 kien hemm 34 ġuri appuntat (39 akkuzat) u 22 ġuri (28 akkuzat) li mmatturaw u li qed jistennew sabiex jiġu appuntati. Hemm ukoll 98 ġuri li ma jistgħux jiġu appuntati minħabba li qed jistennew l-eżitu ta’ proċeduri oħrajn, fosthom kawżi Kostituzzjonali, filwaqt li hemm ukoll 99 att t’akkuża preżentement fil-proċess ta’ eċċezzjonijiet sabiex sussegwetment in segwitu għad-deċiżjonijiet dwar l-istess eċezzjonijiet jiġi appuntat il-ġuri. It-tieni parti tad-domanda għandha tiġi indirizzata lill-Ministru kkonċernat.

MCAST – Ftehim settorjali – Ħlas ta’ arretrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkunu qed jitħallsu l-arretrati lill-istaff tal-MCAST skont il-Ftehim Kollettiv il-ġdid?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-arretrati, skont il-Ftehim Kollettiv il-ġdid bejn l-MCAST u l-MUT, se jitħallsu f’Ottubru.

MCAST – Xogħlijiet ta’ infrastruttura - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għal xogħlijiet ta’ infrastruttura fl-MCAST matul l-2023, 2024 u 2025, maqsuma proġett proġett?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

MCAST – Irkupru ta’ flus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan biex jiġu rkuprati l-miljuni ta’ flus li allegatament insterqu mill-MCAST wara l-każ ta’ frodi li spiċċa l-Qorti aktar kmieni din is-sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

MCAST - Deputy Director – Human Resources

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-job description tad-Deputy Director – Human Resources fl-MCAST?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST – Każ ta’ frodi – Passi dixxiplinarji

Question

Fid-dawl tal-allegat każ ta’ frodi fl-MCAST li spiċċa quddiem il-Qorti aktar kmieni din is-sena, jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux passi ta’ dixxiplina fil-konfront ta’ xi impjegati fl-MCAST?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

MCAST – Każ ta’ frodi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu internament fl-MCAST sabiex jiġu indirizzati nuqqasijiet li wasslu għall-każ ta’ frodi li spiċċa fil-Qorti aktar kmieni din is-sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Arkivju Nazzjonali u l-Librerija Nazzjonali f’Għawdex – Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-laqgħat u t-taħditiet li saru mill-entitajiet differenti biex ikun hemm estensjoni tal-Arkivju Nazzjonali u l-Librerija Nazzjonali f’Għawdex? Jista’ jgħid fiex waslu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab informat li fil-ġimgħat li għaddew saru taħditiet preliminarji sabiex jiġu esplorati possibilitajiet ta' tali estensjoni.

Inventarju Nazzjonali - Evalwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal it-tfassil ta’ politika dwar kif għandhom jiġu mħarsa u protetti siti, oġġetti u artifatti ta’ patrimonju kulturali u li jinsabu fuq l-inventarju nazzjonali? Jista’ jgħid ukoll min huma l-persuni inkarigati biex jevalwaw jekk proprjetà, sit jew oġġett huwiex ta’ valur kulturali jew le, filwaqt li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dettaljata f’dan ir-rigward?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP 445) jidentifika lis-Sovrintendenza bħala r-repositorju nazzjonali għall-Inventarju Nazzjonali tal-Patrimonju Kulturali. Artiklu 53 tal-istess Att jgħid li meta tistabilixxi dan l-inventarju, is-Sovrintendenza tikkonsidra patrimonju fuq l-art u fil-baħar tal-Istat, tal-Knisja, Fondazzjonijiet u Għaqdiet non-governattivi, proprjetà privata li hija aċċessibli u proprjetà oħra hekk kif definit fl-Att, li tinkludi wkoll proprjetà skedata. Ninsab infurmat ukoll li s-Sovrintendenza bħalissa għaddejja bil-ġbir tal-Inventarju tal-Immobbli fuq bażi tematika u tal-patrimonju mobbli li għandha fil-kustodja tagħha, filwaqt illi tikkollabora u tassisti entitajiet oħrajn fejn jidħol dan is-settur.

Karigi ta’ Segretarju Permanenti, Direttur Ġenerali u Direttur

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min kienu l-persuni li kienu jokkupaw il-karigi li ġejjin fis-Servizz Pubbliku, fis-snin 2020, 2021, 2022, 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena: i. Segretarju Permanenti; ii. Direttur Ġenerali; u iii. Direttur?

Response (ABELA, ROBERT)

Rigward is-Segretarji Permamenti , nirreferi lill Onor Interpellant għas-sit elettroniku: https://publicservice.gov.mt/en/personnel-page li kopja ta’dan it-tagħrif qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għar-rigward tal-karigi l-oħra li qed jistaqsi fil-mistoqsija tiegħu , qed inpoġġi ukoll it-tagħrif ġa pubbliku ukoll : https://opm.gov.mt/ikkuntattjana/ fuq il-Mejda tal-Kamra.

Intangible Cultural Heritage Board – Membri

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi l-ismijiet tal-membri li jiffurmaw parti mill-Intangible Cultural Heritage Board? Jista’ jgħid meta dawn bdew jiffurmaw parti minn dan il-Bord?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-membri tal-bord hawn fuq imsemmi huma dawn: Intangible Cultural Heritage Board Chairperson Frank Zammit Membru David Camilleri Membru Christian Sammut Membru Kurt Farrugia Membru Kenneth Gambin Membru Mario Azzopardi Membru Karl Parnis Membru Alexander Farrugia Segretarja Melanie Ciantar Harrington Dan ta’ fuq huwa l-bord preżenti li reġa’ nħatar b’effett mit-13 ta’ Ġunju 2025 sa 12 ta’ Gunju 2028.

Fondazzjoni Patrimonju Malti – Supervisory Council – Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema bħalissa li jiffurmaw parti mill-Fondazzjoni Patrimonju Malti - Supervisory Council? Jista’ jgħid min minnhom beda jifforma parti minn din il-Fondazzjoni f’dawn l-aħħar 16-il xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-ħaddiema qed jattendu fil-kapaċità personali tagħhom jew ex officio?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-operat tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti ma jaqax taħt ir-responsabilita tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali.  Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali jinnomina persuna wahda fuq dan il-Kunsill.

Oral Contraceptive Pills impurtati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impurtati Oral Contraceptive Pills (OC) f’pajjiżna, matul l-aħħar għaxar (10) snin, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva mgħandux aċċess għall-informazzjoni dwar importazzjoni minn kumpaniji kummerċjali.

Opinjoni Finali tal-Ombudsman - Ħlas ta’ taxxa

Question

Fid-dawl tal-Opinjoni Finali tal-Ombudsman imressqa f’Novembru 2023 – li ġiet formalment riferuta lill-Ispeaker skont l-artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman u li ġiet imqiegħda quddiem din il-Kamra – u fid-dawl tas-sejbiet tal-Ombudsman li “a notary failed to transfer stamp duty and capital transfer taxes due on property deeds, despite having received payments from clients”, peress li l-vittmi ġew mitluba jħallsu t-taxxa darbtejn, u peress li din ġabet protesti mill-pubbliku, jista’ l-Ministru jispjega għaliex il-Gvern sa issa naqas milli jaġixxi fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet? Jista’ jgħid ukoll il-Gvern meta biħsiebu jimplimenta miżuri konkreti, inklużi dawk proposti mill-Kunsill Nutarili u mill-Ombudsman, sabiex jingħata rimedju immedjat u jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawk il-bona fide taxpayers?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qegħdin isiru diskussjonijiet inter-ministerjali f’dan ir-rigward bil-għan li jiġu proposti miżuri biex jitnaqqas l-abbuż u jiġu salvagwardjati drittijiet ta’ terzi.