Legislature:
Category:
Reset
Active:

Università ta’ Malta – Staff non-akkademiku – Lectures part time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjegat non-akkademiku fl-Università jagħti lectures fuq bażi part-time wara l-ħin tal-impjieg full-time tiegħu għas-snin 2023, 2024 u 2025? Jista’ jgħid kemm tħallsu b’mod totali l-impjegati non-akkademiċi li jagħtu lectures part-time għas-snin 2023, 2024 u 2025, maqsuma xahar b’xahar?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; Sena Spiża 2023 €53,711.40 2024 €47,447.66 Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li fir-rigward tas-sena 2025 l-ammont komplessiv jista’ jingħata wara l-aħħar tas-sena

Università ta’ Malta – Staff akkademiku – Overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siegħa ta’ overtime saret, jekk kien hemm, u kemm kienet l-ispiża finanzjarja għal dawn is-sigħat minn staff akkademiku fl-Università ta’ Malta għas-snin 2023, 2024 u 2025, maqsuma xahar b’xahar?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-istaff akkademiku fl-Università ma jaqax taħt gradi sabiex jitħallsu l-overtime.

Università ta’ Malta – Staff akkademiku – Nefqa fuq salarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali fis-salarji tal-istaff akkademiku fl-Università ta’ Malta għas-snin 2023, 2024 u 2025, maqsuma xahar b’xahar?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; Sena (€) 2023 €66,823,798.28 2024 €66,388,079.51 Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li fir-rigward tas-sena 2025 l-ammont komplessiv jista’ jingħata wara l-aħħar tas-sena

Università ta’ Malta – Pożizzjonijiet maniġerjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il call inħarġet għal staff f’pożizzjoni maniġerjali fl-Università ta’ Malta matul l-2023, 2024 u 2025, u jelenka liema kienu u x’salarji kellha kull kariga li ngħatat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li fl-2023 l-Universita mpjegat 4 persuni f’pożizzjoni maniġerjali li s-salarju tagħhom ivarja bejn €29,942 u €31,950. Fl-2024 ġew impjegati 2 persuni f’pożizzjoni maniġerjali, persuna b’salarju ta’ €55,099  u persuna oħra b’salarju ta’ €42,459. Fl-2025 impjegaw 8 persuni f’pożizzjoni maniġerjali li s-salarju tagħhom ivarja bejn €33,284 u €35,861.

Università ta’ Malta – Staff akkademiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il call inħarġet għal staff akkademiku fl-Università ta’ Malta matul is-sena 2023, 2024 u 2025, u jelenka liema kienu u x’salarji kellha kull kariga li ngħatat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li fl-2023 ġew impjegati 22 lecturer b’salarju ta’ €48,273, 3 Teaching Associates b’salarju ta’ €34,095 u 3 Junior College lecturers b’salarju ta’ €33,213. Fl-2024 ġew impjegati 17 il-lecturer b’salarju ta’ €48,940, 5 Teaching Associates b’salarju ta’ €35,533 u 4 Junior College lecturers b’salarju ta’ €38,997. Fl-2025 ġew impjegati 8 lecturers b’salarju ta’ € 49,215, 4 Teaching Associates b’salarju ta’ €35,808 u 6 Junior College lecturers b’salarju ta’ €39,272.

Kompetizzjoni nazzjonali tal-presepji – ġudikanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jintgħażlu, u fuq liema kriterji, il-persuni li jkunu ġudikanti tal-kompetizzjoni nazzjonali tal-presepji? Jista' jgħid jekk dawn jinbidlux minn sena għall-oħra? Jekk iva, jista’ jgħid min kienu dawn il-ġudikanti fis-snin 2019, 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024? Jista’ jgħid ukoll x'kompetenzi għandhom u jekk dawn humiex ukoll presepisti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat kif ġej mid-Direttorat tal-Kultura li jieħu ħsieb b'mod tant tajjeb din il-kompetizzjoni : L-għażla tal-aġġudikanti għall-kompetizzjoni nazzjonali tal-presepji, li issa tinkludi wkoll il-kompetizzjoni tal-pasturi, issir b’mod li dawn l-individwi jkunu esperti u prattikanti u tghallmu  f’dan l-qasam. Dawn il-aġġudikanti ġew magħzula wkoll fuq suġġerimenti mill-presepisti stess biex niżguraw li jkollhom għarfien u esperjenza estensiva f’dan il-qasam. Kull sena, ikun hemm erba’ aġġudikanti, fejn żewġ aġġudikanti jibqgħu kontinwi għas-sena ta’ wara biss u t-tnejn l-oħra  jinbidlu: Fl-2019, din il-kompetizzjoni ma kinitx titmexxa mid-Direttorat tal-Kultura, għalhekk m’għandniex informazzjoni għal dik is-sena. Sussegwentement, fl-2020 u l-2021, l-ebda kompetizzjoni ma saret minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Fl-2022, il-aġġudikanti kienu s-Sur Alex Abela, is-Sur Darren Bonavia, is-Sur Joey Falzon, u s-Sur Brian Bonnici. Fl-2023, il-aġġudikanti kienu Chev. Antonio Mifsud KHS, is-Sur Noel D'Amato, is-Sur Brian Bonnici, u is-Sur Joey Falzon. Fl-2024, il-aġġudikanti kienu is-Sur Noel D'Amato, is-Sur Jennings Falzon, Chev. Antonio Mifsud, u is-Sur Angelo Schembri. Il-aġġudikanti kollha magħżula għandhom esperjenza estensiva, ħadmu u pprattikaw f’dan il-qasam. Huma attendew ukoll diversi workshops kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex ma’ artisti kemm lokali kif ukoll dawk barranin.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Direct orders

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tad-direct orders kollha li ngħataw fis-snin 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, fi ħdan: i. Heritage Malta; ii. is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali: u iii. l-entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Heritage Malta – Membri tal-bord

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jifformaw parti mill-bord ta' Heritage Malta Services Ltd bħalissa? Jista' jelenka l-qasam jew il-kompetenza ta' kull persuna, bħal pereżempju storja, gastronomija, turiżmu u l-bqija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Bord ta’ Heritage Malta Services Ltd iffurmat mis-Sur Anthony Scicluna, s-Sur Noel Zammit, s-Sur Carlo Micallef u s-Sinjura Antoinette Caruana.

Mużewijiet – Viżitaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu fil-mużewijiet, f'Malta u Għawdex, fis-snin 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u mużew b'mużew?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel referenza għar-rapporti annwali ta’ Heritage Malta u tal-MICAS li kull sena jitpoggew fuq il-mejda tal-kamra.

Għawdex u Kemmuna - Proġetti b’fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li se jinbeda x-xogħol fuqhom matul is-sena 2026 ġewwa Għawdex u Kemmuna, u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej? Kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn il-proġetti u kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li ser jiġu użati u minn liema fond?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Proġetti u xiri b’fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti/xiri li se jinbeda x-xogħol fuqhom mill-Ministeru tiegħu minn issa sal-aħħar tas-sena ġewwa Għawdex, u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej? Kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn il-proġetti/xiri u kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li ser jiġu użati u minn liema fond?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sakemm qed titwieġeb din il-mistoqsija, matul din is-sena (2025) l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ibbenefika minn xiri ta’ apparat mediku minn fondi Ewropej ERDF (European Regional Development Fund) permezz tal-proġett ERDF 03.273 - Procurement of Medical Equipment for Entities within the Ministry for Health and Active Ageing Malta. Dan il-proġett għandu rata ta’ kofinanzjament 60/40 b’ 60% ta’ l-ispiża tkun koperta mill-Fondi Ewropej u 40% mill-fondi nazzjonali. Dan l-apparat kien jinkludi CT-Scanner b’nefqa kapitali ta’ €1,388,351 u Ultrasound Machine b’valur ta’ €54,124.00 imħallas mill-ERDF. Is-CT-Scanner bdiet topera f’Jannar fil-waqt li l-Ultrasound Machine bdiet topera f’Lulju ta’ din is-sena. Aktar investiment permezz ta’ fondi Ewropej fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali - Proġetti u xiri b’fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti/xiri li se jinbeda x-xogħol fuqhom mill-Ministeru tiegħu minn issa sal-aħħar tas-sena ġewwa Għawdex u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej? Kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn il-proġetti/xiri u kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li ser jiġu użati u minn liema fond?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa ma hemm l-ebda l-proġetti/xiri li se jinbeda x-xogħol fuqhom mill-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, minn issa sal-aħħar tas-sena ġewwa Għawdex u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej.

Port tal-Imġarr Għawdex - Proġett għal triq ġdida bejn il-Port u Triq il-Madonna ta’ Lourdes

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30847 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6678 dwar il-proġett propost fil-Baġit 2019 għal triq ġdida bejn il-Port tal-Imġarr, Għawdex u Triq il-Madonna ta’ Lourdes f’Għajnsielem (triq alternattiva għall-Port tal-Imġarr), u b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22730 tat-XIII-il Leġiżlatura fejn kien ġie mwieġeb li “qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq dan il-proġett, il-Ministeru hu tal-fehma li ssir ukoll konsultazzjoni pubblika mill-GRDA sabiex jiġu wkoll diskussi l-effetti ambjentali li tali proġett jista’ jikkawża”, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx, fiex waslu u meta bdew il-konsultazzjonijiet pubbliċi mill-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) sabiex jiġu diskussi l-effetti ambjentali ta’ dan l-imsemmi proġett u x’kien l-eżitu? X’inhu jsir bħalissa fuq dan il-proġett u x’inhu l-pass li jmiss?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser jitwaqqaf Task force fil-jiem li ġejjin li mistenni jindirizza wkoll it-triq alternattiva tal-Port tal-Imgarr.

Marsalforn – Parkeġġ – Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22137, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi tal-parkeġġ ta’ Marsalforn u jgħid meta se jkompli jinkesa bit-tarmak peress li qed ikompli jiddeterjora?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li għal dan is-sit, il-Ministeru qed iħejji pjan ħolistiku li eventwalment ser iwassal għal parkeġġ u faċilitatijiet rinovati u modernizzati.

Għawdex - Parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm huwa n-numru ta’ karozzi li jistgħu jipparkjaw fil-parkeġġ il-kbir ta’ ħdejn Villa Rundle kif ukoll fil-ground tal-football li hemm maġenbu, li għal dawn l-aħħar snin dejjem intuża għall-parkeġġ tul is-sena kollha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Opinjoni Finali tal-Ombudsman - Ħlas ta’ taxxa

Question

Fid-dawl tal-Opinjoni Finali tal-Ombudsman imressqa f’Novembru 2023 – li ġiet formalment riferuta lill-Ispeaker skont l-artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman u li ġiet imqiegħda quddiem din il-Kamra – u fid-dawl tas-sejbiet tal-Ombudsman li “a notary failed to transfer stamp duty and capital transfer taxes due on property deeds, despite having received payments from clients”, peress li l-vittmi ġew mitluba jħallsu t-taxxa darbtejn, u peress li din ġabet protesti mill-pubbliku, jista’ l-Ministru jispjega għaliex il-Gvern sa issa naqas milli jaġixxi fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet? Jista’ jgħid ukoll il-Gvern meta biħsiebu jimplimenta miżuri konkreti, inklużi dawk proposti mill-Kunsill Nutarili u mill-Ombudsman, sabiex jingħata rimedju immedjat u jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawk il-bona fide taxpayers?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Opinjoni Finali tal-Ombudsman - Ħlas ta’ taxxa

Question

Fid-dawl tal-Opinjoni Finali tal-Ombudsman imressqa f’Novembru 2023 – li ġiet formalment riferuta lill-Ispeaker skont l-artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman u li ġiet imqiegħda quddiem din il-Kamra – u fid-dawl tas-sejbiet tal-Ombudsman li “a notary failed to transfer stamp duty and capital transfer taxes due on property deeds, despite having received payments from clients”, peress li l-vittmi ġew mitluba jħallsu t-taxxa darbtejn, u peress li din ġabet protesti mill-pubbliku, jista’ l-Ministru jispjega għaliex il-Gvern sa issa naqas milli jaġixxi fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet? Jista’ jgħid ukoll il-Gvern meta biħsiebu jimplimenta miżuri konkreti, inklużi dawk proposti mill-Kunsill Nutarili u mill-Ombudsman, sabiex jingħata rimedju immedjat u jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawk il-bona fide taxpayers?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qegħdin isiru diskussjonijiet inter-ministerjali f’dan ir-rigward bil-għan li jiġu proposti miżuri biex jitnaqqas l-abbuż u jiġu salvagwardjati drittijiet ta’ terzi.

Lokalitajiet li fihom saru l-inqas rapporti ta’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-tliet lokalitajiet li fihom saru l-inqas rapporti ta’ vjolenza domestika fis-snin 2021, 2022, 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista jgħid ukoll kemm kienu r-rapporti fl-istess snin għal kull waħda minn dawn it-tliet lokalitajiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi skond is-sistema tal-Pulizija, it-tliet lokalitajiet li fihom saru l-inqas rapporti ta’ vjolenza domestika fis-snin 2021, 2022, 2023, 2024 u sat-30 ta’ Settembru 2025 kienu dawk li jidhru fit-tabella. Il-figuri  maqsuma sena b’sena u fihom in-numru ta’ dawn it-tliet lokalitajiet. Locations 2021 2022 2023 2024 2025 FONTANA - GĦAWDEX 0 1 1 0 0 MDINA 0 1 3 1 0 SAN LAWRENZ - GĦAWDEX 1 1 2 1 1