Legislature:
Category:
Reset
Active:

Defiċit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux fit-triq it-tajba biex tintlaħaq il-mira tad-defiċit fiskali għall-2025, u x’miżuri korrettivi qed jiġu kkunsidrati jekk din ma tintlaħaqx?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett ħa tingħata fid-diskors tal-Baġit.

MTCA – Rinnovazzjonijiet tal-uffiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jagħti t-total tal-ispejjeż li ntefqu fuq ir-rinnovazzjonijiet tal-uffiċċji tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa u tad-Dwana ta’ Malta (MTCA) fil-Furjana matul l-aħħar 4 snin, maqsuma sena b’sena?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Sliema Promenade – Pompa tal-Petrol

Question

B’referenza għall-pompa tal-petrol li ilha ma tintuża u li qiegħda fil-Promenade ta’ Tas-Sliema, li ritratt tal-pompa qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jispjega għaliex din il-pompa qed titħalla f’din il-kundizzjoni?  Jista’ jgħid ukoll għaliex il-pjattaforma tal-metall ta’ din il-pompa tal-petrol ma tneħħietx, li ritratt tagħha ukoll qed jingħata separatament, peress li tista’ tikkawża korrimenti lil dawk li jkunu mexjin jew jiġru tul il-promenade?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill- Ministeru kkoncernat.

Pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pensjonanti li għandhom pensjoni bejn €700 u €800 kull erba’ ġimgħat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pensjonanti jistgħu ikunu kemm persuni singoli u kif ukoll miżżewġin. Persuna singola, minbarra l-pensjoni jista’ jkollha dħul ieħor. Dan jista’ jkun ġej jew minn benefiċċji soċjali oħra, inkella minn sorsi oħra. Pensjonanti miżżewġin jista’ jkun li jkunu qed jirċievu pensjoni waħda u benefiċċji soċjali oħra jew dħul minn sorsi oħra, jew żewġ pensjonijiet jekk il-konjuġi jkunu jirċievu pensjoni t-tnejn. Il-persuni singoli jista’ jkun li jkollhom żewġ pensjonijiet, eżempju tas-servizz u tas-sigurtà soċjali waqt li l-pensjonanti miżżewġin jista’ jkollhom saħansitra tlett pensjonijiet, jekk ikun hemm xi ħadd mill-konjuġi jirċievi l-pensjoni tas-servizz, jew saħansitra erba’ pensjonijiet jekk iż-żewġ konjuġi jkollhom dritt għall-pensjoni tas-servizz it-tnejn. Jista’ jkollok ukoll persuni li jirċievu pensjoni tas-sigurtà soċjali u differenza f’pensjoni tal-età non-kontributorja. F’dawn iċ-ċirkostanzi jitħallsu wkoll benefiċċji addizzjonali. Jista' jkollok ukoll pensjonanti romol jew tal-invalidita'. Dan kollu qed jingħad sabiex l-interpellant jifhem aħjar it-tweġiba li qed tingħata. Fid-dawl ta’ dan kollu jirriżulta li hemm 1,603 pensjonanti  li d-dħul kollu tagħhom, inkluż il-pensjoni, jidher li huwa bejn €700 u €800 kull 4 ġimgħat. It-tabella ta’ hawn taħt tirreferi. Din l-informazzjoni kienet ivverifikata mal-informazzjoni li għandu d-Dipartiment li tinkludi sorsi ta' dħul oħra kif magħrufa mill-Kummissarju tat-Taxxi għas-sena 2023. Kien ikkunsidrat il-fatt wkoll li mill-2023 'l hawn il-pensjonijiet għolew bħala minimu €1,196 fis-sena. Dħul kull 4 Ġimgħat Koppji Persuni Waħidhom Total Nisa Irgiel Total Nisa Irgiel Total Nisa Irgiel Total Bejn €700 u €800 56 85 141 996 466 1462 1052 551 1,603

Pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 20123, 25984, 26417 u 28039 u jgħid kemm hemm pensjonanti li għandhom pensjoni ta’ €600 jew inqas kull erba’ ġimgħat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-pensjonanti jistgħu ikunu kemm persuni singoli u kif ukoll miżżewġin. Persuna singola, minbarra l-pensjoni jista’ jkollha dħul ieħor. Dan jista’ jkun jew minn benefiċċji soċjali oħra inkella minn sorsi oħra. Pensjonanti miżżewġin jista’ jkun li jkunu qed jirċievu pensjoni waħda u benefiċċji soċjali oħra jew dħul minn sorsi oħra, jew żewġ pensjonijiet jekk il-konjuġi jkunu jirċievu pensjoni t-tnejn. Il-persuni singoli jista’ jkun li jkollhom żewġ pensjonijiet wkoll, eżempju tas-servizz u tas-sigurtà soċjali waqt li l-pensjonanti miżżewġin jista’ jkollhom saħansitra tlett pensjonijiet, jekk ikun hemm xi ħadd mill-konjuġi jirċievi l-pensjoni tas-servizz, jew saħansitra erba’ pensjonijiet jekk iż-żewġ konjuġi jkollhom dritt għall-pensjoni tas-servizz it-tnejn li huma. Jista’ jkollok ukoll persuni li jirċievu pensjoni tas-sigurtà soċjali u differenza f’pensjoni tal-età non-kontributorja. F’dawn iċ-ċirkostanzi jitħallsu wkoll benefiċċji addizzjonali. Jista' jkollok ukoll pensjonanti romol jew tal-invalidita'. Dan kollu qed jingħad sabiex l-interpellant jifhem aħjar it-tweġiba li qed tingħata. Fid-dawl ta’ dan kollu jirriżulta li hemm 735 pensjonanti u lid-dħul kollu tagħhom, inkluż il-pensjoni, jidher li huwa anqas minn €600 kull 4 ġimgħat. It-tabella ta’ hawn taħt tirreferi. Din l-informazzjoni kienet ivverifikata mal-informazzjoni li għandu d-Dipartiment li tinkludi sorsi ta' dħul oħra kif magħrufa mill-Kummissarju tat-Taxxi għas-sena 2023. Kien ikkunsidrat wkoll il-fatt li mill-2023 'l hawn il-pensjonijiet għolew bħala minimu €1,196 fis-sena. Dħul kull 4 Ġimgħat Total Anqas minn Nisa Irġiel Total €600 419 316 735

Ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea - Nefqa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28461 u jgħid kemm kienu jammontaw l-ispejjeż totali marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, li saru fit-30 ta’ April 2025 fil-Barrakka ta’ Fuq u fil-Port il-Kbir?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Skejjel għat-tfal bi bżonnijiet speċjali - Liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’liċenzji għandhom l-iskejjel għat-tfal bi bżonnijiet speċjali, kemm dawk governattivi kif ukoll dawk privati? Jista’ wkoll jipprovdi kopji tal-liċenzji ta’ dawn l-iskejjel flimkien mad-dati meta nħarġu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Tagħmir tal-Kostruzzjoni Ambjentali - Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta’ kuntratturi li  ressqu applikazzjoni biex jiksbu għotjiet għall-akkwist ta’ tagħmir tal-kostruzzjoni li hu aktar ambjentali, u kemm minnhom ġew approvati? Jista’ wkoll jippreżenta lista bl-ismijiet ta’ dawk kollha li applikaw, inkluż dawk li bbenefikaw u kemm irċevew, kif ukoll dawk li ma ġewx approvati u r-raġuni għaliex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

In-Naxxar u l-Iklin – Kostruzzjoni ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31280 u jagħti d-data ta’ meta ser tinfetaħ it-triq li hija proġettata li tgħaqqad in-naħa ta’ wara ta’ Giovanni Curmi Higher Secondary u l-Maria Regina College Middle School, ma’ Triq Giorgio Locano, Ħal Lija? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx ostakli biex din it-triq tinfetaħ u jekk iva, x’inhuma?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta lestiet il-kostruzzjoni tat-triq fuq talba tal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Għaldaqstant nirreferih biex  jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Bus shelters – proċedura

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31241 li originarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jispjega l-proċedura ta’ kif jiġi deċiż fejn, kif u meta jsir bus shelter? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-kriterji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor interpellant jagħmel referenza għall-Mistoqsija Parlamentaru numru 26510.

Il-Marsa – Triq Aldo Moro – Bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31240 li originarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jispjega għalfejn qatt ma sar bus shelter fil-bus stop ta’ Triq Aldo Moro (fiż-żona ta’ taħt il-bridge fuq iż-żewġ naħat) ladarba hemm biżżejjed spazju u anke għaliex l-ammont ta’ nies li jirkbu minn hemm huwa konsiderevoli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor interpellant jagħmel referenza għall-Mistoqsija Parlamentaru numru 26510.

Anzjani - Carers fid-djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-ispejjeż kollha tal-anzjani, apparti s-salarju tal-carer, li jħallsu sabiex ikollhom carer id-dar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-ispejjeż relatati mal-impjieg ta’ carers jistgħu jvarjaw skont il-każ. L-anzjan jista’ jagħżel li jimpjega carer direttament jew jixtri s-servizz mingħand kumpaniji liċenzjati. Fiż-żewġ każijiet, irid isir kuntratt quddiem in-nutar li jinkludi dak kollu miftiehem u l-ispejjeż relatati. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità hi responsabbli għas-sussidju ta’ €8,500 fis-sena li jingħata lill-persuna anzjana li jkollu/jkollha carer full-time, jew pro-rata għal min ikollu carer part-time.

Jobsplus - Persuni rreġistrati bħala influencers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kienet u/jew għadha rreġistrata bħala influencer mal-Korporazzjoni Jobsplus, mis-sena 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li t-tabella t’hawn taħt turi n-numru ta’ persuni li kienu/jew għadhom rreġistrati bħalha influencer u content creator mal-Korporazzjoni Jobsplus, sena b’sena fl-aħħar ta’ Diċembru mill-2020 sal-2024 u fl-aħħar ta’ April 2025. Infurmat li Jobsplus toħroġ statistika marbuta mal-impjiegi skont il-Klassifika Internazzjonali Standard tal-Impjiegi (ISCO-08).  Din il-klassifika toħroġ mil-Kummissjoni Ewropea (2009/824/KE). It-titlu ta’ ‘influencer’ ma jeżistix f’din il-klassifika; għaldaqstant meta timtela formola ta’ bidu ta’ impjieg wieħed jista’ jikteb din il-kariga b’mod manwali fil-formola taħt id-designation. Diċembru April 2020 2021 2022 2023 2024 2025 Influencers 3 2 3 5 11 13 Content Creators 29 25 50 65 81 86

Il-Gżira - Triq D’Argens - Problema ta’ għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta biex tissolva darba għal dejjem il-problema ta’ għargħar ikkawżata mill-ilma tax-xita fi Triq D’Argens, il-Gżira?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed iħejji pjan għad-drenaġġ effettiv tal-ilma tax-xita minn Triq D’Argens sax-Xatt tal-Gżira.

Il-Fgura - Triq il-Karmnu - Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien daħlu rapporti li Triq il-Karmnu l-Fgura, speċifikament in-naħa t’isfel lejn Triq Hompesch, għerqet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġejt infurmat li Infrastructure Malta kellha rapport wieħed fejn sar ilment rigward ilmijiet f’din iż-żona.

Il-Fgura - Triq il-Karmnu - Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien daħlu rapporti li Triq il-Karmnu l-Fgura, speċifikament in-naħa t’isfel lejn Triq Hompesch, għerqet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Fgura irċieva żewġ rapporti mingħand l-istess persuna, li kien qed iżomm ammont żgħir ta’ ilma fi Triq il-Karmnu.

Kunsilli lokali - Skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw skemi lil kull kunsill lokali individwalment matul is-sena 2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba kif mgħoddija lili.