Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Priġunieri b’mard terminali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28872 fejn ingħad li hemm tliet priġunieri b’mard terminali fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-policy u l-prassi f’dawn iċ-ċirkustanzi sensittivi u fejn qed jirċievu l-kura dawn il-priġunieri? Jista’ jgħid ukoll jekk f’dawn iċ-ċirkustanzi tiġix ikkunsidrata li l-priġunieri jitħallew iqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom mal-familjari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-kura medika għall-priġunieri li jbatu minn mard terminali titwettaq mit-tim mediku tal-Medical Intervention Clinic fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn fl-aħħar snin kompla jsir xogħol importanti ta’ investiment bil-għan li jingħata servizz aqwa.
Id-deċiżjonijiet kliniċi jittieħdu mill-professjonisti fuq bażi individwali, skont il-pronjożi tal-każ, ix-xewqat espressi tal-priġunier, il-bżonnijiet kliniċi immedjati, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà meħtieġa. F’kull każ, tiġi garantita parità mal-livell ta’ kura disponibbli fil-komunità.
Kif u Fejn tingħata l-kura
•
Kura ġewwa l-ħabs
— Kontroll tas-sintomi, assistenza paljattiva, reviżjonijiet mediċi regolari u għajnuna oħra necessarja jiġu pprovduti mit-tobba u l-infermiera tal-Facilta Korrettiva ta’ Kordin skont il-bżonnijiet tal-priġunieri u l-esiġenzi kliniċi.
•
Kura segwita minn speċjalisti
— It-team mediku tal-ħabs isegwi l-istruzzjonijiet tal-ispeċjalisti kuranti u jassiguraw li jinżammu l-appuntamenti regolari fil-kliniċi esterni (out-patient clinics) ma dawn l-ispeċjalisti.
•
Referiment għall-kura esterna
— Meta meħtieġ, il-priġunieri jiġu riferuti għal kliniċi esterni (out-patient clinics). F’kazijiet fejn il-prigunieri jeħtieġu kura avvanzata, dawn jiġu trasferiti għal “in-patient admission” ġewwa faċilitajiet mediċi adegwati, inklużi l-Isptar Mater Dei jew SAMOC. B’hekk tiġi żgurata kura ekwivalenti għal dik li tingħata fil-komunità f’każijiet simili.
•
Dinjita u sigurta
— Il-pjanijiet kliniċi u operazzjonali għall-kura u t-trasferimenti huma mfassla biex jipproteġu d-dinjita tal-priġunier, jippermettu kuntatt mal-familja fejn ikun possibbli, u jnaqqsu r-restrizzjonijiet mhux meħtieġa fil-limitu tal-miżuri operazzjonali ta’ sigurtà.
Teħid ta’ deċiżjonijiet, dokumentazzjoni u eskalazzjoni
•
Multidisciplinary approach
— Każijiet kumplessi jew sensittivi jiġu indirizzati permezz ta’ diskussjoni multidixxiplinari li tinvolvi l-ispeċjalisti kuranti u t-team mediku tal-ħabs, li jinkludi t-tobba u l-infermiera. Ħafna drabi jiġu nvoluti wkoll kemm il-psikoloġisti kif ukoll is-social workers.
•
Dokumenti kliniċi
— Kull dokumentazzjoni fuq id-deċiżjonijiet mediċi, kemm dawk meħuda mit-team mediku tal-ħabs kif ukoll minn speċjalisti esterni, jiġu kollha reġistrati fil-file mediku tal-priġunier.
•
Notifika lill-Bord tal-Parole
— Meta l-evalwazzjoni klinika tikkonkludi li s-sitwazzjoni medika tal-priġunier mhux kompatibbli mal-ambjent ġewwa l-ħabs, it-team mediku jinforma lill-management tal-ħabs u l-awtoritajiet oħra relevanti, inkluż lill-Bord tal-Parole, sabiex jiġi kkunsidrat rilaxx kompassjonat jew akkomodazzjoni alternattiva fil-komunità.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid minn meta ġew mogħtija t-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 11200, 14932 u 23051, jekk qattx ġew avviċinati l-familjari tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia biex jiddiskutu monument iddedikat għaliha?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li m’hemmx diskussjonijiet għaddejjin dwar din l-materja.
Infakkar li l-Gvern immexxi minni dejjem wera rispett lejn il-memorja tas-Sinjura Caruana Galizia u lejn l-familja tagħħa, mhux biss fl-anniversrju tal-mewt tagħħa imma tul is-sena kollha.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk iż-żieda fl-istipendju kinetx miżura effettiva biex tattira iktar studenti jagħżlu l-kors tas-social work? Jekk le, x’miżuri ġodda ser jittieħdu?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) tipprovdix servizz ta’ computer processing power, GPUs jew Supercomputer, li jkun jista’ jintuża’, anke bi ħlas, minn entitajiet pubbliċi jew privati?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li dan s-servizz se jiġi inawgurat fil ġranet li ġejjin.
San Ġiljan – Triq Ċensu Tabone u Triq il-Kbira – Xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31119, fejn intqal li “bħalissa qed jiġu mgħoddija xi servizzi f’toroq oħrajn fl-istess l-akkwata u għaldaqstant qed issir kordinazzjoni kemm mal-kuntratturi kif ukoll mal-entitajiet ikkonċernati sabiex tiġi stabbilita data ta’ meta mbgħad jista’ jingħata l-asfalt fit-toroq kollha kkonċernati”, jista’ l-Ministru jgħid fejn huma dawn it-toroq fl-akkwata fid-dawl li ma hemm l-ebda xogħol fl-ebda triq viċin jew madwar Triq il-Kbira u Triq Ċensu Tabone?
Response (BONETT, CHRIS)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet li qed isiru/iridu jsiru ġewwa San Ġiljan. Il-pjan huwa li kif jitlestew ix-xogħlijiet neċessarji, it-toroq jingħataw l-asfaltar batch batch.
Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli - Espressjonijiet ta’ InteressFondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli - Espressjonijiet ta’ Interess
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31118, peress li l-Ministru ma qalx min huma l-membri tal-kumitat indipendenti li ser jevalwa t-talbiet/espressjonijiet ta’ interess li daħlu, x’miżuri se jkun qed jieħu l-Ministru biex ikun jista’ jserraħ ras iċ-ċittadini li l-għażliet ser ikunu fl-interessi tal-ġid pubbliku?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta’ evalwazzjoni qed isir b’mod trasparenti u skont il-proċeduri stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-integrità u l-imparzjalità tiegħu. Infakkar li l-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli hija frott ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern Malti u l-Arċidjoċesi ta’ Malta u qed tassigura li l-għażliet isiru fl-interess tal-ġid pubbliku u b’konformità mal-prinċipji ta’ governanza tajba.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31206 fl-intier tagħha u jipprovdi l-informazzjoni maqsuma skont dawn il-kategoriji: minuri, minuri mhux akkumpanjati, nisa tqal, u ġenituri waħedhom bi tfal minorenni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-informazzjoni miżmuma mill-Awtoritajiet ikkonċernati m'hijiex fil-forma mitluba mill-Onorevoli interpellant. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli interpellant jirreferi għar-risposta ta’ mistoqsija parlamentari numru 31206.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31124, jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għal caravans ġewwa n-Naxxar minn Mejju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif inġabret mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar. Il-permessi għal Caravans huma meħtieġa biss bejn 1 ta’ Ġunju u 30 ta’ Settembru.
AIMS - Sejħa għall-pożizzjoni ta’ CEO - Applikazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28969 u 31084 u jgħid kemm kien hemm applikanti li tefgħu n-nomina tagħhom għall-kariga ta’ CEO fl-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport f’Malta (AIMS) wara li ħarġet sejħa interna? Jista’ jgħid ukoll il-ġeneru u l-età tagħhom? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx sejħa esterna, kemm applikaw u x’kien ir-riżultat?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li l-AIMS irċiviet applikazzjoni waħda għas-sejħa msemmija.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26670, 28510, 28779, 28972, 29121 u 31083 u jgħid x’inhi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema li għadhom fuq il-kotba tal-Airmalta fil-ġurnata li fiha tkun qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema li għadhom fuq il-kotba tal-Airmalta u kemm tħallsu pagi, xahar b’xahar, mill-ġurnata li fiha għalqet l-Airmalta sal-aħħar ta’ Settembru 2025?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li attwalment hemm 19-il persuna fuq il-kotba tal-kumpanija bi spiża mensili ta’ €82,448.59.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni mill-Gudja li minn Ottubru 2024 sa Settembru 2025 ibbenefikaw mill-In-Work Benefit u kemm kienet is-somma komplessiva li ġiet mħallsa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba skont kif tidher fit-tabella ta’ hawn taħt:
Benefiċċjarji tal-
In-work Benefit
bejn Ottubru 2024 u Settembru 2025
Lokalita'
Numru ta' Benefiċċjarji
Total Imħallas
PQ 31441
GUDJA
177
€82,175.98
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31141, jista’ l-Ministru jara li sakemm issir iż-zebra crossing fi Triq l-Isqajjaq f’Ħal Tarxien, ikun hemm xi dawl biex jitnaqqas il-periklu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Ħal Tarxien ser jiddiskuti fil-laqgħa li jmiss, il-possibilità li titwaħħal bozza b’mod temporanju.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31142 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30867, jista’ l-Ministru jara li l-parti magħrufa bħala d-De Guiral Battery taħt Sant Anġlu fil-Birgu tinżamm aħjar mis-CWG Consortium imsemmija fl-istess tweġiba?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31143, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30878 u 30879 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika rispettivament u jgħid jekk humiex isiru spezzjonijiet f’Pembroke marbuta mal-livell għoli ta’ trab u storbju li qed ikun hemm waqt il-kostruzzjoni li għaddej bħalissa?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li kemm l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurta u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni jagħmlu spezzjonijiet regolari marbuta mal-livell għoli ta’ trab u storbju ġewwa Pembroke.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30869 u 31099 u jgħid kemm kien hemm ġurijiet pendenti sal-aħħar ta’ Lulju 2025? Jista’ jgħid kemm kien hemm persuni minnhom li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u li kienu qed jistennew dawn il-proċeduri?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 31328.