Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sena fiskali – Infiq

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi break down tal-infiq żejjed skont il-ministeru għas-sena fiskali preċedenti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-Rapport Finanzjaru għas-sena 2024 li ġie ippubblikat mit-Teżor, u li kopja tiegħu tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra. Ir-Rapport jinkludi statements iddettaljati tal-infiq attwali li seħħ fl-2024 kif ipparagunat mal-estimi oriġinali għall-istess sena.

Intrapriżi tal-Istat – Garanziji tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-garanziji kollha tal-gvern li huma fis-seħħ bħalissa għall-intrapriżi tal-istat, inkluża l-obbligazzjoni kontinġenti (Contingent Liability) totali tagħhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.

Dejn Nazzjonali - Sostenibbiltà

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika proġezzjonijiet aġġornati dwar is-sostenibbiltà tad-dejn li juru l-proporzjon tad-dejn pubbliku ta’ Malta lil hinn mill-2026?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett ħa tingħata fid-diskors tal-Baġit.

Crisis Resolution and Home Treatment Team – rendikont ta’ ħidma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31221 u jagħti rendikont tal-ħidma li wettaq matul dawn l-aħħar sentejn it-tim multidixxiplinarju ‘Crisis Resolution and Home Treatment Team’?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-rendikont tat-tim multidixxiplinarju ‘Crisis Resolution and Home Treatment Team’ qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija Malta Libraries – sejħa għal Chief Officer

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31219 u jgħid jekk l-aħħar sejħa għall-Chief Officer (COO) fl-Aġenzija Malta Libraries saritx kif titlob id-Direttiva tas-settur pubbliku? Jista’ jgħid xi kwalifiki għandha l-persuna fl-oqsma tax-Xjenza tal-Libreriji u l-Arkivjar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna maħtura mill-predeċessur tiegħi u rikonfermata minni bħala COO hi persuna kompetenti kemm akkademikament u kemm mil-lat ta' esperjenza twila.

Il-Fgura - Vjal il-Kottonera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser titlesta Vjal il-Kottoner fil-Fgura?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett ta’ Vjal Kottoner fil-Fgura qed isir f’fażijiet sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għar-residenti, ħwienet u dawk kollha li jagħmlu użu minn din it-triq. Infurmat lix-xogħol hu previst li jkun lest f’nofs is-sena 2026.

Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet ingħataw l-iktar ċitazzjonijiet, maqsuma lokalità b’lokalità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni tal-Korp tal-Pulizija u tal-LESA, bejn Jannar 2025 u l-aħħar ta’ Settembru 2025, il-lokalitajiet huma San Pawl il-Baħar, San Ġiljan u Birkirkara.

Il-Fgura - Triq il-Karmnu - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsiru xi xogħlijiet biex titranġa Triq il-Karmnu l-Fgura, speċifikament in-naħa t’isfel lejn Triq Hompesch?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Karmnu l-Fgura għadhom mhux finalizzati kollha u għad irid isir l-ittestjar neċessarju.

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali - Ħlas lil awtoritajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallset flus is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Nazzjonali lill-awtoritajiet li ma jaqgħux taħt il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jipprovdi lista dettaljata tas-servizzi u spejjeż?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għar-rapporti annwali tas-Sovraintendenza għall-Patrimonju Kulturali li jiġu ppreżentati kull sena fuq il-Mejda ta' din l-istess Kamra.

Università ta’ Malta - Applikazzjonijiet għal Associate Professor u Professor

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29012 u jgħid x’kienet l-ispiża totali mħallsa mill-Università ta’ Malta fl-2023 u fl-2024 sabiex applikazzjonijiet għal Associate Professor u Professor jiġu mgħarbla mill-Association of Commonwealth Universities f’Londra?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża totali s’issa kienet ta’ £148,140

MCAST – Irkupru ta’ flus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan biex jiġu rkuprati l-miljuni ta’ flus li allegatament insterqu mill-MCAST wara l-każ ta’ frodi li spiċċa l-Qorti aktar kmieni din is-sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-MCAST għamlet it-talbiet tagħha bi proċeduri legali.

MCAST – Każ ta’ frodi – Passi dixxiplinarji

Question

Fid-dawl tal-allegat każ ta’ frodi fl-MCAST li spiċċa quddiem il-Qorti aktar kmieni din is-sena, jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux passi ta’ dixxiplina fil-konfront ta’ xi impjegati fl-MCAST?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-MCAST għamlet it-talbiet tagħha bi proċeduri legali.

Direttorat tal-Kultura

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa l-avukat tad-Direttorat tal-Kultura? Jista’ jgħid ukoll jekk għandux irwoli oħra f’dan id-Direttorat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li d-direttorat tal-Kultura m'għandux avukat impjegat direttament mieghu, iżda jagħmel użu minn wieħed fuq bażi ta' contract for service.

Għawdex - Pixxina

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30838 u jgħid kif ser tiġi operata u mmaniġġjata l-pixxina l-kbira ġewwa Għawdex issa li nfetħet uffiċjalment u qed tintuża wkoll mill-pubbliku? Jista’ jispeċifika x’kienu l-arranġamenti meħtieġa biex din il-pixxina tibda topera, inkluż l-obbligi ta’ garanziji u maintenance? F’liema xahar u sena għandha tiġi ppubblikata sejħa għall-offerti għall-operat u l-immaniġġjar tagħha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara l-ftuħ uffiċjali tal-pixxina l-kbira f’Għawdex, intlaħaq ftehim għal sena (Service Level Agreement) biex jiġi żgurat it-tħaddim u l-użu tal mekkinarju u sabiex l-obbligi ta’ garanziji u manutenzjoni jibqgħu fis-seħħ skont it-termini tal-ftehim.

PMC for Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-‘Preliminary Market Consultation’ li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar bit-titlu ‘PMC for Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex’, li għalqet fit-30 ta’ Settembru 2024, u x’irriżulta? Jista’ jgħid ukoll meta huwa mistenni (xahar u sena) li tinħareġ offerta miftuħa għall-konċessjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed jsiru l-preparamenti sabiex jiġi abbozzat id-dokumenti tal-konċessjoni.

Proposal for Available Property or Land for Outright Acquisition in Victoria (Rabat) Gozo or in the Vicinity of Victoria (Rabat) Gozo to be Converted into Gozo Court

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22149 li ngħatat fil-5 ta' Novembru 2024, jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm dwar il-'Preliminary Market Consultation' li ħarġet l-Aġenzija tal-Qrati 'Proposal for Available Property or Land for Outright Acquisition in Victoria (Rabat) Gozo or in the Vicinity of Victoria (Rabat) Gozo to be Converted into Gozo Court'  li għalqet fis-6 ta' Jannar 2023? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm u min kienu l-persuni jew kumpaniji li wrew interess? Fejn se ssir il-Qorti l-ġdida f'Għawdex u meta ser tinfetaħ?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’ hemmx aktar żviluppi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 22149, peress li l-proċess għadu għaddej.