Legislature:
Category:
Reset
Active:

Yerevan, Armenia - Rappreżentanza Maltija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk hemmx konsulat jew uffiċċju ta’ konslu sabiex jirrappreżenta l-interessi ta’ Malta fil-Yerevan fl-Armenia?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta għandha Konsolat Onorarju f’Yerevan, l-Armenja. Il-Konsolat Onorarju tar-Repubblika ta’ Malta f’Yerevan jirrapreżenta l-interessi ta’ Malta - fil-fini tad-doveri tiegħu - b’ġurisdizzjoni fuq ir-Repubblika tal-Armenja. Il-Konslu Onorarju ta’ Malta għall-Armenja huwa s-Sur Artur Aleksayan. Apparti minn hekk, Malta għandha wkoll Ambaxxatur mhux residenti għall-Armenja, l-E.T. Giovanni Miceli.

Swatar, Birkirkara - Triq Maestro Giuseppe Busuttil - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser issir bl-‘asphalt’ u skont is-sengħa u l-arti li tirrikjedi l-liġi fis-settur tal-kostruzzjoni tat-toroq, it-Triq Maestro Giuseppe Busuttil, is-Swatar, f’Birkirkara, minn entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Ministru?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq Maestro Giuseppe Busuttil, is-Swatar hija waħda mit-toroq li ġiet proposta mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara. Ix-xogħol tat-toroq jiġi allokkat skond l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalita’ rispettiva tagħhom.

Swatar, Birkirkara - Triq Maestro Giuseppe Busuttil - Permessi għal cranes

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra dwar permess jew permessi li hemm sabiex persuni jew kumpaniji joperaw bi crane fi Triq Maestro Giuseppe Busuttil, is-Swatar, f’Birkirkara, minn entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Ministru u jekk huwa l-każ, jgħid jekk hemmx terminu meta dan l-istess xogħol għandu jitlesta?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Green jobs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew maħluqa ‘green jobs’ bejn is-snin 2019 u 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?  Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-natura ta’ dawn l-impjiegi, jiġifieri l-okkupazzjoni jew it-titlu tax-xogħol tagħhom, u f’liema setturi speċifiċi ġew maħluqa dawn il-postijiet tax-xogħol?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Klassifikazzjoni Internazzjonali Standard tal-Okkupazzjonijiet (ISCO) ma tispeċifikax liema okkupazzjonijiet huma assoċjati max-xogħolijiet ħodor fis-setturi ekonomiċi. Fl-istess ħin hemm diskussjonijiet fuq livell internazzjonali dwar dan u Malta qed tipparteċipa.

Kanċer tas-sider

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31080, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ kanċer tas-sider wassal għall-mastektomija?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi mill-428 każ ġdid ta’ kanċer tas-sider skoperti bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u l-15 t’Ottubru 2025, kien hemm 51 każ ta’ kanċer tas-sider li wasslu għal mastektomija.

Każijiet ta’ arbitraġġ internazzjonali - Nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31431 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm intefqu flus pubbliċi fi spejjeż legali jew ta’ konsulenza għad-difiża ta’ azzjonijiet tal-gvern f’każijiet ta’ arbitraġġ internazzjonali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Fgura - Sqaq fi Triq A.M. Valperga

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq A.M. Valperga fil-Fgura (’l isfel mill-ground tal-futbol), tista’ l-Ministru tgħid għalfejn il-ħajt il-ġdid li qed jinbena mat-triq ma daħalx iktar ’il ġewwa sabiex il-karozzi jkunu jistgħu jipparkjaw b’mod vertikali (fish bone) u mhux orizzontali mat-triq, u b’hekk tkun tista’ tissolva parzjalment il-problema tal-parkeġġ fiż-żona? Tista’ tgħid ukoll jekk tali talba saritx mill-Kunsill Lokali wkoll?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Regolament (UE) 2024/1309 - Implimentazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 30165 u 31114, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ta’ meta ser jiġu ppubblikati u applikati l-emendi inkwistjoni tenut kont li r-Regolament (UE) 2024/1309 jibda japplika mit-12 ta’ Novembru 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-emendi inkwistjoni mistennija jiġu ppubblikati fil-jiem li ġejjin, bħala parti minn konsultazzjoni pubblika.

In-Nadur - Triq l-Emigranti - Xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet kienu qed jagħmlu l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) f’dawn l-aħħar ġranet u ġimgħat fi Triq l-Emigranti fin-Nadur, Għawdex, fejn fl-istess triq fix-xhur li għaddew kien inbeda x-xogħol tas-servizz f’din it-triq minn kuntrattur imqabbad mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar li kienu qegħdin jagħmlu xogħol ta’ trinek tas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proġett tat-triq indikata l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed taħdem f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u wettqet dawn ix-xogħlijiet: ·    kummissjonar ta’ Drainage Pumping Station; ·    konnessjonijiet ta’ rising u gravity mains li ġew installati minn qabel mill-kuntrattur imqabbad mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar; ·    konnessjonijiet tad-djar ma’ dawn il-gravity mains ġodda li permezz tagħhom ġiet eliminata l-fossa f’din it-triq; ·    installazzjoni ta’ dual water mains. Il-konnessjonijiet tad-djar mas-sistema l-ġdida tal-ilma għandhom jitwettqu fi żmien qasir u meta jiġu finalizzati l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ikun jista’ jwettaq xogħlijiet fuq it-triq u finalment jingħata l-asfalt.

In-Nadur - Triq l-Emigranti - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31030 fl-intier tagħha u jgħid meta nbeda x-xogħol fuq Triq l-Emigranti, fin-Nadur? Jista’ jgħid ukoll kemm fiha tul din it-triq, meta ser jitlesta minn kollox ix-xogħol u kemm hu stmat li ser jiġi jiswa x-xogħol f’din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq din it-triq huwa stmat li jiswa’ madwar Euro 300,000.

Għasri Għawdex - Triq Wied Sara - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12697, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew u jkunu ffinalizzati x-xogħlijiet kollha fi Triq Wied Sara, fir-Rabat Għawdex, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u ta’ periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq? Jista’ jgħid ukoll jekk ingħatawx fondi lill-Kunsill Lokali għal dan ix-xogħol u jekk iva, għal kemm jammontaw dawn il-fondi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Għasri li x-xogħol se jitlesta fil gimghat jew xhur li gejjin.  Sal-lum ingħataw €354,827 lill-Kunsill ta’ l-Għasri għal dan il-proġett.

Ta’ Sannat - Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29497 li ngħatat fit-2 ta’ Lulju 2025 fejn ġie mwieġeb li “x-xogħlijiet mistennija jkomplu fil-jiem li ġejjin.”, u tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31026 fejn intqal li x-xogħlijiet “huma skedati li jitkomplew f’Jannar 2026.”, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħlijiet ser jitkomplew iktar minn tliet xhur u nofs oħra? Jista’ jgħid ukoll x’hemm maħsub li jsir fl-immedjat biex l-inkonvenjent kbir li hemm għar-residenti u kull min juża dawn it-toroq jitnaqqas kemm jista’ jkun?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li m'għandix xi nżid mat-tweġibiet li tajt għad-domandi parlamentari 29497 u 31026.

Kunsilli Lokali Għawdxin - Skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il skema għall-Kunsilli Lokali Għawdxin ħarġet matul l-2024 u l-2025 mill-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll: a.    Kemm kien l-ammont allokat għal kull skema? b.    Kemm applikaw kunsilli lokali għal kull skema? ċ.    Liema kienu l-kunsilli lokali li ħadu għajnuna minn kull skema u liema kienu dawk il-kunsilli li applikaw u ma ħadux għajnuna f’kull skema? d.    Kemm kien l-ammont totali li ngħata lil kull kunsill lokali f’kull skema u għal liema proġetti jew inizjattivi? e.    Kemm hu l-ammont li sal-lum tħallas lil kull kunsill lokali f’kull każ u f’kull skema?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li EkoGħawdex ħareġ skema waħda matul l-2024. Din l-iskema, marbuta mar-restorazzjoni ta’monumenti jew niċeċ kif ukoll mat-tisbieħ tal-isqaqien fil-lokalitajiet, kellha allokazzjoni ta’ € 500,000.00 u li għaliha applikaw 9 kunsilli lokali. Il-Kunsilli li ħadu għajnuna huma  Għasri, San Lawrenz, Nadur, Xaghra, Ta’ Kerċem, Għarb, Għajnsielem, Rabat u Żebbuġ. L-ammont totali li minnu ser jibbenifikaw il-kunsill lokali jammonta għal € 335,254.20. S’issa għad ma kienx hemm ħlasijiet.

Kunsilli lokali - Ġonna

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31204 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid liema huma l-ġonna li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif miġbura mill-Kunsilli Lokali rispettivi.

Kunsilli lokali - Ambaxxaturi taż-Żgħażagħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31203, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet li għandhom Ambaxxatur taż-Żgħażagħ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li skont l-informazzjoni li ġabret mill-Kunsilli Lokali, l-lokalitajiet li għandhom Ambaxxatur taż-Żgħażagħ huma Ħal Qormi, Ħad Dingli, l-Għarb, In-Nadur, Tal-Pieta’ u x-Xewkija.

Infrastructure Malta - Talbiet mill-Kunsilli Lokali - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30977 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u jipprovdi lista ta’ toroq li kull kunsill lokali f’Malta u Għawdex talab lill-Infrastructure Malta biex isir xogħol fihom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta għadha għaddejja b’diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ kull lokalita’ rigward xogħlijiet li jikkonsistu f’bini tat-toroq mill-ġdid, ir-rikostruzzjoni sħiħa tal-bankini, it-tisħiħ tas-sottobażi eżistenti u s-saffi tal-asfalt tul il-medda kollha tat-triq flimkien mas-sinjali tat-toroq u l-marki tal-linji meħtieġa. Ix-xogħol tat-toroq jiġi allokkat skond l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalita’ rispettiva tal-Kunsill.

Kunsilli Lokali - Ġbir ta’ skart - Ilmenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30794, jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu ilmenti relatati ma’ ġbir ta’ skart, maqsuma għal kull kunsill lokali individwalment matul is-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

M'għandix xi nżid mat-tweġiba li tajt għal domanda parlamentari 30794.

L-Università ta’ Malta - Parking 6 - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30793, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet il-binja li qeda tinbena f’dak li qabel kien parti minn Parking 6 fl-Università ta’ Malta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li qed issir referenza għal binja li tissejjaħ Sustainable Living Complex, li tikkomprendi erba' sulari 'l-fuq mil-livell tal-art, Blokk A, B, C u D, u żewġ sulari taħt l-art, fuq firxa totali ta’ madwar 26,000 metri kwadri. Huwa maħsub li Blokk B, C u D, u ż-żewġ sulari ta’ taħt ikunu lesti, biex tidħol l-għamara u t-tagħmir fl-ewwel kwart ta’ 2026, biex jibdew jintużaw. Xi tagħmir diġà beda jintrema’ fis-sular ta’ taħt. Il-pjan huwa li l-aħħar blokk jitlesta sal-bidu ta’ 2027.

Laboratorji tal-Gvern - Riċerka

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30860, jista’ l-Ministru jgħid hux qed issir xi forma ta’ riċerka fid-diversi laboratorji tal-Gvern maqsuma taħt il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, u jekk iva jista' jagħti xi eżempji?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fid-domanda tiegħu.