Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2025?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Ministeru għall-Finanzi — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2025?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 24481.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti ta’ restawr għaddejjin bħalissa madwar Malta u Għawdex, u li fihom hemm involut il-Ministeru tiegħu? F’liema lokalitajiet jinsabu l-postijiet li qed jiġu restawrati? Għal kull każ, jista’ jgħid meta nbeda r-restawr u meta hu mistenni li jitlesta? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura li trid tintuża biex xi wirt storiku jiġi restawrat b’għajnuna mill-Ministeru?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-proġetti li qegħdin taħt l-inkarigu tad-Direttorat tar-Restawr u l-Preservazzjoni. Din tinkludi proġetti li tlestew fl-aħħar xahrejn, dawk li bħalissa jinsabu fil-proċess ta’ implimentazzjoni, kif ukoll il-proġetti ppjanat.
Ma tinkludix pero progetti ta' restawr li qed tagħmel Heritage Malta fis-siti tagħha li jgħoddu mat-30 oħra.
Intant il-proċedura li permezz tagħha id-Dipartiment tar-Restawr u il-Preservazzjoni jikkonsidra talbiet biex xi wirt storiku jiġi restawrat b’għajnuna mill-Ministeru hi l-iSkema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali. Meta tiġi mħabbra din l-iSkema, il-Kunsilli Lokali jistgħu jibgħatu il-proposti tagħhom għall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla, skond kriterji stabiliti fil-Linji Gwida tal-iSkema.
Fid-dawl li din is-sena reġa’ hawn żieda sostanzjali ta’ bagħal taż-żunżan (hornets), jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jieħu l-Ministeru biex dawn il-hornets jiġu kkontrollati u meqruda? Jista’ jgħid ukoll kif persuna li għandha minn dawn il-hornets fil-proprjetà tagħha jew taf li hemm minnhom f’art/proprjetà pubblika, tkun tista’ tirraporta u x’għajnuna qed tingħata?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet għall-Annimali joffri assistenza teknika lill-bdiewa u r-raħħala sabiex tiġi kkontrollata l-invażjoni ta’ ċertu pesti u mard tal-pjanti u tal-annimali. Peress li l-ispeċi taż-Żunżan Bagħal (Oriental Hornet) tista’ titqies bħala waħda minn dawn, il-bdiewa jistgħu jiksbu pariri dwar il-kontroll ta’ dan il-pesti. Madanakollu, servizz sabiex jitneħħew iż-żunżan bagħal mill-lokalitajiet u postijiet residenzjali għandu jinkiseb minn professjonisti u servizzi privati tal-kontroll tal-pesti.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22591, tista’ l-Ministru tgħid xi żviluppi kien hemm dwar id-definizzjoni ta’ ‘Assistent Personali’ ma’ Jobsplus?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Att legali dwar ir-riforma tal-Assistenza Personali ser jinkludi id-definizzjoni ta’ ‘Assistent Personali’.
Terapija ta’ tfal b’diżabilità - Kreditu ta’ taxxa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ġenitur ibbenefika mill-kreditu tat-taxxa għal terapija ta’ tfal b’diżabilità għal kull sena minn mindu beda jingħata dan il-kreditu? Jista’ jgħid ukoll għal kemm jammonta l-valur ta’ dan il-kreditu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi skont it-tabella hawn taħt:
Sena
Nurmu ta' Persuni
Ammont ta' Kreditu
2023
173
36,505
2024
310
144,400
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni preżentement jistennew risposta dwar jekk hux ser ikunu qegħdin jibbenefikaw jew le mis-servizz ta’ assistent personali? Minn dawn il-persuni, tista’ tgħid ukoll liema hu l-itwal perjodu ta’ stennija minn meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni inizjali?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sal-24 ta’ Ottubru 2025, kien hemm total ta’ 99 applikant adult elenkati fil-lista ta’ stennija għall-assessjar inizjali tas-servizz ta’ Assistent Personali. Din il-lista hija organizzata skont il-prijorità tal-każijiet, u tiġi riveduta mit-tim tal-Personal Budget Assistance Scheme Board (PBAS) perjodikament.
Mid-99 applikant adult, 61 ressqu l-applikazzjoni tagħhom fl-2025, filwaqt li 37 applikaw fl-2024. Barra minn hekk, hemm applikant wieħed mill-2023 li għażel li jissospendi temporanjament l-applikazzjoni tiegħu għal raġunijiet personali.
Min-naħa l-oħra, bħalissa m’hemm l-ebda lista ta’ stennija ta’ klijenti li qed jistennew li jiġu preżentati quddiem il-Bord għall-assenjar tas-sussidju, peress li l-klijenti kollha li għaddew mill-assessjar inizjali diġà ngħataw appuntament mal-Bord.
Għandu jiġi nnotat ukoll li kien hemm 78 applikant minuri għall-Family Assistance Support Scheme (FAS), servizz li huwa distint minn dak tal-Assistenza Personali. Il-klijenti ta’ dan is-servizz jingħataw sussidju li jippermettilhom jimpjegaw persuna ta’ għażla tagħhom sabiex tassisti lill-applikant fil-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll lill-ġenituri tagħhom.
Inżid ukoll li matul din is-sena, it-tim għadda minn riforma sabiex ikun allinjat mal-parametri stipulati fir-riforma tal-Personal Budget, bl-għan li jissaħħaħ il-proċess u jitnaqqas il-perjodu ta’ stennija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet applikazzjonijiet l-Awtorità tad-Djar għall-iskema għall-persuni b’diżabilità matul is-sena 2025, sabiex jagħmlu r-residenza aċċessibbli? Kemm minn dawn ġew approvati u kemm ġew rifjutati jew għadhom pendenti? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew approvati fondi għal din l-iskema matul l-istess sena?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2025, l-Awtorità tad-Djar irċeviet 888 applikazzjoni taħt l-iskema għall-persuni b’diżabilità. Minnhom, 307 kienu finalizzati, waqt li 386 applikant ieħor jinsab fil-proċess biex jitlestew ix-xogħlijiet approvati. 16-il applikazzjoni kienet invalida, filwaqt li fadal 179 applikazzjoni pendenti.
Ninformah ukoll li matul is-sena 2025, taħt din l-iskema, l-Awtorità tad-Djar ħallset l-ammont ta’ €5,941,336.50, waqt li s'issa approvat l-ammont ta’ €5,927,603.
Il-Belt Valletta - Pjazza Jean De La Valette - Restawr ta’ monument
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29757, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-eżitu tal-ispezzjoni fuq il-monument iddedikat lill-Gran Mastru Jean La Valette, fil-Belt Valletta? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex ser isir ix-xogħol neċessarju?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għall-mistoqsija parlamentari 30872.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-playing field fil-Ġnien Tliet Għoljiet f'Marsalforn, Għawdex hijiex tajba sabiex tintuża? Jista' jgħid ukoll jekk sarx awditjar ta' din il-playing field u jekk iva, jippubblika r-rapport?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ħareġ sejħa għall-offerti biex dan il-playing field fil-Ġnien tat-Tliet Għoljiet jiġi riġenerat u fl-istess waqt jinbidel it-tagħmir eżistenti. L-eżitu tas-sejħa għall-offerti ġiet ippublikata nhar is-17 ta’ Ottubru. Il-perjodu ta’ oġġezzjonijiet għalaq nhar is-27 ta’ Ottubru. Peress li ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni, se jkun qiegħed jiġi iffirmat il-kuntratt biex isiru x-xogħlijiet.
Peress li qed ikun hemm inkonvenjent kbir għall-persuni li jużaw il-fast ferry għax m’għandhomx fejn jistkennu mill-elementi tat-temp, jista’ l-Ministru jgħid meta (xahar u sena) hu maħsub li jinbnew il-faċilitajiet u jsiru x-xogħlijiet neċessarji għall-persuni li jkunu qed jistennew biex jirkbu l-fast ferry mill-Port tal-Imġarr? Jista’ jgħid ukoll fiex se jkunu jikkonsistu u kemm huma stmati li se jiġu jiswew?
Għawdex u Kemmuna – Proġetti u inizjattivi minn Riżorsi Agrikoli Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha mwaqqfa l-aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta? Jista’ jgħid ukoll fuq liema proġetti u inizjattivi ħadmet din l-aġenzija ġewwa l-gżejjer ta' Għawdex u Kemmuna, maqsuma sena b' sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta ilha mwaqqfa minn Novemberu tal-2023.
Kull inizjattiva, skema jew inċentivi lii ġew imnedija, jgħoddu għall-bdiewa kollha kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Insemmi li s-sena l-oħra stess, din l-Aġenzija ħabbret miżura ta’ eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni fuq art agrikola meta l-werriet ikun qed jiret art illi tkun qed tiġi mikrija lil terzi jew tkun qed tintiret minn bidwi li jaqa’ taħt kategorija 4 jew 5.
Apparti l-funzjonijiet tagħha sabiex tiġi protetta l-art agrikola, l-istess Aġenzija qed twettaq ukoll il-pjan tal-ġestjoni tal-iskart agrikolu f’Malta u Għawdex. Ftit tax-xhur ilu, l-Aġenzija ħarġet sejħa pubblika għal proposti biex jinbena l-ewwel impjant f’Malta għall-ipproċessar tal-iskart agrikolu li qiegħed jiġi ġenerat kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Dan l-impjant se jipproduċi biogas u fertilizzanti naturali li jistgħu jintużaw mill-bdiewa stess, pass ieħor importanti lejn agrikoltura aktar ekoloġika, sostenibbli u ċirkolari.
L-Aġenzija wkoll qed timplimenta proġetti u tassisti lill-bdiewa fuq skemi relatati mal-iżvilupp u l-ġestjoni tal-art agrikola. Proġett illi qed jiġi preżentement implimentat huwa proprja dak tar-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ fejn numru ta’ applikanti qed jiġu assistiti mill-Aġenzija.
Permezz ta’ din l-Aġenzija u t-twettiq ta’ dawn il-miżuri qed inkomplu nikkonfermaw l-impenn illi aħna għandna bħala Ministeru u bħala Gvern sabiex inkomplu nsaħħu l-investiment f’dan is-settur kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Għawdex u Kemmuna – Proġetti u xiri b’fondi Ewropej
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti/xiri li se jinbeda x-xogħol fuqhom matul is-sena 2026 mill-Ministeru tiegħu minn issa sal-aħħar tas-sena ġewwa Għawdex, u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej? Kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn il-proġetti/xiri u kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li ser jiġu użati u minn liema fond?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa ma hemm l-ebda l-proġetti/xiri li se jinbeda x-xogħol fuqhom mill-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, matul is-sena 2026 ġewwa Għawdex u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31266 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid fil-preżent kemm huwa n-numru ta’ karozzi li jistgħu jipparkjaw fil-parkeġġ il-kbir ta’ ħdejn Villa Rundle kif ukoll fil-ground tal-football li hemm maġenbu, li għal dawn l-aħħar snin dejjem intuża għall-parkeġġ tul is-sena kollha?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ground tal-football jista’ jakkomoda madwar 160 post ta’ parkeġġ, filwaqt li l-parkeġġ il-kbir ta’ ħdejn Villa Rundle jinkludi 121 post ta’ parkeġġ, 10 kiosks mobbli, postijiet riservati għat-train, postijiet riservati għat-taxis, u 8 postijiet riservati għat-trasport pubbliku.
Iż-Żebbuġ, Għawdex - Triq Għajn Mhelhel - Xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31194, jista’ l-Ministru jgħid fiex se jkunu jikkonsistu x-xogħlijiet fi Triq Għajn Mhelhel (li miż-Żebbuġ, Għawdex twasslek għax-Xwejni), minn min se jsiru, kemm huma stmati li ser jiswew u meta u fejn ħarġet is-sejħa biex isiru dawn ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħolijiet ser jikkonsistu fit-tisħiħ tat-triq. Ix-xogħolijiet ser issiru minn framework contract li huwa diġa’ ikkuntrattat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm klieb għall-adozzjoni fis-santwarji? Jista’ jagħti ż-żmien, li ilu hemm l-iktar kelb li ilu f’santawarju l-aktar?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Santwarji tal-annimali huma stabbilimenti mmexxija minn organizzazzjonijiet volontarji li huma liċenzjati skont il-Liġi Sussidjarja 439.14 - Regolamenti dwar Standards Minimi għal Santwarji tal-Annimali. Għaldaqstant, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali mhux id-detentur tal-informazzjoni mitluba u ma għandux din l-informazzjoni fil-pussess tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt mal-American University of Malta (AUM) għadux fis-seħħ jew ġiex annullat? Jekk dan għadu fis-seħħ, jista’ jgħid kemm daħlu studenti ġodda f’din is-sena skolastika?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru mhuwiex f’pożizzjoni li jagħti informazzjoni dwar l-ebda istituzzjoni privata, inkluż din msemmija. Dan għaliex din hija informazzjoni ta' entita privata, u hija miksuba u maħżuna mill-istess entita b’mod kunfidenzjali.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Gwardjani jaħdmu fil-kċina
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31000 dwar gwardjani li jaħdmu fil-kċina tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki għandu l-Ispettur relatati mat-tmexxija tal-kċina?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Ispettur responsabbli mit-tmexxija tal-kċina ilu jokkupa din il-pożizzjoni għal dawn l-aħħar seba’ snin u għalhekk huwa meqjus bħala persuna b’esperjenza fl-immaniġjar tal-kċina.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gabbana li tinsab quddiem il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin taqax taħt is-sjieda (ownership) tal-istess faċilità u jekk iva, jista’ jgħid lejn xiex imur il-qligħ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-gabbana li tintrama minn żmien għal żmien quddiem il-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin hija propjetà tal-istess Faċilita u l-qliegħ imur għal attivitajiet li jsiru għal ħaddiema tal-Aġenzija w anke għal priġuniera. Infurmat ukoll li Parti mil-qliegħ jiġi mogħti bħala donazzjoni waqt inizzjattivi għal dawk inqas ixxurtjati bħall-Istrina.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni mniżżla fuq is-Sex Offenders Register? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura biex jiġi mħares li dawn il-persuni ma jerġgħux jagħmlu reat simili?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant iressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.