Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Birgu - Proġett biex jitniżżlu l-cables taħt l-art

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju kien wasal il-proġett li kienet bdiet l-Enemalta biex tniżżel il-cables taħt l-art fiċ-ċentru storiku tal-Birgu, kemm ġie jiswa sa issa, u għalfejn waqaf?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-linji minn mal-faċċati fil-Pjazza tal-Birgu tneħħew u ġew mgħoddijin taħt l-art bħala parti mill-proġett li sar tar-riġenerazzjoni tal-istess pjazza.

Enemalta - Eks ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-eks ħaddiema tal-Enemalta li marru mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ħadux l-istess increments matul is-snin bħall-ħaddiema tal-Gvern li kienu fuq l-istess skala?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li qed jirreferi għalihom mhumiex regolati mill-Ftehim Kollettiv tas-Servizz Pubbliku, iżda minn Ftehimiet Kollettivi oħrajn iffirmati mal-Unions rikonoxxuti.

Transport Malta - Attivitajiet ta’ sorveljanza jew monitoraġġ f’żoni rurali - Permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tagħtix permessi lil xi individwi jew organizzazzjonijiet mhux governattivi biex iwettqu attivitajiet ta’ sorveljanza jew monitoraġġ f’żoni rurali, u jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet u għal liema skopijiet jingħataw dawn il-permessi?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika l-mistoqsija u jipprovdi iktar informazzjoni biex l-Awtorita’ tat-Trasport tkun f’pożizzjoni li tipprovdi tweġiba.

San Pawl il-Baħar - Kunsill Lokali - Investigazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31072, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkun qiegħed iwettaq xi investigazzjoni mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali jew hux se jitlob lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga l-każ li sewa lil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar aktar minn terz tal-allokazzjoni kollha finanzjarja tal-istess kunsill għas-sena 2024 u possibilment għas-sena 2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali iddiskutiet dan il-każ mat-tmexxija tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u kienet infurmata li l-ħlas sar wara d-deċiżjoni tal-qorti fuq parir tal-avukat tal-Kunsill.

Pembroke - Livell għoli ta’ trab u storbju - Ilmenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31438 rigward il-livell għoli ta’ trab u storbju li qed ikun hemm waqt il-kostruzzjoni li għaddej bħalissa, f’Pembroke, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità irċevitx ilmenti dwar dan, f’dawn l-aħħar ħames xhur?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nikkonferma lill-Onor. Interpellant li kemm l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni kif ukoll l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol irċevew ilmenti dwar trab u storbju f’siti ta’kostruzzjoni ġewwa Pembroke. Apparti minn hekk nikkonfemra ukoll li uffiċċjali miż-żewġt entitajiet għamlu spezzjonijiet dwar dawn l-ilmenti u ittieħdu il-passi neċċessarji.

Ġurijiet pendenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31328, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li qegħdin jistennew il-ġuri tagħhom jiġi appuntat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Onorevoli interpellant jifhem li d-deċiżjoni dwar ġuri ma teħodiex l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Aġenzija m'għandiex din l-informazzjoni.

Ambaxxata ta’ Malta fil-Kajr - Ħidma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-ambaxxata ta’ pajjiżna fil-Kajr matul is-sena 2024 u matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2025?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 28539 li tiddeskrivi l-ħidma u l-inizjattivi li ttieħdu mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna għall-Eġittu fl-2024. Filwaqt li dak ir-rispons jibqa’ validu, jiġi nnutat li għall-sena 2025 saru l-aġġornamenti li ġejjin: Introduzzjoni L-Ambaxxatur Roberto Pace serva bħala l-Ambaxxatur ta’ Malta ġewwa l-Eġittu, akkreditat ukoll għas-Sudan, sal-21 ta’ Settembru 2025, meta temm il-mandat tiegħu. Bħalissa, l-Ambaxxata qed tistenna l-ħatra ta’ Ambaxxatur ġdid. Fl-ewwel disa’ xhur tal-2025 saru diversi laqgħat bilaterali ma’ Ministri u uffiċjali Eġizzjani li saħħew il-kooperazzjoni bejn Malta u l-Eġittu. Fl-istess żmien, l-Ambaxxata baqgħet issegwi l-aħħar żviluppi fil-gwerra fis-Sudan. Bilaterali Matul dawn ix-xhur, il-ħidma kienet mifruxa kif indikat hawn taħt: Eġittu •    Fl-ewwel disa’ xhur tal-2025, l-Ambaxxata kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Eġittu permezz ta’ laqgħat regolari ma’ uffiċjali Eġizzjani, li enfasizzaw il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-enerġija, il-kummerċ, u l-migrazzjoni, fost oħrajn. L-ambaxxata ħadet sehem ukoll f’ħidmiet Ewropej komuni marbuta mas-sigurtà, il-migrazzjoni u l-istabbiltà fir-reġjun. •    Il-perjodu kien immarkat minn żjarat u inizjattivi ta’ livell għoli: iż-żjara tal-Ministru Miriam Dalli f’Jannar; iż-żjara tal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca f’Ġunju bħala parti mill-Mediterranean Children’s Movement; iż-żjara tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Dr. Edward Scicluna fl-Eġittu, b’rabta mad-9 Konferenza Annwali tal-Banek Ċentrali tal-Mediterran, kif ukoll il-preparazzjonijiet għall-ftuħ tal-Grand Egyptian Museum. •    Il-kooperazzjoni kulturali kompliet tiġi mħeġġa permezz tal-parteċipazzjoni fil-Festival tal-Films tal-UE f’Lixandra, avvenimenti ta’ konservazzjoni tal-wirt, u appoġġ lill-artisti u riċerkaturi Maltin li jħarsu lejn l-Eġittu bħala ċentru ta’ kollaborazzjoni kulturali. •    Fuq il-front konsolari, l-Ambaxxata pprovdiet assistenza lil ċittadini Maltin f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, inkluż evakwazzjoni minn Iżrael matul il-gwerra bejnha u bejn l-Iran, kif ukoll koordinazzjoni ma’ ambaxxati tal-UE fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà. Sudan Fl-istess żmien, l-Ambaxxata kompliet issegwi mill-qrib l-iżviluppi fis-Sudan, fejn il-gwerra ċivili kompliet tħalli konsegwenzi politiċi, ekonomiċi u umanitarji gravi. Minkejja li l-Forzi Armati Sudaniżi ħadu lura l-belt kapitali ta’ Khartoum, il-pajjiż baqa’ maqsum bejn żewġ amministrazzjonijiet rivali – l-amministrazzjoni f’Port Sudan u dik imwaqqfa mir-Rapid Support Forces ġewwa Darfur. L-Ambaxxata żammet kuntatt regolari ma’ uffiċjali Ewropej, dawk internazzjonali kif ukoll tal-Lega Għarbija, sabiex issegwi l-proċessi ta’ medjazzjoni mmexxija min-Nazzjonijiet Magħquda, l-Unjoni Afrikana, l-Istati Uniti, u l-UE li sfortunatament għadhom ma wasslux għal waqfien tal-ġlied.

Il-Kalkara - Triq li tagħti mill-Bajja tar-Rinella għall-Fortizza Ricasoli - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31332, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender documents għax-xogħlijiet ta’ tisħiħ tal-pedamenti, rikostruzzjoni tal-parti imwaqqa’, parti mill-pont u xogħlijiet oħra strutturali fuq dan l-aċċess antik li mill-Bajja tar-Rinella twasslek lejn il-bieb prinċipali tal-Fortizza Ricasoli, ġewx ippreparati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender documents għax-xogħlijiet ta’ tisħiħ tal-pedamenti, rikostruzzjoni tal-parti mwaqqa’, parti mill-pont u xogħlijiet oħra strutturali fuq dan l-aċċess antik li mill-Bajja tar-Rinella jwasslek lejn il-bieb prinċipali tal-Fortizza Ricasoli qegħdin fil-fażi ta’ preparazzjoni.

Raħal Ġdid - Problema ta’ indafa u sanità pubblika fil-madwar tal-Knisja ta’ Kristu Re

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30578, rigward il-problema marbuta mal-indafa u s-sanità pubblika tal-abbundanza ta’ ħamiem ħdejn u madwar il-Knisja ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid, tista’ l-Ministru tgħid x’kien l-eżitu tal-ispezzjonijiet li saru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona msemmija sar ħasil tat-toroq biex jitneħħa l-inkonvenjent inkwistjoni. Kif diġà spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 30578, il-kontroll tal-ħamiem selvaġġ ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi.

Birkirkara - Triq il-Qattus - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet qed isiru fi Triq il-Qattus, Swatar, Birkirkara u kemm huma mistennija jdumu tali xogħlijiet? Tista’ tgħid ukoll min hu responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet u minn fejn sa fejn se jkun qiegħed isir ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-istrateġija tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-pjan oriġinali kiber u ġie estiż għal bdil tal-mejnijiet kemm tad-drenaġġ kif ukoll tal-ilma għax-xorb.  Ix-xogħlijiet fl-imsemmija triq, li huma parti minn proġett usa’ u iktar estensiv, huwa mistenni li jitlesta lejn il-bidu tas-sena d-dieħla.

Provvista ta’ New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni ewlenija għaliex il-provvista tan-New Water għadha sew taħt iż-żewġ miljun metru kubu, meta l-pjan kien eqreb għal seba’ miljun metru kubu? Tista’ tgħid ukoll x’qed jipprevjeni lill-impjanti eżistenti milli jilħqu din ir-rata mwiegħda?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-figura li qed tikkwota l-Onor. Interpellanta ta’ 7 miljun metru kubu ma tirrappreżentax il-provvista tan-New Water kif qed tgħid hi, imma tirrappreżenta l-kapaċità massima li tista’ tintlaħaq sal-2028 li tiddependi fuq produzzjoni massima ta’ drenaġġ kuljum fi 365 jum fis-sena. Tajjeb wieħed jifhem li dan jiddependi minn varjazzjonijiet staġjonali fl-ammont ta’ drenaġġ li jidħol fl-impjanti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Il-Korporazzjoni kontinwament qed tinvesti fit-tkabbir tal-impjanti tal-produzzjoni ta’ New Water. Fil-fatt, għadha kif ġiet konkluża l-evalwazzjoni tas-sejħa għall-offerti għat-tkabbir tal-impjant Taċ-Ċumnija, fil-Mellieħa filwaqt li ġiet ippubblikata s-sejħa għall-offerti għall-impjant ta’ Ras il-Ħobż, f’Għawdex.

ERA – Infurzar fuq tniġġis tal-arja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il azzjoni ta’ nfurzar għamlet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) speċifikament fuq tniġġis tal-arja, jew emissjonijiet ta’ gassijiet, pollutanti, u tniġġis ieħor fl-arja matul din l-aħħar sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.

Wasteserv – Ħġieġ esportat għar-riċiklaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il tunnellata ta' ħġieġ ġiet esportata għar-riċiklaġġ mill-glass line l-ġdida ta’ WasteServ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn Diċembru 2024 sa Settembru 2025 ġie esportat total ta’ 6,509.84 tunnellata ta’ ħġieġ mill-glass line.

Project Green – 1 Year survival rate tas-siġar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk tħaddmitx ir-rata ta’ siġar li jibqgħu ħajjin wara sena (1-year survival rate), kejl komuni ħafna fi proġetti ta’ tħaddir, u jekk iva, x’inhi din ir-rata għall-proġetti ta’ Project Green?

Response (DALLI, MIRIAM)

Project Green issegwi r-rata ta’ sopravivenza tas-siġar permezz ta’ rekords interni ġġenerati mir-reġistri tat-tħawwil tal-immaniġġjar tal-parks, imbagħad dawn jiġu verifikati permezz ta’ eżerċizzji ta’ mmappjar (mapping) fuq il-post. Il-perjodu ta’ valutazzjoni huwa dak ta’ sena, li jkopri minn Awissu 2024 s’Awissu 2025. Din l-analiżi tkopri parks, widien u spazji miftuħa taħt it-tmexxija diretta ta’ Project Green. Ninsab infurmata li matul dan il-perjodu, ma kien hemm l-ebda bżonn ta’ sostituzzjoni ta’ siġar jew arbuxxelli li tħawwlu fl-aħħar 12-il xahar fis-siti mmexxija minn Project Green. Għaldaqstant, ir-rata ta’ sopravivenza annwali f’dawn il-parks u spazji miftuħa hija meqjusa bħala waħda għolja ħafna, u tikkorrispondi għal mija fil-mija (100%). Għandu jiġi nnutat li pjanti erbacei u perenni ma ġewx inklużi f’dan l-istħarriġ, peress li ċ-ċiklu staġjonali tagħhom jagħmel kejl ta’ sopravivenza fuq bażi annwali mhux rilevanti.

Pasturizzatur – Kompost iġġenerat

Question

Fid-dawl li f’Settembru tal-2024, il-Wasteserv ħabbret li għamlet investiment f’pasturizzatur li jipproċessa materjal diġestat (digestate material), u li jbiddlu f’kompost li se jingħata b’xejn fil-Pitkalija, tista’ l-Ministru tagħti l-ammont ta’ kompost iġġenerat kull xahar minn dan il-metodu, minn Settembru tal-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din i-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-WasteServ tipproduċi tip ta’ kompost magħruf bħala Soil Enhancer kemm fil-faċilità tal-Magħtab kif ukoll minn Ta’ Qali CA site. L-ammont totali li ġie prodott minn Settembru 2024 huwa ta’ 2,632.59 tunnellata.

Network tal-ilma

Question

Tista’ l-Ministru tagħti stima tal-perċentwal tan-network tal-ilma maqsum skont id-deċennju ta’ installazzjoni kif ġej: •    X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 1965–1975? •    X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 1975–1985? •    X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 1985–1995? •    X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 1995–2005? •    X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 2005–2015? u •    X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 2015–2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2025?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W 465.

Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2025?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari W 464.