Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħlas u benefiċċji lil persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li qegħdin jitħallsu jew jingħataw xi forma ta’ benefiċċji minn xi Awtorità jew entità oħra li ma taqax taħt il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali għal servizzi li titlob Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed nitlob l-Onor. Interpellant jiċċara l-mistoqsija u jikkjarifika il-każ(ijiet) li qed jirreferi għalihom.

Ġnien ta’ San Anton - Xogħlijiet ta’ manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 31376 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u tgħid jekk sarx xogħol ta’ manutenzjoni fil-Ġnien ta’ San Anton speċifikament fuq il-passaġġi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li wara sejħa għall-offerti minn Project Green, it-tender għall-proġett ta’ Sant Anton intrebaħ u ġie ngaġġat il-kuntrattur fil-proġett. Bħalissa l-Aġenzija qiegħda tiġbor id-dokumenti u l-approvazzjonijiet meħtieġa biex il-kuntrattur ikun jista’ jibda x-xogħol. Ix-xogħlijiet se jiġu esegwiti f’fażijiet, fejn l-aċċess pubbliku se jinżamm miftuħ f’żoni li ma jkunx qed isir xogħol fihom. Kull fażi se tirrestawra parti mill-ġnien, li terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku kif titlesta.

Binjiet tal-Gvern - Uffiċini

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31387, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm proprjetajiet tal-Gvern li jservu bħala uffiċini għal skopijiet ta’ amministrazzjoni b’kollox u jaqsam din l-informazzjoni lokalità b’lokalità?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Il-Fgura - Triq il-Karmnu - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31371, fejn ġie mwieġeb li “x-xogħlijiet fi Triq il-Karmnu l-Fgura għadhom mhux finalizzati kollha u għad irid isir l-ittestjar neċessarju”, jista’ l-Ministru jgħid x’jonqos isir u meta ser jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jonqos l-ittestjar tal-asfalt u li bħalissa qiegħed fil-proċess tal-assesjar. Fadal xogħol ta’ finishing li previst li jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin.

Fort Campbell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħditx azzjoni biex il-periklu f’Fort Campbell jiġi indirizzat? Jekk iva, x’azzjoni ttieħdet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministeru kkonċernat. (Korrezzjoni Ara Dokument PL 6205 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta 396 tat-3 ta’ Novembru 2025)

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Call ta’ ‘Post of Systems Administrator in the information Management’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għall-Call ta’ ‘Post of Systems Administrator in the information Management’ fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni? Kemm kien hemm applikanti li kellhom il-kwalifiki mitluba u ssejħu għal interview? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm applikanti oħrajn li ma kellhomx il-kwalifiki mitluba u jekk ġewx innotifikati b’dan?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni - Calls for application irtirati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il call for application inħarġet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ġiet irtirata qabel inbeda l-proċess tal-interviews, u għal kull call li ġiet irtirata jgħid x’kienet ir-raġuni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Djar tal-anzjani - Koppji anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm koppji anzjani li jgħixu fid-djar tal-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fid-djar tal-anzjani tal-Gvern, kif ukoll f’dawk privati min-naħa tal-Anzjanitá Attiva u Kura fil-Komunità hemm jirrisjedu total ta’ 208 koppji, filwaqt li ġewwa San Vinċenz de Paul, hemm 46 koppja anzjani.

Djar tal-anzjani - Screening fuq l-anzjani

Question

Fid-dawl tal-każ li seħħ fl-14 ta’ Ottubru li għadda f’dar tal-anzjani fil-Fgura, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ screening isir fuq l-anzjani u l-istat mentali tagħhom qabel ma anzjan jitqiegħed ma’ anzjan ieħor?  Jista’ jgħid ukoll x’miżuri ħa d-dipartiment wara li seħħ dan l-inċident biex jiġi assigurat li każ bħal dan ma jiġix ripetut?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li rigward il-każ li seħħ fl-14 ta’ Ottubru, dan bħalissa qed jiġi investigat mill-Pulizija Kriminali, filwaqt li hemm ukoll investigazzjoni maġisterjali għaddeja u għalhekk ma jistax jiġi rilaxxat aktar tagħrif dwar il-każ.

Il-Mellieħa – Skola Primarja - Containers li ser iservu bħala klassijiet - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31619 u jgħid kemm ġiet in-nefqa totali sabiex tpoġġew il-containers biex iservu bħala klassijiet fis-sit li qabel kien il-Park tal-Familja fil-Mellieħa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Sabiex jiġi evitat kull ekwikovu, nitlob lill-Onor. Interpellant jikkonferma jekk hux qed jirreferi għall-prefabricated classrooms.

Il-Mellieħa – Bini tal-iskola primarja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31618 u jgħid meta ser jitlesta x-xogħol fuq il-bini tal-iskola primarja tal-Mellieħa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isir it-tqattiegħ tal-blat. Infurmat ukoll li għaddej il-proċess tal-evalwazzjoni sabiex ix-xogħlijiet li jikkonċerna l-bini tal-iskola msemmija jibdew fix-xhur li ġejjin.

Il-Mellieħa – Open Air Gym – Apparat maqlugħ

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31617 u jgħid għaliex l-apparat li kien jintuża bħala open air gym fis-sit tal-Park tal-Familja fil-Mellieħa, inqala’ u ntefa’ gozz wara container?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li wara diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali, l-Open Air Gym mistenni jiġi rilokat fiż-żmien li ġej.

Il-Mellieħa – Park tal-familja – Risk assessment report

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31616 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-risk assessment report li sar fuq is-sit li qabel kien jintuża bħala Park tal-Familja fil-Mellieħa u li llum spiċċa b’art tal-konkos u li fuqha tpoġġew numru ta’ containers biex iservu bħala klassijiet għat-tfal tal-Mellieħa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Sabiex jiġi evitat kull ekwikovu, nitlob lill-Onor. Interpellant jikkonferma jekk iridx Risk Assessment marbut mal-ispazju fejn hemm il-prefabricated classrooms. Jekk fl-affermattiv, tali risk assessment ikun jista' jitqgħied fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel għat-tfal bi bżonnijiet speċjali - Liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31420 u 31521 u jgħid x’liċenzji għandhom l-iskejjel għat-tfal bi bżonnijiet speċjali, kemm dawk governattivi kif ukoll dawk privati? Jista’ wkoll jipprovdi kopji tal-liċenzji ta’ dawn l-iskejjel flimkien mad-dati meta nħarġu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 5 Resource Centres li jgħamlu parti mill-iskejjel tal-Istat u li l-proċess ta’ liċenzjar għaddej skont il-proċedura. Iċ-ċentri privati m’għandhomx bżonn liċenzja ta’ skola iżda dik ta’ istituzzjoni edukattiva.

In-Naxxar u l-Iklin – Kostruzzjoni ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31522 u jagħti d-data ta’ meta ser tinfetaħ it-triq li hija proġettata li tgħaqqad in-naħa ta’ wara ta’ Giovanni Curmi Higher Secondary u l-Maria Regina College Middle School, ma’ Triq Giorgio Locano, Ħal Lija? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx ostakli biex din it-triq tinfetaħ u jekk iva, x’inhuma?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Selmun – Rapport Metroloġiku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31513, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ir-rapport tal-Uffiċċju Metroloġiku ma rrappurtax l-istatus tat-temp fiż-żona ta’ Selmun matul is-sentejn li għaddew? Jista’ jiċċara jekk l-istrument li jintuża biex jiġi vverifikat u rrappurtat it-temp kienx bil-ħsara għal dawn is-sentejn u jekk iva, jindika d-data ta’ meta dan ser jitranġa?

Response (BONETT, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31513, ninfurmah li Malta International Airport hija kumpanija privata.

Il-Gudja – Triq Mons. Pawlu Mallia - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31515 u jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar fi Triq Mons. Pawlu Mallia fil-Gudja, kemm ġie jiswa jew hu stmat li ser jiswa, u meta se jkun lest?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant wara diversi diffikultajiet li iltqajna magħhom waqt ix-xogħlijiet, Triq Mons Pawlu Mallia, Gudja hija lesta.  Ix-xogħlijiet f’din it-triq kienu jikkonsistu f’estensjoni tal-medda tad-drenaġġ, bdil tal-main tal-ilma tax-xorb, twessiegħ tat-triq, bini ta’ retaining wall, bini mill-ġdid tal-bankini, xogħol t’asfalt u road markings.