Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Managers impjegati mar-Reġjun Tramuntana fis-snin 2023, 2024 u 2025? Kemm kienet in-nefqa fuq il-pagi ta’ dawn il-Managers fis-snin 2023 u 2024, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm se tkun in-nefqa ppjanata għas-sena 2025?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif inġabret mir-Reġjun Tramuntana.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Managers impjegati mar-Reġjun Port fis-snin 2023, 2024 u 2025? Kemm kienet in-nefqa fuq il-pagi ta’ dawn il-Managers fis-snin 2023 u 2024, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm se tkun in-nefqa ppjanata għas-sena 2025?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif inġabret mir-Reġjun Port.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont totali tal-ispiża ta’ reklamar u propoganda li saret mill-Gvern wara d-diskors tal-baġit li sar nhar it-Tnejn 27 ta’ Ottubru, b’rabta mal-Baġit 2026?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont totali tal-ispiża ta’ reklamar u propoganda li saret mill-Gvern wara d-diskors tal-baġit li sar nhar it-Tnejn 27 ta’ Ottubru, b’rabta mal-Baġit 2026?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saret l-ebda propaganda. Izda kif inhi l-prassi ta’ wara kull baġit, il-Gvern jorganizza kampanja ta’ informazzjoni u jniedi numru ta’ servizzi biex jispjega lill-pubbliku inġenerali kif ser jibbenifikaw mill-ħemel ta’ benifiċji li jkunu tħabbru fil-baġit.Sadanitant it-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid liema hu s-sit fit-Tramuntana ta’ Malta li ġie magħżul għall-camping u jekk dan hux ser jakkomoda wkoll lis-sidien tal-caravans? Jista’ jgħid ukoll meta x-xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ fuq is-sit tal-caravans fl-Aħrax tal-Mellieħa huwa previst li jinbeda?
Response (BONNICI, OWEN)
Nikkonferma li l-Awtorita' tal-Artijiet identifikat siti fit-tramuntana ta’ Malta għall-camping u caravans. Aktar dettalji jkunu jistgħu jitħabbru fiż-żmien propizju.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda l-Culture and Arts Hub li ilu mwiegħed għal snin sħaħ? Jista’ jgħid ukoll x’faċilitajiet se joffri lill-artisti tal-Karnival?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li wara l-kisba tal-art fil-Marsa, il-kisba tal-permessi kollha mill-Awtorità tal-Ippjanar, il-kisba u assigurazzjoni ta' fondi Ewropej fil-valur ta' €15-il miljun u l-ħruġ tal-ewwel sejħa għall-offerti, ġie intavolat appell quddiem il-PCRB u sussegwentement quddiem il-Qorti tal-Appell minn wieħed mill-offerenti li ma rebaħx it-tender.
Hu mistenni li l-Qorti ta' l-Appell tagħti s-sentenza tagħha nhar il-11 ta’ Novembru ta’ din is-sena.
Intant il-faċilitajiet għall-parteċipanti tal-karnival jinkludu l-imħażen tal-karnival, studios għall-ħajjata tal-kostumi, spazji għal-provi taż-żfin, kif ukoll mużew li jagħti l-esperjenza tal-karnival fost l-oħrajn.
Madanakollu dan il-proġett mhuwiex marbut mal-karnival biss, iżda jinkludi ukoll spazji ta’ taħriġ u esibizzjonijiet taż-żfin, rehearsal spaces għall-mużiċisti (bands u kantanti), u spazji performattivi.
B’referenza għall-Estimi Finanzjarji għas-sena 2026, Vote 12 Salaries and Wages tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li l-istima żdiedet minn €1,499,308 fl-2025 għal €2,040,617 fl-2026?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li matul din is-sena sar tisħiħ strutturali fil-Ministeru sabiex jitjiebu s-servizzi relatati mal-Inklużjoni soċjali, id-Diżabilità u l-Volontarjat. Dan apparti t-titjib fis-salarji li joħorġu mil-Ftehimiet Kollettivi u Settorjali li ġew ffirmati fl-aħħar xhur u ftehimiet oħra fis-seħħ.
B’din l-interpellanza joħroġ biċ-ċar li l-uniku politika tal-Oppożizzjoni, li tifforma parti minnha, hija li tattakka lill-impjegati fis-servizz pubbliku. Infakkarha li f’mistoqsija oħra, f’din il-Kamra, l-Oppożizzjoni diġa fetħet attakk fuq il-ħaddiema Għawdxin u issa, jidher li jridu jattakkaw ż-żidiet fil-pagi lil madwar 33,000 ħaddiem tas-Servizz Pubbliku.
Mill-banda l-oħra dan il-Gvern jibqa’ l-uniku garanzija għat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il dar fil-komunità mmexxija mill-Aġenzija Sapport infetħu matul din il-leġiżlatura? Tista’ tgħid ukoll fejn jinsabu u meta nfetħu?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-aħħar dar fil-komunità li nfetħet mill-
Aġenzija Sapport kienet ir-residenza taż-Żurrieq fl-2022.
Minn dak iż-żmien s’issa, l-istrateġija tal-Aġenzija mxiet lejn il-kunċett ta’ deistituzzjonalizzazzjoni, b’hekk fl-2024 ġie inawgurat il-proġett “ĦOLQA” fil-Qrendi li jikkonsisti f’appartamenti li jintużaw għal placements ta’ tranżizzjoni.
Barra minn hekk qed jitkompla xogħol biex jiġi varat il-proġett ta’ Kirkop li se jinkludi sular għal placements ta’ tranżizzjoni. Għaddejjin ukoll diskussjonijiet biex numru ta’ persuni li bħalissa jgħixu fl-isptar Monte Karmeli jagħmlu tranżizzjoni għal dar fil-komunità.
San Pawl il-Baħar - Menqa - Parati biex jitniżżlu d-dgħajjes
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31471 u 31593 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u jieħu l-passi neċessarji biex il-parati ta’ ħdejn il-Menqa f’San Pawl il-Baħar, jiġu rranġati biex ikunu jistgħu jintużaw aħjar minn dawk il-persuni li jtellgħu d-dgħajjes tas-sajd tagħhom minn dawk in-naħat?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ttieħdet nota u ser jiġu investigati ċ-ċirkostanzi u jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex is-sit jiġi rranġat kif xieraq.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-ambaxxata ta’ pajjiżna f'Moska matul is-sena 2024 u matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2025?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2024 u l-ewwel għaxar xhur tal-2025, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska kompliet tipparteċipa fil-laqgħat ta’ koordinazzjoni organizzati mid-Delegazzjonijiet residenti tal-Unjoni Ewropea, li ttrattaw diversi suġġetti inklużi żviluppi politiċi w ekonomiċi, drittijiet tal-bniedem, kwistjonijiet konsulari kif ukoll amministrattivi. L-Ambaxxata ħejjiet rapporti dwar dawn il-laqgħat u żammet lill-Ministeru infurmat dwar l-iżviluppi fil-Federazzjoni Russa.
Attwalment, ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u r-Russja ġew affettwati konsiderevolment mill-gwerra ta' aggressjoni li ilha għaddejja kontra l-Ukrajna sa mill-2022. Madankollu, l-Ambaxxata tagħna f'Moska kompliet tiffunzjona, u komplew ukoll it-taħditiet fuq il-propjetà diplomatika Maltija f’Moska.
L-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska tkompli tipprovdi servizzi konsulari inkluż il-ħruġ ta’ viżi lil dawk li jivvjaġġaw lejn Malta, l-amministrazzjoni tal-ġuramenti, il-legalizzazzjoni tal-firem u t-tiġdid tal-passaporti. L-Ambaxxata pparteċipat f’avvenimenti kulturali organizzati mill-UE li primarjament involvew il-promozzjoni tal-lingwi nazzjonali. Avveniment partikolari wieħed kien il-Jum Ewropew tal-Lingwi organizzat f’Settembru ta’ kull sena.
Ta’ min jinnota li, fit-23 ta’ Jannar li għadda, l-E.T. Carmelo Inguanez ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-E.T. Bakhtiyor Saidov, Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Użbekistan, bħala l-ewwel Ambaxxatur mhux Residenti tar-Repubblika ta’ Malta għall-Użbekistan. Punt prinċipali ta’ din il-laqgħa kien l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Malta u l-Gvern tar-Repubblika tal-Użbekistan dwar l-Eżenzjoni Reċiproka mir-Rekwiżiti tal-Viża għad-Detenturi ta’ Passaporti Diplomatiċi.
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji ta’ dak li qiegħed isir fil-parti tal-ġnien fil-Bajja ta’ San Tumas, iż Żejtun u kemm ser iddum magħluqa din il-parti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej proġett ta' tisbieħ u ristrutturar tal-ġnien tal-Fajtata, fil-bajja ta' San Tumas, Marsaskala.
Ix-xogħol jinkludi bini mill-ġdid tal-passaġġi, upgrade tat-toilets, bandli u gym ġodda, aċċess ġdid għall-persuni bi bżonnijiet speċjali biex ikunu jistgħu jaċċessaw il-parti ta' mal-baħar. Il-proġett ser ikun jinkludi finishes, street furniture u dwal ġodda.
Ix-xogħol hu mistenni li jitlesta qabel is-Sajf li ġej.
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tax-xogħlijiet li qegħdin isiru fix-xatt ta’ Wied il-Għajn?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa Infrastructure Malta għaddejja b’xogħol ta' bini mill-ġdid u rinfurzar ta' partijiet mill-promenade u mollijiet, kif ukoll strutturi kostali li partijiet minnhom huma ikkundannati. F'dawn l-aħħar snin kien hemm żewġ istanzi fejn ċedew partijiet mill-istrutturi.
Ser ikun qed isiru ukoll interventi lokaliżżati biex jiġu rranġati l-livelli tat-triq f'żoni magħrufa li jegħrqu f'ċerti ċirkostanzi. Dan fil-limiti impost mil-livelli tal-bini eżistenti li ovjament ma jistax jitmiss.
Barra minn hekk dan il-proġett jinkludi wkoll upgrading tal-bandli.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30213, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’għajnuna umanitarja ulterjuri ser tingħata lill-poplu ta’ Gaza sal-aħħar tas-sena 2025?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30213, il-Gvern Malti kompla jsaħħaħ u jespandi l-għajnuna umanitarja lill-poplu ta’ Gaża u l-Palestina matul is-sena 2025 permezz ta’ azzjonijiet konkreti u impenji finanzjarji.
Matul din is-sena, Malta għamlet donazzjoni ta’ €70,000 lill-UNICEF sabiex tgħin fil-ħtiġijiet umanitarji urġenti fil-Palestina, b’enfasi fuq it-tfal u l-familji vulnerabbli. Barra minn hekk, Malta ffinanzjat il-“pre-carriage haulage” ta’ dqiq għal Gaża permezz ta’ CMA CGM Malta Agency Ltd., b’valur ta’ €158,015.88, sabiex tiġi żgurata l-provvista ta’ ikel essenzjali lill-popolazzjoni ċivili f’Gaża.
Sal-aħħar tas-sena 2025, Malta impenjat €50,000 oħra lill-World Central Kitchen għall-operazzjonijiet ta’ għajnuna tal-ikel f’Gaża, kif ukoll €50,000 lil UNRWA għall-programmi umanitarji fis-Sirja, il-Libanu u l-Ġordan, b’appoġġ lill-Palestinjani rifuġjati f’dawn ir-reġjuni.
Il-Gvern Malti kompla jikkollabora ma’ sħab internazzjonali sabiex jiffaċilita t-twassil ta’ ikel, provvisti mediċi u għajnuna essenzjali oħra f’Gaża, u baqa’ impenjat f’diplomazija attiva favur il-paċi u l-aċċess umanitarju. Dawn l-impenji huma dokumentati b’mod uffiċjali u jikkonfermaw l-impenn sod tal-Gvern Malti li jkompli joffri għajnuna umanitarja konkreta lill-poplu Palestinjan, bil-għan li jtaffi s-sofferenza u jsaħħaħ il-paċi f’Gaża u fir-reġjun.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30320, jista’ l-Ministru jara li l-Knisja ta’ Santa Barbara fil-Belt Valletta, tingħata attenzjoni kif xieraq peress li hija tant prominenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Se issir spezzjoni b'koordinament ta' żewġ entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru (jiġifieri l-Awtorita' tal-Artijiet u d-Direttorat tar-Restawr u l-Preservazzjoni) u jiġi determinat l-istat tal-Knisja ta’ Santa Barbara.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31145 rigward id-dawl fi Triq Bormla u Triq Valperga, l-Fgura, tista’ l-Ministru tara li d-dawl ikun aħjar milli huwa fil-post?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 31145, ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu kemm tnieda proġett biex jinbidlu l-bozoz kollha tat-toroq distributorji u residenzjali madwar Malta b’investiment ta’ madwar €13-il miljun. Dan il-proġett beda proprju fil-Fgura fejn ix-xogħlijiet jinsabu fi stadju avvanzat. Fil-Fgura biss ser jinbidlu madwar 550 bozza nkluż dawk taż-żona li qed issir referenza għaliha f’din il-mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-servizz tal-POYC (Pharmacy of Your Choice) m’għadux joffri l-aspirina ta’ 75mg u jekk hemmx pjan sabiex din terġa’ tkun disponibbli għall-pazjenti fil-futur?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 29823.
Baġit 2025 - Intelligent Traffic Management System
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-“Intelligent Traffic Management System” imħabbra fil-baġit tal-2025? Jista’ jgħid ukoll jekk hix qiegħda tiġi operata b’tali mod li tnaqqas it-traffiku mit-toroq tagħna?
Wasteserv – Skart organiku – Tqassim ta’ boroż lill-kunsilli lokali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kumpanija Wasteserv għadhiex tqassam il-boroż tal-iskart organiku lill-kunsilli lokali u jekk iva, tista' tgħid ukoll jekk dawn jiġux provduti lill-kunsilli lokali kollha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 31509.
Ħruġ inkorrett ta’ skart jew rimi ta’ skart illegali - Multi
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 31193 u tagħti ċifra ta’ kemm-il multa nħarġet għall-ħruġ inkorrett ta’ skart jew rimi ta’ skart illegali (littering)? Tista’ tgħid ukoll kemm minnhom ġew imħallsa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajt għall-istess mistoqsija parlamentari li għamlet hi stess bin-numru 31520.