Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex u Kemmuna - Proġetti b’fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31271 u jgħid liema huma l-proġetti li se jinbeda x-xogħol fuqhom matul is-sena 2026 ġewwa Għawdex u Kemmuna, u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej? Kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn il-proġetti u kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li ser jiġu użati u minn liema fond?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex - Ta’ Xħajma - Proġett tas-Solar flowers

Question

B’referenza għall-proġett magħruf bħala ‘solar flowers’ li qegħdin jitqiegħdu f’Ta’ Xħajma, Għawdex, jista’ l-Ministru jippubblika r-rapport tekniku u/jew studju ta’ fattibilità li wassal għal din l-għażla ta’ teknoloġija? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm valutazzjoni ta’ valur għal flus (value for money assessment) meta mqabbla ma’ sistemi fotovoltajiċi tradizzjonali?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex - Ta’ Xħajma - Proġett tas-Solar flowers

Question

B’referenza għall-proġett magħruf bħala ‘solar flowers’ li qegħdin jitqiegħdu f’Ta’ Xħajma, Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed jingħad li dawn huma ‘l-ewwel solar flowers ta’ dan it-tip fl-Ewropa’? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjan biex proġetti simili jiġu estiżi u jsiru f’lokalitajiet oħra f’Għawdex jew Malta u jekk iva, xi kriterji ser jintużaw biex jintgħażlu s-siti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett imsemmi f’Ta’ Xħajma jikkonsisti f’installazzjoni ta’ 15-il solar flower f’sit wieħed. Din hija l-akbar installazzjoni ta’ dan it-tip fl-Ewropa. Din l-inizjattiva qed issir bħala parti minn sforz biex jiġu esplorati teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija nadifa u sostenibbli. F’dan l-istadju, l-attenzjoni hija ffukata fuq l-monitoraġġ tal-prestazzjoni ta’ din l-installazzjoni, bil-għan li tiġi esplorata l-possibilita ta’ installazzjonijiet oħrajn f’postijiet adegwati.

LESA - Uniformijiet ġodda u apparat ġdid - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew l-uniformijiet il-ġodda u l-apparat il-ġdid tal-LESA?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li, waterproof jacket tiswa €205, vest tiswa €35, softshell jacket tiswa €95, long sleeve shirt tiswa €35, short sleeve shirt tiswa €29.50, trousers jiswa €40, beach patrol shorts jiswa €35, cap tiswa €15.75 u safety sneakers jiswa €75. Ukoll infurmat dwar Body Worn Cameras il-kuntratt ta’ erba’ snin b’valur stmat ta’ €263,200.00 eskluża l-VAT.

Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31077 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku (traffic collisions) mill-2020 sa Ġunju tal-2025, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ inċidenti tat-traffiku (traffic collisions) rreġistrati mal-Pulizija u mill-Aġenzija LESA mis-sena 2020 sa Ġunju tas-sena 2025, maqsuma sena b’sena, kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Il-figuri disponibbli mill-LESA jibdew mill-15 ta’ April 2020. Sena Total Pulizija Total LESA 2020 2,833 6,346 (as from 15/04/20) 2021 3,055 11,085 2022 3,344 12,368 2023 2,911 13,499 2024 2,805 13,800 2025 983 6,511

Gluten intolerance - Tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn tfal (jekk hawn) dijanjostikati li jbatu minn gluten intolerance?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma tinżammx statistika uffiċċjali dwar persuni li għandhom il-kundizzjoni ta’ gluten intolerance, peress li għad m’hijiex klinikament definita b’mod kategoriku.

L-Isptar Mater Dei – Shifts tat-tobba

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jirrevedi x-xift tat-32 siegħa li jaħdmu t-tobba, biex titnaqqas il-possibbiltà ta' żbalji mediċi u inċidenti tat-traffiku?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar sentejn, l-ammont ta’ ħaddiema fis-settur mediku żdied sostanzjalment u b’riżultat t’hekk, bdiet tittaffa l-pressjoni fuq in-numru ta’ sigħat li jaħdmu dawn il-ħaddiema.

Helpline 1400

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta tnediet il-helpline 1400? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li użaw il-linja 1400 u b’kemm naqas il-ħin ta’ stennija fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei minn meta tnediet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li sal-Ħadd, 26 ta’ Ottubru, kien hemm 11,172 persuna li użaw il-linja 1400. Is-servizz tal-helpline 1400 beda fis-27 ta’ Mejju 2025. It-tweġiba għat-tieni parti tal-mistoqsija tal-Onor. Interpellant mhijiex waħda faċli. Il-pazjenti li ibbenefikaw l-aktar mil-1400 huma dawk li ma jkunx jidher li għandhom mard li jkun ta’ periklu imminenti għal ħajjithom jiġifieri il-kategorija tal-ESI 3.  F'din il-kategorija kien hemm żieda ta’ 14%, fin-numru ta pazjenti li bdew it-trattament fl-ewwel sagħtejn. Wieħed irid iżomm f’rasu li jekk wieħed iqabbel Ġunju sa Settembru 2024 ma’ dawk bejn Ġunju u Settembru tal-2025, kien hemm żieda ta' 8.5% fil-kategoriji ta’ pazjenti hekk msejjħa ESI 1 u 2 (jiġifieri l-aktar kategoriji akuti, li jehtieġu kura urġenti), u kien hemm żieda ta' 9%, fil-kategoriji anqas urġenti, hekk msejjħa ESI 3.

Schedule V - Epipen

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19756, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex l-Epipen tiddaħħal fix-Schedule V? Jista’ jgħid ukoll meta hu previst li dan il-proċess jiġi finalizzat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa jinsab fi stadju avvanzat biex l-anafilassi tiżdied bħala kundizzjoni fix-Schedule V.  Dan huwa pass importanti biex il-pazjenti jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-mediċina bla ħlas għat-tali kundizzjoni.

Formolarju tal-Gvern - PEP u PREP

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26364, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex il-PEP u l-PREP jiddaħħlu fil-Formolarju tal-Gvern? Jista’ jgħid ukoll meta hu previst li dan il-proċess jiġi ffinalizzat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-estimu tan-numri ta’ pażjenti li jistgħu potenzjalment jibbenefikaw minn dawn il-mediċini huwa ffinalizzat. Bħalissa għaddej ix-xogħol tekniku u fil-ħin propizju jitħabbru d-dettalji.

Operazzjoni tal-katarretti - Lista ta’ stennija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25674, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni tal-katarretti fil-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-istennija għall-operazzjoni tal-kataretti, minn ħames snin tistenna taħt Gvern Nazzjonalista, illum il-perjodu niżel għal tlett xhur. Infurmat ukoll li fil-mument hemm 90 pazjent bi stennija aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Nippreċiża li nominalment din iċ-ċifra tinkludi persuni, li meta ġew ikkuntatjati jew m’aċċettawx l-appuntamenti li rċevew, inkella jkunu persuni li l-Isptar ma rnexxilux ikollu kuntatt magħhom, jew persuni li minħabba l-kundizzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu operati barra minn Mater Dei. Infakkar li l-Gvern ħa l-inizjattivi li minbarra l-operazzjonijiet li normalment isiru fl-isptarijiet tagħna, isiru operazzjonijiet ‘extra’ tal-kataretti fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Hemm pjanat li anke jibdew isiru dawn l-operazzjonijiet f’Ċensu Moran, Ċentru Reġjonali tas-Saħħa.

Operazzjoni ta’ knee replacement - Lista ta’ stennija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29038, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni ta’ knee replacement fil-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li filwaqt li meta weġibt il-Mistoqsija Parlamentar 29038 kien hemm 1,054 pazjent li qed jistennew total knee replacement, aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti, dan l-ammont issa niżel għal 715. Nominalment dawk huma il-figuri li jinkludu persuni li meta ġew ikkuntatjati m’aċċettawx l-appuntament li rċevew, persuni li ma stajniex nikkuntatjaw u persuni li minħabba l-kundizzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu operati barra minn Mater Dei.

Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità – Servizz ta’ Handyman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fil-Handyman Service tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC)? Jista’ jgħid ukoll kemm saru sejħiet għall-għajnuna mill-Handyman Service mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li n-numru ta’ ħaddiema li hemm fil- Handyman Service huwa 12, inklużi 3 li jagħmlu xogħol t’amministrazzjoni tas-sezzjoni. L-informazzjoni dwar l-ammont ta’ xogħlijiet li għalihom saru sejħiet mill 2020, sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Setturi tal-kostruzzjoni, il-ġestjoni tal-proprjetà u l-kiri - Sigurtà soċjali mħallsa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet is-sigurtà soċjali mħallsa minn min iħaddem u l-impjegati fis-setturi tal-kostruzzjoni, il-ġestjoni tal-proprjetà u l-kiri għal kull sena mill-2021 sal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

BCA u OHSA - Miżati ta’ liċenzjar, reġistrazzjoni u infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru f’miżati ta’ liċenzjar, reġistrazzjoni u infurzar mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), u minn entitajiet relatati oħra għal kull sena mill-2021 sal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ippjanar u żvilupp - Dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul relatat mal-ippjanar u l-iżvilupp, inklużi ħlasijiet ta’ applikazzjoni, permessi ta’ bini, kontribuzzjonijiet ta’ żvilupp, qligħ mill-ippjanar, u miżati ta’ regolarizzazzjoni miġbura mill-Awtorità tal-Ippjanar għal kull sena mill-2021 sal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tal-Artijiet u ERA - Kiri ta’ art, konverżjonijiet ta’ enfitewsi jew permessi relatati - Dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien id-dħul miġbur mill-Awtorità tal-Artijiet, mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u minn aġenziji pubbliċi oħra minn kiri ta’ art, konverżjonijiet ta’ enfitewsi jew permessi relatati għal kull sena mill-2021 sal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Servizzi professjonali marbuta mal-industrija tal-proprjetà u tal-kostruzzjoni - Dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien id-dħul derivat minn servizzi professjonali marbuta mal-industrija tal-proprjetà u tal-kostruzzjoni, inklużi servizzi ta’ arkitettura, inġinerija, surveying, legali, kontabilità u sensarija għal kull sena mill-2021 sal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.