Legislature:
Category:
Reset
Active:

WSC/T/025/2025 - SERVICES - RECRUITMENT SERVICES FOR THE PROVISION OF ADMINISTRATIVE AND OPERATIONAL PERSONNEL TO THE WATER SERVICES CORPORATION’

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna l-Kamra dwar is-sejħa: ‘WSC/T/025/2025 - SERVICES - RECRUITMENT SERVICES FOR THE PROVISION OF ADMINISTRATIVE AND OPERATIONAL PERSONNEL TO THE WATER SERVICES CORPORATION’? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm ħaddiema f’Malta u Għawdex li huma tal-kuntrattur u li huma mikrja mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) preżentement?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sejħa bir-referenza WSC/T/025/2025 ingħalqet, ġiet evalwata u r-riżultat tagħha ġie pubblikat fid-29 ta’ Lulju 2025. Aktar dettalji jistgħu jinkisbu direttament mill-pjattaforma tal-ePPS. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tħaddem madwar 75 impjegat mal-kuntratturi, li jgawdu mill-benefiċċji kollha tal-Ftehim Kollettiv li jkopri lill-ħaddiema kollha tal-Korporazzjoni.

Asset Recovery Bureau - Assi mibjugħa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29024, 29546, 29732 u 31134 u jgħid l-ammont ta’ assi, bħala assi, li nbiegħu mill-Asset Recovery Bureau minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sat-23 t’Ottubru 2025.

Asset Recovery Bureau - Assi miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29023, 29545, 29731 u 31133 u jgħid kemm, u x’valur ta’ assi, inġabru mill-Asset Recovery Bureau minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sat-23 t’Ottubru 2025.

L-Imsida – Għassa tal-Pulizija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21885 dwar meta ser terġa’ tinfetaħ l-għassa tal-pulizija ġewwa l-Imsida, fejn ġie mwieġeb li “qed jiġi offrut servizz bi sħab mal-Kunsill Lokali tal-Msida mill-istess bini tal-Kunsill sabiex jassisti lill-pubbliku.”, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz tal-pulizija hux qed jingħata mill-binja tal-Kunsill Lokali u jagħti iktar dettalji?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li minn meta kienet imwieġba dik id-domanda tlesta x-xogħol fuq l-għassa tal-Gżira (li mhix bogħod mill-Imsida) u għalhekk fetħet u beda jingħata s-servizz minn hemm. Infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellant ukoll li l-Imsida hija kopertà wkoll mill-Pulizija tal-Komunità. Intant, ix-xogħol fuq l-għassa tal-Imsida għaddej biex din tiftaħ bħala post isbaħ u li minnu jingħata servizz aqwa.

Żjarat ta’ pets meta s-sid ikun rikoverat fl-Isptar Mount Carmel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pets hux qegħdin jitħallew iżuru lil sidhom meta dan ikun rikoverat fl-Isptar Mount Carmel? Jekk iva, jista’ jgħid kif u fejn, u x’inhi l-policy?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li żjarat lill-annimali domestiċi minn persuna rikoverata fl-isptar huma permessi.  Għandu jintalab permess mingħand il-Kap tal-Infermiera tas-sala fejn il-pazjent hu rikoverat. Skond il-proċedura tal-isptar li nħarġet fl-2016, jiġi jikkunsidrat dan li ġej, qabel jingħata permess: •    Riskji li jista’ jkun hemm għall-annimal jew għal pazjenti oħra. •    Huwa rakkomandat li ż-żjara ssir fil-ġnien. •    Jekk iż-żjara ssir ġo kamra fis-sala fejn ikun rikoverat il-pazjent, il-pazjenti l-oħra jiġu infurmati bil-preżenza tal-annimal, f’każ li jkollhom xi biża’ jew allerġija. •    Jekk ikun magħruf li xi pazjent għandu biża’ jew allerġija għall-annimali, iż-żjara għandha ssir f’kamra separata, ’il bogħod miż-żona klinika (preferibbilment f’kamra li normalment ma tintużax mill-pazjenti). •    Il-kamra tiġi mnaddfa sewwa wara ż-żjara. •    Iż-żjarat tal-annimali ma jsirux jekk l-annimal ikun marid jew għandu dijarea. •    Jingħata il-parir li l-annimal għandu jittieħed xi mixja qabel iż-żjara biex jitnaqqas ir-riskju li jħammeġ fuq il-post taż-żjara. •    Il-klieb għandhom jinżammu biċ-ċinga f’kull ħin u jkunu taħt is-superviżjoni tal-persuna li ġabitom fis-sala. •    L-annimal jista’ jżur biss lis-sid tiegħu u mhux lil pazjenti oħra. •    F’każ li l-annimal jew xi pazjent ieħor juru sinjali ta’ tħassib jew stress waqt iż-żjara, l-istaff tas-sala jitlob li l-annimal jinħareġ mis-sala. Il-Proċedura tal-isptar teżiġi li ċertu annimali domestiċi m’għandhomx jitħallew jiddaħħlu fl-isptar. Dawn jinkludu annimali aggressivi u eżotiċi (inklużi rettili u sriep) kif ukoll annimali żgħar bħall-frieħ ta’ klieb (inqas minn 6 xhur) u qtates żgħar (inqas minn 9 xhur).

Żjarat ta’ pets meta s-sid ikun rikoverat fis-SAMOC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pets hux qegħdin jitħallew iżuru lil sidhom meta dan ikun rikoverat fis-SAMOC? Jekk iva, jista’ jgħid kif u fejn, u x’inhi l-policy?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-awtoritajiet tas-SAMOC żviluppaw policy dwar l-annimali domestiċi li ilha fis-seħħ mill-2016. Infurmat li l-pazjenti huma ssapportjati biex jaraw l-annimal domestiku tagħhom personali biex jgħinhom ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.  Fl-istess ħin, tinżamm f’moħħ l-amministrazzjoni, li l-pazjent innifsu, l-qraba u pazjenti oħra huma protetti f’kull ħin speċjalmnet minħabba gdim jew grif.  Enfanżi partikolari tingħata lir-riskju taz-zoonosis. Infurmat li l-proċess jibda minn meta l-pazjent jagħmel it-talba fis-sala partikolari fejn ikun il-pazjent.  Il-konsulent jagħti l-approvazzjoni jekk ma jara ebda riskju għas-saħħa tal-pazjent. Il-pazjent jiltaqa’ mal-annimal domestiku f’żona apposta, aċċessibbli mill-Level -1 tas-SAMOC.  L-aċċess hu ‘fully accessible’ inkluż għall-pazjent fis-sodda. Infurmat ukoll li s-saħħa u l-kundizzjoni tal-pazjent hi l-ħin kollu miżmuma bħala priorità.  Il-pazjent ikun akkumpanjat minn membru tal-istaff tas-SAMOC.

Żjarat ta’ pets meta s-sid ikun rikoverat fl-Isptar Mater Dei

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pets hux qegħdin jitħallew iżuru lil sidhom meta dan ikun rikoverat fl-Isptar Mater Dei? Jekk iva, jista’ jgħid kif u fejn, u x’inhi l-policy?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li annimali domestiċi huma permessi fil-Pet Cabin li tinsab f’Blue Level 0.  Meta pazjent juri x-xewqa li jżur annimal domestiku, l-istaff tal-Ward fejn il-pazjent ikun qiegħed, jinforma lill-konsulent għall-approvazzjoni u din tiġi dokumentata fil-file tal-pazjent. Ma jkunx hemm restrizzjonijiet biex il-pazjent iżur l-annimali domestiċi sakemm ma jkunx hemm raġunijiet mediċi. Infurmat ukoll li hemm restrizzjonijiet dwar xi għamliet ta’ annimali domestiċi, għal raġunijiet li jistgħu jitrasmettu nfezzjonijiet jew ikunu aggressivi.  Infurmat li normalment mhemmx restrizzjonijiet fuq klieb u qtates.

Ambaxxata ta’ Malta fil-Ġappun - Ħidma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-ambaxxata ta’ pajjiżna fil-Ġappun matul is-sena 2024 u f’dawn l-aħħar disa’ xhur tas-sena 2025?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27921, ninfurmah li f’dawn l-aħħar disa’ xhur tas-sena 2025, l-Ambaxxata ta’ Malta fil-Ġappun kompliet issaħħaħ ir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, edukattivi u kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi, b’enfasi fuq il-parteċipazzjoni ta’ Malta fl- EXPO 2025 f’Osaka u fuq l-okkażjoni tas-sittin anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u Ġappun. Il-kisbiet ewlenin jinkludu: Impenn Politiku: Matul l-2025, l-Ambaxxatur u d-Deputat tiegħu attendew għal diversi avvenimenti organizzati mill-Familja Imperjali Ġappuniża, mill-Gvern Ġappuniż u minn Ambaxxati akkreditati f’Tokjo, filwaqt li nżammu relazzjonijiet kontinwi mal-Grupp Parlamentari ta’ Ħbiberija Malta-Ġappun. Fl-istess sena, ġie konkluż il-Ftehim dwar il-Working Holiday Scheme bejn iż-żewġ pajjiżi, li se jidħol fis-seħħ fl-2026. Dan il-ftehim jippermetti liż-żgħażagħ Maltin ta’ bejn it-18 u t-30 sena jivvjaġġaw u jaħdmu fil-Ġappun (u viċi versa) għal perjodu temporanju, sabiex jissaħħu l-iskambji kulturali u soċjali. EXPO 2025 f’Osaka: Matul din is-sena, l-Ambaxxata kkoordinat il-parteċipazzjoni ta’ Malta fl- EXPO 2025 bejn April u Ottubru, inkluż it-tmexxija tal-aspetti ta’ protokoll, loġistiċi, u kulturali tal-Paviljun Malti –  li d-disinn tiegħu anki rebaħ premju fl-olimpjadi tal- EXPO . Il-Paviljun ospita ‘l fuq minn 780,000 viżitatur, inklużi nies distinti bħal familja Imperjali Ġappuniża u Ministri Ġappuniżi, u serva bħala pjattaforma biex tiġi promossa Malta bħala destinazzjoni għall-investiment, it-turiżmu u l-kultura, filwaqt li ġew organizzati żjarat ta’ livell għoli u laqgħat ma’ awtoritajiet Ġappuniżi u rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet lokali fil-Kansai. Għal-jum nazzjonali ta’ Malta ġewwa l- EXPO , l-Ambaxxata kienet importanti biex torganizza laqgħat bilaterali ġewwa Tokjo u Osaka għaż-żjara tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, u kif ukoll il-Ministeru għall-Ekonomija. Diplomazija Ekonomika: Fl-ambitu tal-diplomazija ekonomika, l-Ambaxxata kkoordinat żjara u organizzat laqgħat għall-Ministru għall-Ekonomija fi Frar 2025, maħsuba biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn intrapriżi u istituzzjonijiet taż-żewġ pajjiżi ġewwa Tokjo, Osaka u Hiroshima. F’Lulju 2025, l-Ambaxxata ħadmet mill-qrib mal-Ministeru għall-Ekonomija u Transport Malta fl-organizzazzjoni ta’ avveniment tematiku dwar is-settur marittimu Malti, li laqqa’ flimkien banek, operaturi u investituri Ġappuniżi interessati f’dan is-settur. Aktar tard, f’Settembru 2025, l-Ambaxxata kkoordinat ukoll ma’ FinanceMalta fl-organizzazzjoni ta’ seminar eżekuttiv f’Osaka bit-tema “Malta: Gateway to Europe”, li ffoka fuq is-servizzi finanzjarji, il-fondi u l-innovazzjoni, u li attira parteċipazzjoni estensiva minn rappreżentanti tal-gvern, istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji Ġappuniżi. Kompliet ukoll il-koordinament  mal-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Foresti Ġappuniż (MAFF) dwar il-proċedura għall-approvazzjoni ta’ prodotti tal-laħam ipproċessat tal-majjal Malti lejn il-Ġappun u l-inklużjoni tal-protezzjoni ġeografika (GI) ta’ prodotti Maltin bħall-Ġbejna tan-Nagħaġ fl- Economic Partnership Agreement bejn l-Unjoni Ewropeja u l-Ġappun. Edukazzjoni u Turiżmu: Fit-tmintax ta’ Lulju 2025, ġie organizzat Seminar dwar it-Turiżmu u l-Edukazzjoni f’Osaka, li laqqa’ operaturi tat-turiżmu u rappreżentanti akkademiċi Ġappuniżi, filwaqt li l-Ambaxxata kompliet taħdem fuq proposti għal titjiriet diretti bejn il-Ġappun u Malta. Wirt Kulturali: L-Ambaxxata kompliet tassisti lil Heritage Malta fil-proġett ta’ restawr ta’ tlett armaturi tas-Samuraj li kienu fl-Armerija ta’ Malta u ġew restawrati fil-belt ta’ Kyoto, kif ukoll fit-tħejjijiet għall-wirjiet itineranti wara l-EXPO li jinkludu wkoll parti mill-kollezzjoni tal-Armerija tal-Palazz tal-Granmastri. Dawn l-inizjattivi qed isaħħu l-kooperazzjoni kulturali u jtejbu l-immaġni ta’ Malta fil-Ġappun bħala pajjiż b’wirt storiku u artistiku sinifikanti. Barra minn hekk, tħejja ktieb fuq il-proġett u dokumentarju ukoll li għandu jitlesta fl-aħħar xhur ta’din is-sena. Ix-xogħol tal-Ambaxxata matul l-2025 ikkontribwixxa b’mod sinifikanti biex tissaħħaħ il-viżibilità ta’ Malta fil-Ġappun, biex jiġu mħeġġa l-opportunitajiet ta’ investiment, edukazzjoni u turiżmu, u biex jiġi żviluppat il-qafas ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.

Setturi tal-iżvilupp tal-proprjetà, il-kostruzzjoni u l-kiri ta’ proprjetà - Dħul

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi tqassim annwali dettaljat tad-dħul dirett u indirett kollu li rċieva l-Gvern u l-entitajiet relatati miegħu mis-setturi tal-iżvilupp tal-proprjetà, il-kostruzzjoni u l-kiri ta’ proprjetà, għal kull sena mill-2021 sal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, billi jispeċifika: i.            it-taxxa fuq id-dħul u ħlasijiet ta’ taxxa proviżorja ddikjarati minn kumpaniji u individwi li jaħdmu fl-iżvilupp tal-proprjetà, fil-kuntrattar tal-kostruzzjoni, fil-finishing, u fl-attivitajiet ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli; ii.            it-taxxa miġbura fuq il-bejgħ u t-trasferiment ta’ proprjetà immobbli, inkluża t-taxxa finali fuq il-qligħ (final withholding tax), it-taxxa fuq il-qligħ kapitali (capital gains tax), u d-dazju fuq dokumenti u trasferimenti (stamp duty); iii.            id-dħul mit-taxxa fuq il-kiri, kemm fit-tul kif ukoll kirjiet qosra (inklużi kiri residenzjali privati, kiri kummerċjali, u akkomodazzjoni turistika), billi jiġi indikat jekk hemmx rapportar separat bejn individwi u kumpaniji; u iv.            it-taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) miġbura fuq xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, servizzi professjonali u tekniċi, kiri ta’ postijiet kummerċjali, u operazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni għal żjarat qosra?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.

Sena 2021 – In-Work Poverty

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-rata ta’ in-work poverty f’pajjiżna matul is-sena 2021?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ir-rata ta’ riskju ta’ faqar fost il-persuni li jaħdmu għall-2021 hi ta’ 7.3%. L-indikatur huwa bbażat fuq l-EU-SILC u jkejjel il-proporzjon ta’ persuni li huma impjegati u bi dħul disponibbli ekwivalizzat li jkun taħt il-limitu tar-riskju ta’ faqar (ARPT), li qiegħed 60 fil-mija tad-dħul disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali wara t-trasferimenti soċjal. Għall-iskop ta’ dan l-indikatur, individwu jitqies bħala impjegat jekk kien impjegat għal aktar minn nofs is-sena ta’ referenza.

Sena 2022 – In-Work Poverty

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-rata ta’ in-work poverty f’pajjiżna matul is-sena 2022?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ir-rata ta’ riskju ta’ faqar fost il-persuni li jaħdmu għall-2022 hi ta’ 7.1%. L-indikatur huwa bbażat fuq l-EU-SILC u jkejjel il-proporzjon ta’ persuni li huma impjegati u bi dħul disponibbli ekwivalizzat li jkun taħt il-limitu tar-riskju ta’ faqar (ARPT), li qiegħed 60 fil-mija tad-dħul disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali wara t-trasferimenti soċjal. Għall-iskop ta’ dan l-indikatur, individwu jitqies bħala impjegat jekk kien impjegat għal aktar minn nofs is-sena ta’ referenza.

2026 u 2027 - Non-collective accommodation

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm huwa pproġettat li ser ikun hemm non-collective accommodation disponibbli matul l-2026 u l-2027 u kif din tipparaguna mal-collective accommodation għal dak li jirrigwarda sodod u/jew kmamar tas-sodda disponibbli?

Response (BORG, IAN)

Nirringrazzja lil Onor. Interpellant ghall-mistoqsija parlamentari. Madanakollu, anke in vista ta’ bidliet li l-Gvern qed iħabbar tibdil fir-regolamenti f’dawn il-ġranet, wieħed ikun prużuntuż jagħmel tbassir f’dan is-sens.

Sena 2026 - Proprjetajiet disponibbli għal short rentals

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm huwa pproġettat li jkun hemm proprjetajiet disponibbli għal short rentals matul l-2026 u kemm-il kamra tas-sodda fihom?

Response (BORG, IAN)

Nirringrazzja lil Onor. Interpellant ghall-mistoqsija parlamentari. Madanakollu, anke in vista ta’ bidliet li l-Gvern qed iħabbar tibdil fir-regolamenti f’dawn il-ġranet, wieħed ikun prużuntuż jagħmel tbassir f’dan is-sens.

Valletta Management Plan - Nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti rendikont tan-nefqa tal-Valletta Management Plan matul is-sena 2025, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.