Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ristoranti - Corporate tax

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31831 fejn ġie mwieġeb li “Din iċ-ċifra hija bbażata fuq id-dejta miġbura mir-returns tat-taxxa ppreżentati u ddikjarati minn operaturi fis-settur tar-ristoranti madwar il-pajjiż.”, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dejta miġbura u jippreżenta l- workings illi fuqhom wasal għaċ-ċifra ta’ “€4,500 fis-sena” msemmija fl-istess tweġiba?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li m’għandi xejn aktar xi nżid mat-tweġiba oriġinali li diġà ngħatatlu.

Forzi Armati ta’ Malta - Uffiċjali u persuni ċivili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ uffiċjali u persuni ċivili separatament fil-Forzi Armati ta’ Malta matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Qed nippreżenta l-informazzjoni mitluba fit-tabella t’hawn taħt. In-numru ta' uffiċjali u persuni ċivili Sena Uffiċjali Persuni Ċivili 2008 1651 114 2009 1702 112 2010 1713 108 2011 1648 100 2012 1532 95 2013 1627 84 2014 1662 82 2015 1691 76 2016 1771 65 2017 1841 62 2018 1846 67 2019 1817 62 2020 1792 60 2021 1815 54 2022 1825 52 2023 1893 47 2024 1921 44 2025 1955 40

Korp tal-Pulizija - Uffiċjali u persuni ċivili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ uffiċjali u persuni ċivili separatament fil-Korp tal-Pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li n-numru ta’ uffiċjali u persuni ċivili fil-Korp tal-Pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin kien kif indikat fit-tabella t’hawn taħt. Sena Uffiċjali Persuni Ċivili 2021 2154 160 2022 2121 169 2023 2125 219 2024 2151 268 2025 2255 309 Irrid ninnota wkoll li f’Diċembru mistennija jieħdu l-ġurament 37 Pulizija ieħor filwaqt li bħalissa għaddejjin bir-reklutaġġ tagħhom 51 rekluta ieħor li għall-ewwel darba parti mit-taħriġ tagħhom qegħdin jeħduh fl-Universita ta’ Malta. Dawn in-numri huma xhieda ta’ kif saħħaħna l-Korp tal-Pulizija, li fl-2012 kellu 1,902 uffiċjal u 118 persuna Ċivili. Illum il-Korp tal-Pulizija mhux biss għandu l-aqwa kundizzjonijiet li qatt kellu u riżorsi imma jista’ jiffoka fuq il-Police Core Duties għaliex saħħaħ ir-riżorsa umana, u dan joħroġ iktar biċ-ċar meta wieħed iħares lejn ix-xogħol li qegħdin iwettqu l-persuni Ċivili fil-Korp li fost oħrajn jinkludu esperti forensiċi, Intelligence Officers, Border Control Officers, filwaqt li jwettqu xogħol operattiv u amministrattiv ieħor. Għall-ewwel darba wkoll pajjiżna għandu l-Police Patrol and Community Support Officers għal servizz dejjem aktar viċin in-nies.

Forzi Armati ta’ Malta - Ħelikopters li qed jiġu sservisjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħelikopters tal-Forzi Armati ta’ Malta li bħalissa qegħdin jiġu serviced u għand liema kumpanija qegħdin isiru dawn ix-xogħlijiet?  Jista’ jgħid kemm ilhom li daħlu għal dan is-service, u jipprovdi din l-informazzjoni separatament?  Jista’ jgħid ukoll kemm se jiġi jiswa kull service individwalment?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li żewġ ħelikopters tal-għamla AW139 għaddejjin minn inspezzjoni intensiva skedata. Infurmat li wara kull xogħol ‘work package’ ta’ manutenzjoni irid ikun hemm verifikazjoni regolatorja fejn jiġi assigurat li x-xogħol sar sew u b’mod korrett, biex b’hekk jiġi minimizzat ir-riskju ta’ inċidenti u ħsarat matul it-titjiriet sussegwenti.

Spejjeż legali u extra-ġudizzjarji relatati mal-proċeduri kontra kontra kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-ammonti li ntefqu fuq spejjeż legali, spejjeż ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji, marbuta mal-proċeduri tal-arbitraġġ kontra l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u jaqsam dawn l-ispejjeż f’tabelli separati u xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll min huma d-ditti legali li tħallsu għal dawn is-servizzi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-deċiżjoni finali tat-Tribunal Internazzjonali tal-Kummerċ (ICC) li ġiet ippublikata mill-Gvern fis-7 ta’ Novembru 2025 u tpoġġiet fuq il-medja tal-kamra fis-Seduta Nru 399 ta' Tnejn, 10 ta' Novembru 2025.

Ir-Rabat, Għawdex – Akwedotti – Xogħol ta’ konsolidazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31757 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u jgħid jekk ix-xogħol ta’ konsolidazzjoni strutturali u l-konservazzjoni tal-akwedotti li qegħdin fit-triq li mir-Rabat, Għawdex twassal għal Ta’ Pinu, bediex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ konsolidazzjoni strutturali u l-konservazzjoni tal-akwedotti li qegħdin fit-triq li mir-Rabat, Għawdex twassal għal Ta’ Pinu, beda.

Ir-Rabat, Għawdex – Ċittadella – Xogħol ta’ manutenzjoni u restawr

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31755 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u jgħid jekk ix-xogħol ta’ manutenzjoni u restawr tal-ħitan ta’ barra li jdawru ċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċittadella tlestiex? Jista’ jgħid ukoll min ser iħallas għal dan ir-restawr?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ manutenzjoni u restawr tal-ħitan ta’ barra li jdawru ċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċittadella tlesta. Dan ix-xogħol sar mill-ħaddiema tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u l-ispejjes ser jitħallsu minn fondi Nazzjonali allokati lill-istess Ministeru.

Kerċem, Għawdex – Proġett ta’ Għar Gerduf

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31754 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u jgħid jekk ix-xogħol strutturali u ta’ preservazzjoni ta’ Għar Gerduf f’Għawdex bediex u jekk iva, f’liema fażi wasal?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li x-xogħol fuq is-sit tal-Għar ta’ Gerduf beda. Fl-ewwel fażi sar xogħol ta’ konsolidament strutturali fil-parti ta' barra tal-għar, u bħalissa għaddej xogħol marbut mal-fażi ta' konsolidament tal-parti ta' ġewwa tal-għar.

Anzjani bi problemi ta' saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk anzjani bi problemi ta' saħħa mentali humiex qed jidħlu fi djar tal-anzjani? Jekk iva, jista’ jgħid min jieħu d-deċiżjoni li għandhom jidħlu u xi trattament ikunu qegħdin jingħataw waqt li jkunu fid-djar tal-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqisija Parlamentati 31738.

Pensjonanti - Żieda ta’ €10

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31801 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jagħti n-numru ta’ pensjonanti li ser jirċievu ż-żieda ta’ €10 imħabbra fil-Baġit għall-2026, kif ukoll in-numru ta’ pensjonanti li se jitilfu benefiċċji addizzjonali minħabba li b’din iż-żieda ma jibqgħux intitolati għalihom?  Jista’ wkoll jelenka liema huma dawn il-benefiċċji u kemm jammontaw, u kemm huwa kull benefiċċju?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żieda ta’ €10.00 fil-ġimgħa mħabbra fil-Budget għas-sena 2026 tingħata lil madwar 102,000 pensjonant kontributorju u dawk mhux kontributorju. Tajjeb li ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant illi hekk kif ġara f’kull Budget f’dawn l-aħħar snin il-capping ta’ benefiċċji addizzjonali li jkunu eliġibbli għalihom il-pensjonanti jew benefiċċjarji dejjem jitwessgħu b’kemm tkun żdiedet il-pensjoni sabiex dak li jiġi miżjud ma jintilef qatt.

Pensjonanti - Żieda ta’ €10

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31800 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jikkjarifika jekk iż-żieda ta’ €10 lill-pensjonanti tinkludix iż-żieda tal-COLA ta’ €4.66, jew jekk hijiex separata minnha? Jista’ wkoll jispjega liema perċentwal miż-żieda ta’ €10 se jibqa’ f’idejn il-pensjonant jekk dan jgħix f’dar tal-anzjani u parti mill-pensjoni tiegħu titnaqqas?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żieda fil-COLA hija nkorporata fiż-żieda ta’ €10.00 fil-ġimgħa li ngħtat lill-pensjonanti kollha bħala żieda ġenerali. Tajjeb jingħad illi ż-żieda addizzjonali flimkien ma’ dik tal-COLA hija l-ħdax ‘il żieda konsekuttiva li ngħatat lill-pensjonanti kollha kontributorji u dawk mhux kontributorji. Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux possibbli li tingħata ċifra fir-rigward ta’ tnaqqis li jsir meta anzjan ikun jgħix f’dar tal-anzjani.  Dan minħabba li jiddependi mid-dħul addizzjonali li l-anzjan ikollu minbarra l-pensjoni. Barra minn hekk, eluf ta’ pensjonanti se jkollhom żidiet għola minn €10 fil-ġimgħa.  Dan għaliex hemm diversi miżuri oħra li jfissru żidiet addizzjonali għal: a)  Pensjonanti li twieldu qabel l-1962 u li d-dħul pensjonabbli tagħhom jaqbeż id-Dħul pensjonabbli Massimu ta’ din is-sena; b) Pensjonanti romol li gradwalment se jkunu irċievew il-pensjoni sħiħa tal-konjuġi mejtin tagħhom; c)  Pensjonanti li bdew jieħdu l-pensjoni wara l-2008 u li qed jingħataw żidiet addizzjonali fil-Bonus tal-Għoli tal-Ħajja tagħhom; d) Pensjonanti tas-servizz li għal darboħra qed igawdu minn titjib fil-pensjoni tagħhom; u e)  Pensjonanti miżżewġin li jirċievu pensjoni minima bir-rata ta’ single, għax il-konjuġi jirċievi l-pensjoni wkoll, u li issa se jibdew jirċievu r-rata għola tal-miżżewġin; Dawn ifissru żidiet addizzjonali għal eluf kbar ta’ pensjonanti li jvarjaw minn €2 sa saħansitra €15.64 fil-ġimgħa. Ta’ min isemmi wkoll li permezz ta’ miżura tal-Budget 2026, mis-sena d-dieħla se jiddaħħal tibdil sabiex meta ż-żewġ membri ta’ koppja jkunu għal kura f’dar tal-anzjani jiffrankaw 10% mit-tnaqqis li jsirilhom mill-pensjoni. Dan sabiex dawn il-koppji jibqagħlhom aktar flus fi bwiethom għal bżonnijiet oħra personali li jkollhom.

Persuni li ġabu l-liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31375, 31538 u 31803 u jgħid kemm persuni ġabu l-liċenzja tas-sewqan f’dawn l-aħħar erba’ snin maqsuma kategorija b’kategorija u kemm minn dawn il-persuni kienu ċittadini Maltin?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Binjiet tal-Gvern - Uffiċini

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31750 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31387, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm proprjetajiet tal-Gvern li jservu bħala uffiċini għal skopijiet ta’ amministrazzjoni b’kollox u jaqsam din l-informazzjoni lokalità b’lokalità?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Fort Campbell

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31747 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u jgħid jekk ittieħditx azzjoni biex il-periklu f’Fort Campbell jiġi indirizzat? Jekk iva, x’azzjoni ttieħdet?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Grants għall-batteriji għal ħażna tal-enerġija għal djar residenzjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-grants għall-batteriji għal ħażna tal-enerġija għal djar residenzjali ġewx eżawriti u jekk hux ser jerġgħu jinfetħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Għas-sena 2025, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma amministra skema fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli. Din l-skema kienet tkopri wkoll għajnuna għall-batteriji għal ħażna tal-enerġija għal djar residenzjali. L-iskema nfetħet fil-25 ta’ Frar 2025 u kien hemm allokazzjoni ta’ €10.3 miljun għal pannelli solari u batteriji. F’ Lulju 2025, kien hemm allokazzjoni addizzjonali ta’ €5 miljun. Dawn l-fondi kollha ġew kommessi u għaldaqstant l-skema ngħalqet fl-11 ta’ Awwissu 2025. Il-Gvern se jkompli jinċentiva d-djar residenzjali biex jinvestu f’enerġija rinnovabbli u għaldaqstant, għall-Budget tas-sena 2026, reġgħet ġiet allokata s-somma ta’ €15.3 miljun għal pannelli solari u batteriji. Fil-każ tal-skema ta’ Feed-In Tariff għal pannelli solari, li wkoll qed jamministraha r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, din għadha miftuħa u għadhom qed jintlaqgħu l-applikazzjonijiet.

Tas-Sliema - Triq tal-Karmnu - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol għamlu l-entitajiet li jaqgħu taħtu fi Triq tal-Karmnu, f’Tas-Sliema?  Jista’ jgħid ukoll meta beda dan ix-xogħol, meta hu ppjanat li jkun lest u kemm hu mistenni li jiġi jiswa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa fi Triq il-Karmnu tas-Sliema għaddejjin xogħlijiet minn entitajiet oħra.  Hekk kif jiġu konklużi, Infrastructure Malta terġa tidħol fil-proċess ta’ tqaxxir u bini mill-ġdid tat-triq. Ix-xogħol f’din it-triq hu previst li jkun lest sa nofs Diċembru 2025. Peress li xogħol għadu ghaddej, m’aħniex f’pożizzjoni li nagħtu ammont tan-nefqa finali.

Tas-Sliema - Triq tal-Karmnu - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol għamlu l-entitajiet li jaqgħu taħtha fi Triq tal-Karmnu, f’Tas-Sliema?  Tista’ tgħid ukoll meta beda dan ix-xogħol, meta hu ppjanat li jkun lest u kemm hu mistenni li jiġi jiswa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mit-tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, Enemalta poġġiet madwar 13-il kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi toroq f’Tas-Sliema. Ix-xogħol fit-triq indikata min-naħa ta’ Enemalta beda f’Marzu u wara li tlesta, nbdew xogħlijiet oħrajn mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma relatati mad-distribuzzjoni tal-ilma għax-xorb li għandhom jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin. L-investiment li sar bejn iż-żewġ entitajiet f’din it-triq hu stmat li jammonta għal madwar €547,000.

Air Malta - Konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f’konsulenzi minn meta l-Air Malta waqqfet il-flight operations fit-30 ta’ Marzu 2024 sal-ġurnata li fiha tkun qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u lil min tħallsu? Jista’ jgħid ukoll kemm ħallset pagamenti finanzjarji l-Air Malta mit-30 ta’ Marzu 2024 sal-ġurnata li fiha tkun qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u lil min?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.