Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat - Direct orders ta' inqas minn €2,000
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Settembru 2025?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi - Direct orders ta' inqas minn €2,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2025?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli - Direct orders ta' inqas minn €2,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2025?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Jista’ l-Ministru jispjega x’inhu l-pjan tal-Gvern rigward it-theme park li hemm ippjanat li jsir f’Ta’ Qali? Jista’ jindika għalfejn il-Gvern iddeċieda li jmur għal dan it-tip ta’ żvilupp u jekk ġewx ikkunsidrati alternattivi oħra biex jintlaħaq l-għan oriġinali? Jista’ jgħid sa meta huwa previst li jitlesta u jibda jopera dan it-theme park, u jgħid jekk sarux kalkoli preliminari dwar kemm se jattira aktar viżitaturi lejn il-Crafts Village f’Ta’ Qali?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-pjan huwa li dak li sal-lum u għal diversi snin, ilu jsir b’ mod temporanju, se jinbidel fi proġett permanenti ta’ kwalita marbuta mal-kultura u l-istorja Maltija u jiġi integrat mal-Artisinal Village. Aktar dettalji, inkluż is-sejħa se jkunu pubbliċi fil-ġimgħat li ġejjin.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba, matul l-aħħar ħames snin, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), bħala konsulent estern, fetħet appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) kontra permess ta’ żvilupp li jkun ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar minkejja li l-ERA kienet oġġezzjonat b’mod formali fil-perjodu ta’ rappreżentazzjoni? F’dawk l-appelli mressqa mill-ERA quddiem l-EPRT matul dawn l-aħħar ħames snin, f’kemm-il każ l-EPRT laqgħet kompletament jew parzjalment l-appell tal-ERA, u f’kemm-il każ ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni tal-PA?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-perjodu indikat, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi m’għamlitx appelli quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT).
Applikazzjoni biex issir bankina ġdida fi triq eżistenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni biex issir bankina ġdida fi triq eżistenti, u jgħid jekk ir-responsabbiltà taqax għand entitajiet pubbliċi differenti skont il-kategorija tat-triq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont il-Kapitolu 499, Artikolu 7, l-Awtorità tat-Trasport għandha s-setgħa u l-funzjoni li tippjana, tiddisinja, tirregola u tawtorizza faċilitajiet tat-traffiku stradali għall-finijiet tal-immaniġjar tat-traffiku u kontroll.
Il-proċedura hi li l-Kunsill Lokali jipproponi l-miżura ta’ ġestjoni tat-traffiku (f’dan il-każ bankina) u l-Awtorità teżamina u tawtorizza skont il-każ.
Xogħlijiet/applikazzjonijiet fuq lift ta’ residenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet jew applikazzjonijiet hemm ippjanati u/jew għaddejjin relatati mal-lift fir-residenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u meta hu pproġettat li jitlesta dan ix-xogħol?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-blokka hija ta’ sidien privati, u l-Awtorità tikriha sabiex tassisti lil dawk li għandhom bżonn saqaf fuq rashom. Għaldaqstant, hija r-responsabbiltà tas-sidien privati li jinstallaw lift fil-blokka. L-Awtorità tad-Djar qegħda f’kuntatt kontinwu u dirett mas-sid, sabiex dawn il-liftijiet jiġu installati mill-aktar fis possibbli.
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ kemm persuni kisbu ċ-ċittadinanza Maltija bil-mertu minn wara li daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll abbażi ta’ liema mertu ngħatat tali ċittadinanza, kemm-il applikazzjoni għal ċittadinanza bil-mertu saret u kemm minnhom ingħataw tali ċittadinanza bil-mertu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li hekk kif ġara drabi oħra, f’dan ir-rigward kull informazzjoni relatata toħroġ mingħand ir-Regolatur, skont kif stabbilit fl-Att dwar iċ-Ċittadinanza (Kap. 188), permezz ta’ rapport annwali li jitpoġġa fuq il-mejda ta’ din il-kamra. Nitlob għalhekk, lill-Onor. Interpellant li jirreferi għal dawn ir-rapporti li huma mpoġġija fuq il-mejda tal-Kamra u għandhom l-informazzjoni mitluba u dawk li ser ikunu impoġġija fil-futur.
Il-Pietà u l-Ħamrun - Triq Oscar Zammit, Triq il-Franġiskani u Triq Roger Debattista - Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom għaddejjin ix-xogħlijiet fit-toroq Triq Oscar Zammit, il-Pietà, Triq il-Franġiskani u Triq Roger Debattista, il-Ħamrun? Jista’ jagħti r-raġuni għal dan id-dewmien?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-timeframe tal-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Marsa li tħabbar f’Awwissu 2025? Jista’ jgħid ukoll kemm se jiġi jiswa u meta se jkun lest?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28911 dwar ir-restawr ta’ mtieħen f’Bormla, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex il-Mitħna ta’ San Ġwann t’Għuxa tiġi restawrata? Jista’ jgħid ukoll x’hemm maħsub fir-rigward tal-Mitħna ta’ Santa Margerita?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li r-Restawr fuq il-mitħna ta’ San Ġwann t’Għuxa issa jinsab fi stadju avvanzat u mistenni jitlesta fl-ewwel xhur tal-2026. Sadanittant bdew ukoll jitħejjew is-sejħiet għall-offerti għar-restawr tal-Mitħna ta’ Santa Margherita, bil-pjan li l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett jinbeda fit-tieni nofs tal-2026. Ir-Restawr taż-żewġ imtieħen hu mmexxi mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
In vista tar-rakkomandazzjoni mogħtija mill-Uffiċċju tal-Ombudsman lill-Prim Ministru, Każ Nru OMB-24-4570 dwar għotjiet lill-media houses kif ikkomunikata fit-3 ta’ Settembru 2025, jista’ l- Ministru jindika u jgħid x’passi ser jittieħdu sabiex tiġi implimentata?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
In vista tar-rakkomandazzjoni mogħtija mill-Uffiċċju tal-Ombudsman Każ Nru OMB-24-4570 dwar għotjiet lill-media houses kif ikkomunikata fit-3 ta’ Settembru 2025, jista’ l-Prim Ministru jindika u jgħid x’passi ser jittieħdu sabiex tiġi implimentata?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat
Freedom to Live - Tnaqqis fil-burokrazija għall-persuni b’diżabilità
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux ser titnaqqas il-burokrazija fost il-persuni b’diżabilità, b’rabta mal-objettiv dwar ir-riformi u l-kwalità tad-dokument ‘Freedom to Live’?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tnaqqis tal-burokrazija fejn jidħlu proċessi biex jinkisbu servizzi u sussidji intiżi biex jibbenefikaw minnhom in-nies b'diżabilità hija parti integrali mix-xogħol u l-ħidma tal-Ministeru.
Il-Gvern għaddej b’xogħol flimkien ma’ entitajiet differenti biex jara li proċeduri għas-servizzi jibqgħu jiġu riveduti għal aktar proċess effiċjenti skont it-timeline tad-9 snin li għandna fl-Azzjoni 1.3 tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’ Diżabilità, filwaqt li nassiguraw konformità mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b'Diżabilità (UNCRPD).
F’dan il-kuntest, il-Gvern nieda numru ta’ riformi relatati mal-proċess ta’ assessjar għall-benefiċċji relatati mad-diżabilità. Fil-preżent, it-talbiet u d-dokumentazzjoni meħtieġa, kemm għall-adulti kif ukoll għall-minuri, jgħaddu kollha permezz tat-tabib tal-applikant u jiġu riferuti lill-Inter-Professional Panels li ħadu post il-Bordijiet Mediċi. Dawn il-Panels jagħmlu valutazzjoni ħolistika sabiex ikunu jistgħu jiġu ndirizzati aktar persuni b’diżabilità, u mhux biss dawk li kienu elenkati f’lista kif kien isir fil-passat. Barra minn hekk, kif inkluż fl-aħħar Baġit, l-ammonti tal-benefiċċji ġew riveduti ’l fuq.
Ninfurmah ukoll li s-servizzi relatati mal-European Disability Card u dawk tal-Blue Badge ġew trasferiti mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) għall-Aġenzija Sapport. Dan sar sabiex dawn is-servizzi jkunu amministrati fi ħdan l-aġenzija nazzjonali li diġà tmexxi numru ta’ servizzi oħra offruti mill-Istat lil persuni b’diżabilità. B’dan il-pass, is-CRPD tista’ tiffoka b’mod aktar effettiv fuq l-irwol ewlieni tagħha bħala l-korp responsabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza u d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.
L-għan aħħari ta’ dawn ir-riformi huwa li jiġu stabbiliti proċessi ċari u kkonsolidati sabiex naslu għal mudell ta’ One Stop Shop. Dan jipprovdi punt ta’ aċċess uniku u aktar faċli għal persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom f’sitwazzjonijiet fejn huma jkunu qed japplikaw għal servizzi differenti li jiġu vvalutati jew offruti minn entitajiet varji.
Tista’ l-Ministru tgħid x’riżultati qed nistennew mill-konsultazzjoni ‘Freedom to Live’?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill‑Onorevoli Interpellant li r-riżultat ewlieni tal‑konsultazzjoni ‘Freedom to Live’ hu l‑ħolqien tal-Istrateġija Nazzjonali 2021-2030 għal Malta dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, li tipprovdi qafas għal aċċessibilità, edukazzjoni, impjieg u parteċipazzjoni fil‑komunità, kif ukoll proċeduri ta’ monitoraġġ tal-implementazzjoni ta’ din l-istrateġija.
Wara li l-konsultazzjoni ‘Freedom to Live’ ġiet magħluqa, tista’ l-Ministru tgħid x’azzjonijiet bdew jittieħdu?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li għalqet il-konsultazzjoni ‘Freedom to Live’ fl-2021, ġiet approvata l-Istrateġija Nazzjonali 2021-2030 għal Malta dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u bdiet tiġi implimentata skont it-tlettax (13) objettiv tagħha, b’perjodu ta’ ħidma sal‑2030.