Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Priġunieri - Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx possibbiltà li l-priġunieri jwasslu l-ilmenti tagħhom lil xi persuna fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jekk iva, min hija din il-persuna, x’inhu l-irwol tagħha u xi kwalifiċi għandha? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi ħsieb li l-ilmenti ta’ dawn il-priġunieri jitwasslu quddiem bord indipendenti biex b’hekk l-ilmenti ġustifikati tagħhom jingħataw attenzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-persuni residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandhom diversi mezzi disponibbli sabiex jikkomunikaw l-ilmenti tagħhom. B’mod indipendenti mit-tmexxija tal-faċilità hemm  il-Bord ta’ Moniteraġġ hekk kif stabbilit mil-liġi, kif ukoll hemm l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Priġunieri li twaqqaf minn dan il-gvern fl-aħħar snin. Ir-rwol tal-Kummissarju huwa stabbilit skont is-SL 260.07 tal-Liġijiet ta’ Malta. Il-Kummissarju preżenti huwa s-Sur Steve Libreri, li ggradwa bħala ħaddiem soċjali mill-Università ta’ Malta fl-2008 u, minn dakinhar, okkupa diversi karigi fis-settur soċjali. Minbarra l-kwalifika fil-ħidma soċjali, huwa għandu wkoll Masters fil-Maniġment tar-Riżorsi Umani, kif ukoll taħriġ f’diversi modalitajiet ta’ psikoterapija, fosthom Cognitive Analytic Therapy u Cognitive Behavioural Therapy.

Masterkey għand priġunier

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk instabitx iċ-ċavetta li tiftaħ il-bibien kollha (masterkey) għand xi wieħed mill-priġunieri matul l-aħħar sena u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jgħid jekk infetħitx inkjesta biex jiġi stabbilit kif din il-masterkey spiċċat għand wieħed mill-priġunieri?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat mit-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi li fl-ebda mument ma’ kien hemm ‘masterkey’ li tiftaħ il-bibien “kollha”, kif indikat minnu fil-mistoqsija, għand xi priġunier.

San Pawl il-Baħar – Mażżri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35447 u jgħid kemm-il mażżra ġiet allokata f'San Pawl il-Baħar matul l-aħħar 12-il xahar u jaqsam din l-informazzjoni skont il-bajja li fiha ġew allokati dawn il-mażżri?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.

Ċentri sportivi - Sapport finanzjarju

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34698, fejn intqal li “kien hemm 11-il għaqda sportiva li ngħataw sapport min-naħa tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.”, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ sapport finanzjarju jew xogħol bla ħlas, sar minn dan id-dipartiment? Jista’ jgħid ukoll: lil liema klabbs ingħatat tali għajnuna matul l-2024 u l-2025, separatament għal kull sena; f’liema postijiet qed isir xogħol tal-istess natura bħalissa; fejn hu mistenni jinbeda xogħol ieħor tal-istess natura fil-futur qarib; u kif jista’ klabb jew ċentru sportiv japplika biex jingħata tali għajnuna?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar - Proprjetajiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm, u liema huma l-proprjetajiet tal-Gvern fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar mgħoddija b’xi forma ta’ titlu lil għaqdiet volontarji, sportivi jew kulturali? Jista’ jagħti dan it-tagħrif għal kull proprjetà tal-Gvern li tinsab f’din il-lokalità?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tindika b’site plan għal-liem proprjetà/ proprjetajiet qegħda tirreferi.

San Pawl il-Baħar - Artijiet tal-Gvern

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34697, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proprjetajiet kollha tal-Gvern li jinsabu fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar, kemm jekk art agrikola, art mogħtija lil terzi persuni – kemm privati, pubbliċi, jew organizzazzjonijiet volontarji – kif ukoll għal dak li jikkonċerna artijiet jew bini li fil-fatt jinsabu fl-iskema tal-bini?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tispeċifika għal liema art qed tirreferi fil-mistoqsija Parlamentari tagħha.

Għaqdiet sportivi - Fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34696, fejn intqal li “tnax-il għaqda sportiva bbenefikat minn fondi tal-Unjoni Ewropea bil-għan li ttejjeb jew taġġorna l-faċilitajiet sportivi tagħha”, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm għaqdiet oħra li applikaw u li t-talba tagħhom ma ġietx milqugħa? Jekk kien hemm, jista’ jgħid liema kienu dawn l-għaqdiet u għaliex ma ntlaqgħux it-talbiet tagħhom? Jista’ jgħid ukoll jekk għaqdiet mhux sportivi jistgħux jibbenefikaw ukoll minn fondi tal-Unjoni Ewropea, u jekk iva, kif?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull persuna jew għaqda tista’ tibbenefika minn skemi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, sakemm jiġu ssodisfati l-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-għanijiet speċifiċi tal-programmi rispettivi. Kull min ikun interessat jista’ jikkuntattja lil Servizzi Ewropej f’Malta sabiex jingħata l-assistenza meħtieġa dwar il-programmi disponibbli u l-eliġibbiltà tagħhom .

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34148, 34295, 34651, 34884 u 35319 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.      it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.     data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.     ammont totali tal-infiq?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi huwa l-obbligu tal-Ministeru, id-dipartimenti u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu li jwassal lill-pubbliku inġenerali b’għarfien dwar servizzi, proġetti u inizjattivi li l-Gvern ikun qed jieħu minn żmien għal żmien. Dana biex il-pubbliku jkun infurmat u jkun jista’ jagħmel l-aqwa użu minn dawn l-inizjattivi. Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni għall-perjodu ta’ bejn Ġunju 2025 u Jannar 2026, ninnota illi diġa weġibt numru ta’ interpellanzi parlamentari dwar dan is-suġġett għall-kumplament tal-perjodu mitlub.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34147, 34294, 34650, 34883 u 35318 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.      it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.     data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.     ammont totali tal-infiq?

Response (REFALO, ANTON)

l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34146, 34293, 34649, 34882 u 35317 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.       it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.      data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.     ammont totali tal-infiq?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34145, 34292, 34648, 34881 u 35316 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.       it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.      data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.     ammont totali tal-infiq?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34144, 34291, 34647, 34880 u 35315 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.       it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.      data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.     ammont totali tal-infiq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi huwa l-obbligu tal-Ministeru, id-dipartimenti u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu li jwassal lill-pubbliku inġenerali b’għarfien dwar servizzi, proġetti, inizjattivi u avvenimenti li l-Gvern ikun qed jieħu jew jorganizza minn żmien għal żmien. Dana biex il-pubbliku jkun infurmat u jkun jista’ jagħmel l-aqwa użu minn dawn l-inizjattivi, avvenimenti eċċ. Filwaqt li fit-tabella ta’ hawn taħt hemm l-informazzjoni għall-perjodu ta’ bejn Ġunju 2025 u Jannar 2026, ninnota illi diġa weġibt numru ta’ interpellanzi parlamentari dwar dan is-suġġett għall-kumplament tal-perjodu mitlub. Ministeru / Awtorita’ TV Radio Ministry for Foreign Affairs and Tourism €1,800.00 €3,908.50 Malta Tourism Authority €59,280.00 Nil

Uffiċċju tal-Prim Ministru - Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34143, 34290, 34646, 34879 u 35314 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.      it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.     data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.    ammont totali tal-infiq?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Awtorità tad-Djar – Attività soċjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni jgħid jekk kienx hemm xi attività soċjali waqt il-ħin tax-xogħol, fejn tqassmu xi vouchers, fis-17 ta’ Marzu? Jista’ jgħid ukoll x’kienet l-ispiża totali ta’ din l-attività u jekk kinitx imħallsa mill-Awtorità tad-Djar?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li fil-ġurnata msemmija ma ġiet organizzata ebda attività ta’ team building jew attività soċjali mill-Awtorità tad-Djar waqt il-ħin tax-xogħol. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda spiża marbuta ma’ tali attività u lanqas ma ġiet imħallsa mill-Awtorità.

MCA - L.S. 460.41 - Miżuri meħuda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri ħadet l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA) s’issa fir-rigward tar-rwol tagħha bħala awtorità kompetenti għal finijiet tal-Ordni dwar Miżuri għal Livell Għoli Komuni taċ-Ċibersigurtà madwar l-Unjoni Ewropea (Malta), Leġiżlazzjoni Sussidjarja 460.41?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li fil-kapaċità tagħha bħala awtorità kompetenti taħt l-Ordni dwar Miżuri Għal Livell Għoli Komuni taċ-Ċibersigurtà madwar l-Unjoni Ewropea (Malta) (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 460.41), ħadet għadd ta’ passi biex timplimenta l-funzjonijiet tagħha skont l-imsemmija leġiżlazzjoni. Dawn jinkludu l-identifikazzjoni ta’ entitajiet li jaqgħu taħt il-mandat superviżorju tagħha fis-settur diġitali (primarjament il-komunikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji (Trust Services)), kif ukoll fis-setturi postali u tal-courier, u ngħata wkoll bidu ta’ kollaborazzjoni ma’ dawn l-entitajiet. F’dan ir-rigward, l-Awtorita kkuntattjat għadd ta’ entitajiet fil-mandat tagħha, dan sar ukoll permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fleżerċizzju tal-Valutazzjoni Nazzjonali tar-Riskju Ċibernetiku, biex tappoġġja l-ġbir tad-dejta u ssaħħaħ ilfehim tagħha tar-riskju u l-maturità settorali. L-Awtorita stabilixxiet ukoll arranġamenti ta’ governanza interna biex tappoġġja r-rwol superviżorju tagħha, inkluż id-deżinjazzjoni ta’ funzjonijiet responsabbli, u bħalissa qed tiżviluppa gwida biex tassisti lillentitajiet jiddeterminaw l-ambitu u l-klassifikazzjoni skont ir-rekwiżiti tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 460.41. Barra minn hekk, l-Awtorità qed tistabbilixxi qafas superviżorju bbażat fuq ir-riskju, li se jappoġġja lmonitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità tal-entitajiet fil-mandat tagħha. Dan il-proċess se jinkludi miżuri superviżorji u awditjar xieraq, f’konformità mas-setgħat ta’ nfurzar tagħha taħt il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 460.41. Fl-istess ħin, l-Awtorita qed tipparteċipa f’mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni nazzjonali mal-awtorità kompetenti nazzjonali maħtura u ma’ awtoritajiet rilevanti oħra fir-rigward tar-rappurtar ta’ inċidenti u l-allinjament superviżorju. L-Awtorità qed tikkontribwixxi wkoll għal gruppi ta’ ħidma u inizjattivi rilevanti fil-livell Ewropew biex tiżgura allinjament mar-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni u l-aħjar prattiki.

MFSA - L.S. 460.41 - Miżuri meħuda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ħadet l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) s’issa fir-rigward tar-rwol tagħha bħala awtorità kompetenti għal finijiet tal-Ordni dwar Miżuri għal Livell Għoli Komuni taċ-Ċibersigurtà madwar l-Unjoni Ewropea (Malta), Leġiżlazzjoni Sussidjarja 460.41?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji hija l-awtorita’ kompetenti għal finijiet tar-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju (magħruf aħjar bħala r-Regolament DORA) kif provdut f’Artiklu 4 ta’ Avviż Legali 166 tal-2024.  Għaldaqstant, l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji hija kompetenti fil-kuntest tal-entitajiet li tirregola, u ta’ min wieħed jinnota wkoll li r-Regolament DORA hu meqjus bħala lex specialis, u għalhekk japplikaw il-provvedimenti stabbiliti taħhtu għall-finijiet tas-settur finanzjarju. Dawn li ġejjin huma il-miżuri meħuda mill-Awtorita’: 1.     L-Awtorita’ stabilixxiet funzjoni superviżorja orizzontali dedikata għar-reżiljenza operazzjonali diġitali li illum il-ġurnata għandha kompliment ta’ wieħed u għoxrin (21) persuna. 2.     Din il-funzjoni taħdem id f’id ma’ funzjonijiet superviżorji oħra kemm vertikali kif ukoll orizzontali sabiex is-sorveljanza issir b’mod ħolistiku fil-konfront tal-entitajiet finanzjarji awtoriżżati. 3.     L-Awtorita’ stabilixxiet proċess superviżorju li bih tissorvelja entitajiet finanzjarji biex tassigura li huma konformi mar-Regolament, billi tuża diverżi għodot superviżorji għad-dispożizzjoni tagħha bħal ma huma spezzjonijiet. 4.     L-Awtorita’ stabilixxiet proċess sabiex entita’ tiġi analizzata’ fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament anke qabel tiġi awtorizzata biex tassigura li meta entita’ tiġi awtorizzata tkun stabilixxiet il-miżuri neċessarji b’konformita’ mar-Regolament. 5.     L-Awtorita’ stabilixxiet proċess li fih jiġi rrapurtat theddid ċibernetiku sinifikanti jew inċidenti li jilħqu ċertu kriterji.  L-Awtorita’ tibqa’ issegwi l-andament ta’ kull rapurtaġġ sakemm jiġi riżolt b’mod sodisfaċjenti. 6.     L-Awtorita’ stabilixxiet proċess li bih tkun tista’ tissorvelja ittestjar avvanzat permezz tat-TLPT. 7.     L-Awtorita’ stabilixxiet process li bih tiġġestixxi r-riskju relatat mal-ICT minn partijiet terzi. 8.     L-Awtorita’ tipparteċipa f’diverżi laqgħat fuq livell Ewropew u wkoll fuq livell Internazzjonali aktar wiesa sabiex tassigura li il-miżuri meħuda huma tal-għola livell imma fl-istess ħin b’mod proporzjonat. 9.     L-Awtorita’ tpoġġi fin-National Cyber Security Steering Committee u hija parteċipi fit-tħejija tal-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċibersigurta’.

Użu ta’ krejn - Permess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli sabiex japplika u jikseb il-permess meħtieġ għall-użu ta’ krejn f’żona residenzjali jew urbana, jekk hux ir-resident/sid tal-proprjetà jew inkella l-operatur tal-krejn jew il-kuntrattur? Jista’ jgħid ukoll x’inhi r-responsabbiltà legali ta’ kull parti involuta f’dan il-proċess?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-permessi għall-użu ta’ krejnijiet ma jaqgħux  taħt ir-responsabbiltà ta’ Transport Malta.  Ir-rwol tal-Awtorita f’dan il-proċess huwa limitat għall-għoti ta’ kummenti tekniċi relatati mal-impatt li tali użu jista’ jkollu fuq it-triq partikolari, b’mod speċjali meta t-triq tkun parti min-network tat-toroq nazzjonali jew taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Awtorità. Għaldaqstant nirreferi lill-Onor. Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.