Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex, Triq l-Imġarr, - Inċidenti tat-traffiku – Miżuri

Question

Fid-dawl tal-inċidenti, anki serji, li seħħew f’dawn l-aħħar xhur, ġimgħat u anki f’dawn l-aħħar ġranet fi Triq l-Imġarr li mill-Port tal-Imġarr twassal sar-Rabat Għawdex, u li tgħaddi minn Għajnsielem u x-Xewkija, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ traffic calming measures qed jittieħdu jew beħsiebhom jittieħdu mill-Gvern jew l-entitajiet tiegħu fl-immedjat sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv f’dawn it-toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Magħtab - Waste-to-energy plant

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31403 dwar fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni tas-sejħa “Competitive Procedure with Negotiation” għall-proġett “to design, build and operate a waste-to-energy plant in Magħtab” fejn ġie mwieġeb li “t-tender inkwistjoni jinsab fl-istadju ta’ evalwazzjoni”, tista’ l-Ministru tgħid għal kemm żmien ilha fi stadju ta’ evalwazzjoni din is-sejħa u meta hu maħsub li jiġi konkluż dan il-proċess?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-9 ta' Mejju 2025, id-deċiżjoni tal-award datata 20 ta’ Jannar 2025 ġiet irtirata u għalhekk reġgħet bdiet l-evalwazzjoni mill-ġdid. Din l-evalwazzjoni għandha tiġi konkluża fl-iqsar żmien possibbli.

TENDER FOR THE SUPPLY AND DELIVERY OF NON-POTABLE WATER FOR RESERVOIR AND IRRIGATION PURPOSES FOR GOZO GENERAL HOSPITAL

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inħasset il-ħtieġa li toħroġ it-tender “TENDER FOR THE SUPPLY AND DELIVERY OF NON-POTABLE WATER FOR RESERVOIR AND IRRIGATION PURPOSES FOR GOZO GENERAL HOSPITAL”? Għaliex din ġiet ikkanċellata darbtejn? Jista’ jgħid ukoll min kien qed jagħmel ix-xogħol mitlub minn din is-sejħa f’dawn l-aħħar xhur u fil-preżent?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li t-tender inħareġ mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex ikollu s-servizz ta’ provista tal-ilma għat-tisqija tal-ġonna tal-Isptar. It-tender ġie kkanċellat l-ewwel darba biex issir tibdil fl-FBF (financial bid form). It-tieni sejħa ġiet ikkanċellata minħabba li l-offerti sottomessi ma kinux teknikament aċċettabli. Is-servizz msemmi mhux qiegħed jingħata fil-preżent.

Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi – Appelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm appelli pendenti biex jinstemgħu quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi (PCRB) u kemm ilu pendenti biex jinstema’ kull wieħed minnhom? Jista’ jgħid ukoll b’liema ordni dawn jinstemgħu quddiem il-PCRB?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Proġett tal-Victoria Park – Parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser ikunu jistgħu jipparkjaw karozzi fil-parkeġġ il-kbir preżenti ta’ ħdejn Villa Rundle, issa li ġie mħabbar li s-sena d-dieħla ser jinbeda x-xogħol fuq il-proġett tal-Victoria Park?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bil-proġetti tal-Victoria Parks u ta’ Pjazza Assedju l-Kbir, il-parkeġġ fiċ-centru tar-Rabat se jammonta għal tal-inqas 600 parkeġġ. Dan filwaqt li l- l-livell terran se jinbidel fi spazji miftuħa ħodor għal familji.

Unjoni Ewropea – Baġit allokat lil Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie allokat baġit lil Malta mill-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid ukoll: i.    kemm fondi ġew utilizzati s’issa (f’numri assoluti u persentaġġi); ii.    kemm minnhom għadhom ma ntefqux; iii.    liema oqsma tal-fondi tal-UE l-iktar li ntefqu; u iv.    liema oqsma tal-fondi tal-UE l-iktar li ma ntefqux?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Risposta tingħata f’seduta oħra

Ta’ Qali - Sptar tal-annimali - Ftuħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jinfetaħ l-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejja ħidma mal-operatur magħżul li se jopera l-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali, sabiex jitwettqu t-tħejjijiet neċessarji biex l-isptar jerġa’ jiftaħ u joffri servizz ta’ kwalità fil-ġimgħat li ġejjin.

Project Green – Proġetti kompluti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew kompluti proġetti minn Project Green, minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tispeċifika liema huma dawn il-proġetti u fejn huma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Fl-aħħar tliet snin tellaqna diversi proġetti u mill-bidu tal-leġiżlatura s’issa, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, waħidom wettqu 62 proġett differenti mifruxin madwar il-pajjiż. Il-ħidma fuq dawn il-proġetti hija maqsuma fuq tliet binarji, il-ħolqien ta’ spazji miftuħa ġodda, ir-riġenerazzjoni ta’ spazji li kienu mitluqin għal ħafna snin kif ukoll widien, u ż-żamma aħjar ta’ spazji eżistenti. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li filwaqt li Project Green hija responsabbli mill-maġġoranza tal-proġetti u nħolqot proprju għalhekk, proġetti oħra saru wkoll, qegħdin isiru jew se jitwettqu minn entitajiet oħrajn li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi. Barra minn hekk, dan l-isforz huwa mifrux mal-gvern kollu b’entitajiet u ministeri differenti jagħtu l-kontribut huma wkoll b’diversi proġetti li saru jew qegħdin isiru min-naħa tagħhom. Min-naħa tagħha, Project Green s’issa wettqet 28 proġett. Minn dawn, din is-sena l-aġenzija lestiet Ġnien fil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far, Ġnien tal-Komunità fil-Qajjenza, Birżebbuġa, Ġnien San David f’Pembroke, Ġnien Kacey Sciberras f’San Pawl il-Baħar, Ġnien l-Iskultura f’Santa Luċija, proġett ieħor li sar fil-Park ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala fejn saru żewġ żoni dedikati għat-tfal u l-adoloxxenti, u Ġnien Zaylen Borg f’Raħal Ġdid li ġie nawgurat proprju lbieraħ. Proġetti oħrajn li diġà saru din is-sena jinkludu parti mill-Walking Trail tal-Victoria Lines, xogħlijiet fil-Ġnien Kostali ta’ Wied iż-Żurrieq, riġenerazzjoni ta’ Ġnien Kenn tas-Salvatur fl-Għasri,  tisbiħ ta’ Ġnien Palma f’Ħ’Attard, proġett ta’ tisbiħ bil-ħolqien ta’ spazji urbani ħodor fiż-żona Tar-Rabbat fil-Ħamrun, ħolqien ta’ ġnien pubbliku fl-Iskola Primajra ta’ Għajnsielem, u l-Proġett Silva Pathways fejn ġew restawrati żewġ żoni afforestati fl-Aħrax ta’ Ġewwa u l-Miżieb, fil-Mellieħa li kollha saru minn Ambjent Malta, il-Walking Trail f’Wied il-Qlejgħa mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) kif ukoll il-proġett ta’ riġenerazzjoni tad-daħla tal-Isla, restawr tas-swar ta’ San Mikiel u Ġnien tal-Marina f’Tal-Pietà li saru mill-GHRC. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet mill-enitatijiet rispettivi fuq diversi proġetti oħrajn madwar il-pajjiż u fuq l-ippjanar biex jinbdew oħrajn.  Fost dawn hemm dawk li għadna kemm ħabbarna l-ġimgħa li għaddiet biex jinbdew proġetti ġodda biex jinħolqu aktar spazji ħodor, ġonna edukattivi u żoni ta’ rikreazzjoni sostenibbli f’35 skola primarja u sekondarja madwar Malta u Għawdex. Dawn il-proġetti se jsiru minn Project Green bħala parti mill-Green School Initiative, inizjattiva li twieldet minn dak li talbu l-istudenti stess li jkollhom skejjel li jressqu n-natura eqreb lejhom. F’dak li jirrigwarda tħawwil ta’ siġar, mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura ħawwilna 60,000 siġra, li 9,000 minnhom tħawlu din is-sena. Hanwhekk ukoll tnediet inizjattiva minn Project Green biex tgħin lin-nies jiksbu s-siġar biex iħawluhom fl-art tagħhom. B’kollox se noffru aktar minn 70,000 siġra u diġà hemm rispons tajjeb ħafna mill-pubbliku għal din l-inizjattiva.

MCAST - Wellness Hub – Ingaġġ ta’ social workers

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24286 dwar jekk is-servizz tal-Wellness Hub fl-MCAST joffrix servizz ta' social work, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proċess biex jiġu ingaġġati żewġ social workers ġiex komplut?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra

Qari tax-xorti - Regolamentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' regolamentazzjoni teżisti għal persuni li jaqraw ix-xorti f’pajjiżna?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Liġijiet ta’ Malta jagħmlu referenza għal persuni li jaqraw ix-xorti fil-paragrafu (l) tal-artikolu 338 tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9).

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023 - Nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27998, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien is-sehem finanzjarju li ħallas il-Gvern lill-Kumitat Olimpiku Malti għal-logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023, peress li fit-tweġiba kont mitluba li nagħmel il-mistoqsija lill-Kumitat Olimpiku Malti? Jista’ jgħid ukoll jekk il-fondi li ngħataw kenux biżżejjed biex jiġu koperti l-ispejjeż kollha li kienu meħtieġa? Jekk le, liema fondi għad iridu jgħaddu għand dan il-Kumitat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Melita Gardens u Kennedy Grove - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jsir ix-xogħol neċessarju fl-inħawi tal-Melita Gardens, u Kennedy Grove fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll liema xogħol hu mistenni li jsir u meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 29466, ninsab infurmata li s-sejħa għall-offerti li ħarġet se jkollha tinħareġ mill-ġdid fil-ġimgħat li ġejjin, wara li l-offerti sottomessi kienu problematiċi. Ix-xogħol pjanat jinkludi t-tibdil tal-apparat kollu tal-logħob għat-tfal li hemm fil-parti ta’ fuq tal-park kif ukoll fil-parti t’isfel magħrufa aħjar bħala Kennedy Grove. Se jinbidlu wkoll it-twapet tas-sigurtà li hemm taħt dan il-logħob kif ukoll l-apparat tal-outdoor gym biex isir kollox ġdid. Apparti t-tagħmir tal-logħob, il-bażi strutturali ukoll ser tinbidel.

Vetturi elettriċi - Charging points

Question

Tista’ l-Ministru tgħid preżentement kemm hemm charging points għall-vetturi elettriċi madwar Malta u Għawdex? Tista’ tgħid ukoll fejn jinsabu dawn l-istess charging points u kemm hu maħsub li jiżdiedu iktar charging points, u fejn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa hawn 408 charging points imxerrdin madwar Malta u Għawdex li huma responsabbiltà tal-Energy and Water Agency. Barra minn hekk, ġew identifikati 613-il sit ieħor fejn jistgħu jsiru charging pillars ġodda b’żewġ charging points kull wieħed.  F’numru ta’ siti minn dawn, diġà qed isir ix-xogħol infrastrutturali u l-preparamenti elettriċi meħtieġa, filwaqt li qed jitħejjew iktar sejħiet għall-offerti biex ikun jista’ jsir ix-xogħol infrastrutturali fis-siti kollha. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar fejn huma ċ-charging points eżistenti, filwaqt li l-ġodda se jkunu mifruxin mal-pajjiż kollu.

Prodotti agrikoli Maltin - Esportazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ prodott agrikolu Malti li ġie esportat (jew li ntbagħat lejn swieq ta’ membri oħra tal-Unjoni Ewropea) matul din is-sena? Jista’ jgħid ukoll liema kienu l-prodotti li ġew mibgħuta fi swieq barranin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma l-Onorevoli Interpellanta li dan il-Ministeru ma jkollux tali informazzjoni.

Ta’ Qali - Pitkalija - Żviluppi strutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema żviluppi strutturali mistennija jseħħu fil-Pitkalija Ta’ Qali matul is-snin li ġejjin? Jista’ jgħid ukoll għal liema xogħlijet diġà nħarġu l-permessi neċessarji, u meta mistenni li jinbeda x-xogħol maħsub?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif tħabbar fid-diskors tal-Baġit ftit jiem ilu, is-sena d-dieħla ser jibda l-proċess biex tinbena Pitkalija ġdida u moderna f’Ta’ Qali. Il-Pitkalija l-ġdida se tipprovdi faċilitajiet li jtejbu u jikkonservaw il-kwalità tal-prodott għall-konsumatur, filwaqt li jassiguraw prezzijiet ġusti għall-bdiewa. Il-proċess se jibda bit-tħejjija tal-pjanti meħtieġa u s-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-iżvilupp.

Prodotti agrikoli

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28572, jista’ l-Ministru jgħid liema prodotti agrikoli, kemm frott kif ukoll ħxejjex, instabu li jistgħu jiġu prodotti lokalment? Jista’ jgħid ukoll kemm bdiewa ġew identifikati li jistgħu jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ dawn l-istess prodotti, u kif mistenni li jitkompla l-iżvilupp ta’ dawn l-istess prodotti matul is-snin li ġejjin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Food Innovation Hub (FIH) huwa mmirat li jittrasforma prodotti lokali fi prodotti ta’ valur miżjud, mhux abbażi  ta’ liema tipi ta’ frott u ħxejjex jistgħu jiġu prodotti lokalment. Irrid ngħid ukoll li l-bdiewa kollha jistgħu jibbenefikaw mill-FIH, kemm direttament billi jagħmlu użu mill-faċilitajiet huma stess, kif ukoll indirettament permezz tal-użu tal-prodotti tagħhom fit-trasformazzjoni ta’ prodotti minn produtturi, bil-kundizzjoni li l-utenti kollha jkollhom il-kriterji meħtieġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-ikel.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika - Direct orders ta' inqas minn €2,000

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Settembru 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol - Direct orders ta' inqas minn €2,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar - Direct orders ta' inqas minn €2,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.