Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Fondi u Programmi tal-Unjoni Ewropea
Question
Tista’ l-Ministru tgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u tindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – Fondi u Programmi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Safety audit ta’ proġetti u toroq
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proġetti/toroq ġewwa Għawdex li fil-preżent il-Ministeru tiegħu qed jagħmel safety audit tagħhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-imsemmija audits isiru b’mod regolari minn żmien għall-ieħor fuq it-toroq; kemm dawk li jkun għaddej xogħol fuqhom, kemm dawk li tlestew u anke fuq oħrajn li l-Ministeru jħoss li hemm bżonn li jsiru xi tip ta’ studji simili qabel jiġu stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet għal xi sejħa għall-offerti.
Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex jikkonsisti l-proġett ta’ restawr tal-ħitan tas-sejjieħ ġewwa Għawdex illi qed jiġi implimentat bħalissa, fejn numru ta’ applikanti qed jiġu assistiti mill-aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tal-Immaniġġjar kienet ħarġet Miżura senjatament il-Miżura 4.4 appoġġ għal investimenti mhux produttivi marbuta mal-kisba ta’ objettivi agro-ambjentali u klimatiċi li tiffoka primarjament fuq ir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ u li hija parti mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020.
Peress li l-proċess ta’ applikazzjoni għal din il-miżura jista’ jkun wieħed kumpless u tekniku, l-Aġenzija ħadet l-inizjattiva li toħroġ sejħa ta’ interess għal dawk kollha li xtaqu jipparteċipaw, inklużi l-bdiewa Għawdxin. L-għan ewlieni kien li l-Aġenzija tkun tista’ tissottometti applikazzjoni kollettiva f’isem dawn l-applikanti kollha, sabiex tiffaċilita l-proċess.
Bħala parti minn dan il-proċess, l-Aġenzija ngaġġat Periti sabiex iwettqu stima fuq il-ħitan tas-sejjieħ identifikati mill-bdiewa interessati. Dawn l-istimi kienu meħtieġa sabiex tiġi ddeterminata l-ammont totali ta’ xogħol li kellu jitwettaq u biex is-sottomissjoni tal-applikazzjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni preċiża.
Wara li saret is-sottomissjoni tal-applikazzjoni li inkludiet in-numru ta’ metri ta’ ħitan stmati għal kull individwu, u wara li l-proġett ġie approvat mill-Awtorità tal-Immaniġġjar, l-Aġenzija ħadet ħsieb toħroġ sejħa pubblika (tender) sabiex jiġu ingaġġati kuntratturi għall-eżekuzzjoni tax-xogħol ta’ restawr. Il-kuntrattur li rebaħ is-sejħa kien responsabbli li jwettaq ix-xogħol skont il-linji gwida tekniċi u regolatorji kollha applikabbli.
Meta imbagħad jitlesta r-restawr, il-Periti maħtura mill-Aġenzija jkunu jistgħu jagħmlu ċ-ċertifikazzjoni finali tal-ħitan, biex jiġi kkonfermat li x-xogħol sar skont is-sengħa tradizzjonali u l-permessi kollha rilevanti, kif meħtieġ mill-Miżura u r-regolamenti tal-FAEŻR.
B’dan il-mod, l-Aġenzija assistiet lill-benefiċjarji matul il-proċess kollu, mill-istadju inizjali ta’ informazzjoni u sottomissjoni tal-applikazzjoni, sal-implimentazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni finali tal-proġett.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-irwol tal-Ministeru tiegħu fil-proġett tas-‘solar flowers’ li tpoġġew f’Ta Xħajma, Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-rwol tal-Ministeru kien li jipprovdi l-ispazju fejn jitwaħħlu s-solar flowers u l-aċċess għall-konnessjoni mal-grid.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Rinnovazzjoni tal-kċina u tal-librerija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx, jew jekk hux beħsiebu jsir, ir-rinnovazzjoni tal-kċina u tal-librerija fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jekk sar, jista’ jgħid meta sar, u jekk le, meta huwa ppjanat li jsir? Jista’ jgħid ukoll kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li r-rinnovazzjoni tal-librerija saret bħala parti mill-proġett tal-Education Hub 2. Minbarra r-rinnovazzjoni fiżika, ġiet imnedija koperazzjoni mal-Librerija Pubblika, li inkludiet introduzzjoni ta’ kotba ġodda kif ukoll taħriġ fl-immaniġġjar tal-librerija.
Fir-rigward tal-kċina, ix-xogħol qed jitwettaq fi tliet fażijiet. L-ewwel żewġ fażijiet, li tlestew riċentement, ffokaw fuq iż-żoni ta’ preparazzjoni u tisjir tal-ikel. It-tielet fażi se tiffoka fuq il-ħażna tal-ikel u l-ħasil tal-għodda użata. Bħalissa qed issir riċerka u mistenni li jibda x-xogħol relatat max-xiri tal-apparat neċessarju.
NGOs relatati mal-mużika, baned u orkestri - Fondi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn NGOs relatati mal-mużika, baned u orkestri u kemm ingħataw fondi f’dawn l-aħħar tliet snin?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm 108-il NGO relatata mal-mużika, baned u orkestri. Matul l-aħħar tliet snin, dawn l-NGOs ingħataw bejniethom fondi li jammontaw għal €523,020.83.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31485 peress li huma ftit il-konsulenti/tobba msemmija, jista’ l-Ministru jgħid x'investiment se jsir biex jiżdiedu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm żewġ trainees jitħarrġu fil-clinical genetics fis-settur Nazzjonali tas-Saħħa. Wieħed minn dawn it-Trainees jinsab barra minn Malta għat-taħriġ tiegħu. F’Ottubru li għadda nħarġet sejħa ġdida għal trainees fil-clincal genetics.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31457 u jgħid kemm inġabru flus mill-VAT fuq l-istabbilimenti tal-ikel fl-2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar f’dawn l-aħħar erba’ xhur fuq l-estensjoni taċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija u kemm intefqu flus fuq din l-estensjoni f’dawn l-aħħar erba’ xhur?
Sena skolastika 2025-2026 – Studenti neqsin mis-smigħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Learning Support Educators (LSEs) li jafu l-lingwa tas-sinjali? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm tfal li huma nieqsa mis-smigħ matul din is-sena skolastika?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ikejjel tal-Istat hemm 36 student li huma nieqsa mis-smigħ. Fl-iskejjel fejn ikun hemm studenti neqsin mis-smigħ dejjem jintbagħtu LSEs biex jagħmlu l-kors tal-lingwa tas-sinjali biex ikunu jistgħu jagħtu sapport aħjar lil dawn l-istudenti. Għandna wkoll għalliema mħarrġa apposta biex imorru fl-iskejjel biex jissaportjaw u jagħtu strateġiji lill- LSEs.
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Call ta’ ‘Post of Systems Administrator in the information Management’
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għall-Call ta’ ‘Post of Systems Administrator in the information Management’ fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni? Kemm kien hemm applikanti li kellhom il-kwalifiki mitluba u ssejħu għal interview? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm applikanti oħrajn li ma kellhomx il-kwalifiki mitluba u jekk ġewx innotifikati b’dan?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess għadu għaddej.
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni - Calls for application irtirati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il call for application inħarġet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ġiet irtirata qabel inbeda l-proċess tal-interviews, u għal kull call li ġiet irtirata jgħid x’kienet ir-raġuni?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 2 sejħiet li ġew irtirati.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31506 dwar ix-xogħol tar-riġenerazzjoni tat-Terminal taċ-Ċirkewwa, fejn ġie mwieġeb li "x-xogħol li sar dan l-aħħar fuq it-terminal kien jinvolvi xogħol ta’ emerġenza fuq il-lift shafts tat-Terminal, kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-kolonni tal-istess terminal", jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat u għal kull każ jgħid: lil min ingħataw; x’kien l-ammont u liema xogħol kien ikopri?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li
l-informazzjoni mitluba tiġi ppubblikata perjodikament fuq il-Gazzetta tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jsir ix-xogħol neċessarju fil-Korsa taż-Żwiemel f’Ta’ Xħajma sabiex parti minnha tkun tista’ tintuża mill-atleti Għawdxin li jipprattikaw f’dan il-post? Jista’ jgħid ukoll x’sar sal-lum u x’baqa’ xi jsir?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onerevoli interpellant li matul is-sena d-dieħla, il-Gvern mistenni jibda l-proċess ta’ identifikazzjoni ta’ sit u l-ħidma fuq l-athletic track bil-għan li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura sportiva ġewwa Għawdex.
Għawdex, Triq l-Imġarr, - Inċidenti tat-traffiku – Miżuri
Question
Fid-dawl tal-inċidenti, anki serji, li seħħew f’dawn l-aħħar xhur, ġimgħat u anki f’dawn l-aħħar ġranet fi Triq l-Imġarr li mill-Port tal-Imġarr twassal sar-Rabat Għawdex, u li tgħaddi minn Għajnsielem u x-Xewkija, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ traffic calming measures qed jittieħdu jew beħsiebhom jittieħdu mill-Gvern jew l-entitajiet tiegħu fl-immedjat sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv f’dawn it-toroq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar xhur Transport Malta ħejjiet studju fuq Triq l-Imġarr Għajnsielem/ Xewkija/Rabat li jinkludi numru ta’ miżuri ta’ traffic calming measures u li ġew mgħoddija lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għall-implimentazzjoni.