Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel li għandhom nuqqas ta' staff klerikali jew għandhom staff klerikali anqas milli suppost?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-iskejjel li għandhom staff klerikali anqas milli suppost huma l-Iskola Primarja tal-Ħamrun (GP) u l-Iskola Sekondarja ta’ Ħad-Dingli. Il-Ministeru huwa kommess li jipprovdi l-istaff kollu meħtieġ u dan huwa eżerċizzju kontinwu.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Informazzjoni dwar inmates
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni (inmates) fil-bini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li huma reċidivi bħalissa? Jista’ jgħid kemm hemm minnhom li qed jieħdu kura għas-saħħa mentali? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm minnhom li huma diagnosed bi problemi psikosoċjali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi fil-preżent, minn 603 priġunier, 206 minnhom huma riċedivi. Bħalissa, 402 priġunier qed jirċievu għajnuna mentali minn psikologi, psikjatri jew tobba. Il-persuni (inmates) kollha li jidħlu fl-ASK ikollhom problemi ta’ natura psikosoċjali. Dawn primarjament huma problemi fl-aspetti
tal-konjizzjonijiet, fl-attitudni, il-qagħda soċjali u dik familjari.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Informazzjoni dwar inmates
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni (inmates) fil-bini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bħalissa u jgħid:
i. kemm minnhom huma Maltin;
ii. kemm minnhom huma barranin;
iii. kemm hemm nisa; u
iv. kemm minnhom qed jiskontaw sentenza relatata mad-droga?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-ammont totali ta’ priġunieri sat-13 ta’ Mejju, 2022 huwa ta’ 603, li huma mqassmin hekk:
· 323 priġuniera huma Maltin
· 280 priġuniera huma barranin
· 60 priġuniera huma nisa u 543 huma rġiel
· 126 priġuniera qed jiskontaw sentenza relatata mad-droga
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Inmates li qed jirċievu kura medika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni (inmates) fil-bini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li bħalissa qed jieħdu kura medika minħabba kundizzjonijiet kroniċi mediċi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi fil-preżent fil-faċilitajiet tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, 389 priġunier qed jieħdu mediċini għal mard kroniku. Dan il-mard kroniku jikkonsisti minn Hepatitis B, Hepatitis C, HIV, asthma, chronic obstructive pulmonary disease, mard dipressiv, ansjetà, skizzofrenija, pressjoni, diabete u hypercholesterolaemia.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm LSEs li huma impjegati mal-Ministeru għall-Edukazzjoni? Jista jgħid kemm hemm tfal “statemented” li għandhom bżonn ta’ LSE? Jista’ jgħid ukoll kemm għandna tfal diagnosed b’Autism Spectrum Disorder li qed jirċievu edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent hemm impjegati elfejn, seba’ mija, erbgħa u tmenin (2784) Learning Support Educator.
Studenti statemented hemm tlett elef, tmien mija u erbgħa u sittin (3864) u dawn kollha għandhom is-sapport ta’ Learning Support Educator.
Studenti bl-awtiżmu jammontaw għal elf, mitejn u sitta u disgħin (1296) fl-iskejjel primarji u sekondarji.
Fil-prezent ukoll, l-Università ta’ Malta għandha erbatax-il student (14) li għandhom l-awtizmu u li dawn l-istess studenti qegħdin jiggwadanjaw minn arranġament għal aċċess minħabba l-bzonn tagħhom.
Households/kumpaniji privati li għandhom pannelli solari
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn households u kumpaniji privati li jagħmlu użu minn pannelli solari? Tista’ tgħid kemm hu l-voltaġġ iġġenerat minn dawn il-pannelli? Tista’ tgħid ukoll x’inhu l-persentaġġ ta’ enerġija prodotta minn dawn il-pannelli bħala parti mill-konsum totali ta’ enerġija elettrika?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor Interpellant li sa l-aħħar tas-sena 2021 il-kapaċita’ totali ta’ enerġija iġġenerata mill-pannelli tax-xemx qabżet il-205MW. In-numru ta’ households li jagħmlu użu minn pannelli solari laħaq il- 28,652 u b’kapaċita totali ta’ 94MW u filwaqt li n-numru ta’ sistemi ta’ pannelli installati fis-setturi l-oħra laħaq l-1,970 u b’kapaċita totali ta’ 111.5MW. Il-persentaġġ ta’ enerġija prodotta minn pannelli solari bħala parti mill-konsum totali ta’ enerġija elettrika, skont l-aħħar ċifri uffiċjali li jirreferu għas-sena 2020, laħaq id-9.5% li huwa parti mil-persentaġġ totali ta’ 10.71% iġġenerata minn enerġija renovabbli.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-iskema pilota Digital Connect li kellha/għandha l-għan li tilħaq lill-familji li m’għandhomx aċċess diġitali fi djarhom, liema skema kienet tħabbret lura f’Novembru 2021?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proġett kopert mill-Fond Ewropew ERDF li ġie skedat snin ilu u li permezz tiegħu kellu jara li l-binja tal-ferrovija fi Ġnien l-Istazzjon f’Birkirkara jinbidel f’Mużew tal-Ferrovija?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-proġett tal-Mużew tal-Ferrovija jikkonsisti f’xogħlijiet rimedjali strutturali u alterazzjonijiet, restawr ta’ aperturi tal-injam, xogħlijiet ta’ Mechanical & Engineering (M&E) u installazzjonijiet awdjo-viżivi. Dan ix-xogħol tlesta u bħalissa qed isiru t-tħejjijiet finali għall-ħruġ tas-sejħa għal offerti għall-installazzjoni ta’ lift. Il-Mużew tal-Ferrovija mistenni jinfetaħ għall-pubbliku aktar tard din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-pjan, u jekk hemm, x’timeframes għandu, sabiex issir mill-ġdid Triq in-Naxxar f’Birkirkara?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali oħra.
Dan ifisser li għolliet il-medja tat-toroq residenzjali għal erba’ toroq fil-ġimgħa – triq aktar kull ġimgħa mis-sena 2020. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja.
Fi tliet snin kemm ilha mwaqqfa, bejn toroq residenzjali u dawk rurali, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 triq.
L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess zmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjizna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn.
Fil-lokalità ta’ Birkirkara diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq is-Santwarju, Triq Mike Pulis, Triq il-Ferrovija l-Antika, Triq Tumas Fenech, Triq il-Ħerba, Triq l-Isqof Labini, Triq Anġlu Mallia, Triq Ċensu Costa, Triq Kan. Karmenu Pirotta, Triq Robert Farrugia Randon, Triq Ġorġ Borġ u Triq Sisla, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiz-zmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq in-Naxxar u Triq Papa Urbanus VIII.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Skejjel primarji statali – tibdil ta’ mwejjed u siġġijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel primarji statali li bħalissa qed jinbidlulhom l-imwejjed u s-siġġijiet fil-klassijiet?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent l-Ministeru – flimkien mal-Fondazzjoni għall-iskejjel ta’ Għada - jinsab janalizza bosta ħtiġijiet li hemm bżonn fl-iskejjel statali fosthom anki l-imwejjed u s-siġġijiet. Kif wieħed jista’ jifhem, dan huwa proċess kontinwu.
Jista’ l-Ministru jelenka kemm hemm studenti fl-Università li qed isegwu l-kors tal-MTL sabiex isiru għalliema u jagħtu servizz fil-primarja skont kull sena tal-kors?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox hemm 93 student li qed isegwu l-kors tal-MTL sabiex isiru għalliema u jagħtu servizz fil-primarja.
Jista’ l-Ministru jelenka kemm hemm studenti fl-Università li qed isegwu l-kors tal-MTL sabiex isiru għalliema tal-Ingliż u jagħtu servizz fil-livell sekondarju?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox bħalissa hemm 15-il student li qed isegwu l-kors tal-MTL sabiex isiru għalliema tal-Ingliż u jagħtu servizz fil-livell sekondarju.