Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġett ta’ Tal-Barrani — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta se jitkompla x-xogħol fuq il-proġett f’Tal-Barrani, fejn kienu ngħalqu ħafna junctions b’Infrastructure Malta tinforma lill-Kunsilli f’Jannar, 2021 li dan kien temporanju? Meta huwa ppjanat li ssir pereżempju l-hairpin loop li kellha ssir f’Tal-Barrani kantuniera ma’ Triq il-Belt Valletta, Għaxaq li kellha tieħu post ħafna mill-junctions li jinsabu magħluqin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-proġett ta’ titjib fi Triq Tal-Barrani se jibda hekk kif jintemmu x-xogħlijiet ta’ Luqa Junction Project u Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) fir-rotta ewlenija lejn l-Ajruport, sabiex jonqsu kemm jista’ jkun id-diffikultajiet tax-xogħlijiet għal dawk li juzaw dawn ir-rotot minn u lejn in-nofsinhar ta’ Malta.

Santa Luċija – Xogħlijiet ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta huwa ppjanat li jitlesta x-xogħol fuq it-toroq f’Santa Luċija, speċjalment dawk ta’ quddiem il-knisja li qed joħolqu inkonvenjent kbir lir-residenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Filwaqt li x-xogħlijiet fi Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale huma lesti, bħalissa għaddejjin l-aħħar xogħlijiet tat-tieni fażi f’Dawret it-Torri li għandha titlesta sa tmiem dan ix-xahar. F’dawn it-toroq, Infrastructure Malta għaddiet minn taħt l-art pajpijiet ġodda tal-provvista tal-ilma, katusi tad-drenaġġ u oħrajn għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita, kif ukoll pajpijiet għall-cables tal-Internet u telekomunikazzjonijiet oħra. Fejn kien meħtieġ, issaħħew ukoll il-pedamenti tat-toroq u nbnew bankini ġodda, qabel ma sarilhom wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Saret ukoll mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti u se jsiru xogħlijiet ta’ tisbiħ ieħor fl-istess inħawi bit-tħawwil t’aktar siġar indiġeni u arbuxelli wara li fl-2020, l-aġenzija kienet diġà ħawlet bosta siġar maturi f’partijiet differenti ta’ din iż-żona.

Gudja – Bye-law dwar parkeġġ residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma meta d-Direttur tal-Gvern Lokali rċieva l-bye-law approvata mill-Kunsill Lokali tal-Gudja dwar il-parkeġġ residenzjali, liema bye-law il-Kunsill Lokali ġie nformat mis-Sindku li ntbagħtet lilu fil-Laqgħa nru 63 tal-Erbgħa 22 ta’ Diċembru, 2021? Jista’ jikkonferma jekk din il-bye-law ġietx mgħoddija lilu mid-Direttur u jekk hu ressaqx emendi għaliha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-preżent id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali qed tipproċessa t-talba tagħhom.

Siġġiewi – Sala tal-Iskola Primarja

Question

Peress li fil-bidu tas-sena 2020 is-sala tal-Iskola Primarja tas-Siġġiewi kienet itteħdet mill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex tintuża esklussivament bħala maħżen minħabba l-pandemija tal-COVID-19; u billi l-materjal marbut mal-COVID-19 jista’ faċilment jiġi trasferit f’imħażen jew swali oħra addattati; u billi din is-sala jenħtieġ b’mod urġenti illi terġa’ tibda tintuża mill-istudenti għal skopijiet akkademiċi, u dan fl-interess tal-istess studenti sabiex tiġi assigurata edukazzjoni ħolisika skont il-kurrikulu edukattiv; u billi jridu jsiru l-preparamenti neċċessarji għal dan il-għan mill-amministrazzjoni tal-iskola inkluż xi tiswijiet matul dan is-Sajf li ġej sabiex is-sala tirritorna lura għall-istat originali sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss; jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwiegħed u jiżgura li din l-imsemmija sala se titbattal u tingħata lura lill-iskola sal-aħħar ta’ Ġunju, 2022?

Response (FEARNE, CHRIS)

: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għaddejjin id-diskussjonijiet neċessarji sabiex jinstab maħzen alternattiv.

Għawdex – Dar San Ġużepp — tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender CT3382/2019 for the finishing, furnishing, equipping, operating, managing, maintaining and transferring back Dar San Ġużepp, Għawdex ġietx ‘awarded’ u jekk ġiet ‘awarded’ liema kuntrattur/konsjorzju rebaħ dan it-tender? Jista’ jgħid ukoll meta ser jibdew dawn ix-xogħlijiet fuq din id-Dar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-tender qiegħda fi stadju ta’ appell.

Servizz ta’ Night Shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet hemm servizz ta’ Night Shelter? Jista’ jgħid kemm hemm anzjani jattendu f’kull Night Shelter? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx anzjani li qegħdin fuq il-lista ta’ stennija biex jużaw dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lokalitajiet fejn hemm servizz ta’ Night Shelter u li għalihom hu responsabbli dan il-Ministeru, flimkien man-numru ta’ anzjani li qed jattendu fihom huwa kif ġej: Rabat (Malta) - 4 anzjani; Fgura u Ħamrun - 2 anzjani kull wieħed; Dar Padova Għajnsielem Għawdex - 3 anzjani u Żejtun, Mellieħa u Mosta bl-ebda anzjan. Bħalissa m’hemmx anzjani fuq lista ta’ stennija għal dan is-servizz.

Night Shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex l-intenzjoni tal-Gvern li jiftaħ aktar Night Shelters? Jekk iva, jista’ jgħid f’liema lokalitajiet x’ser ikunu qegħdin jinfetħu?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm diskussjonijiet għaddejjin ma’ diversi operaturi ta’ djar privati tal-anzjani madwar Malta u Ghawdex biex jiżdiedu numru ta’ sodod għas-servizz tan-Night Shelter. Minbarra hekk u kif diġà mħabbar fil-manifest elettorali tal-Gvern, il-Ministeru, permezz ta’ koperazzjoni bejn l-AACC u l-SCSA, se jkun qed jevalwa kull possibilità biex dan is-servizz jiġi pprovdut f’iżjed lokalitajiet u safejn hu possibli jittaffa l-inkonvenjent relatat ma’ trasport.

Home Help

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-benefiċjarji li jagħmlu użu mill-Għajnuna fid-Dar (Home Help)? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx każijiet li għadhom pendenti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ benefiċjarji li għamlu użu mill-Għajnuna fid-Dar sal-aħħar ta’ April 2022 kien ta’ 4,985. Hemm 220 każ li għadhom pendenti jistennew li jiġu allokati helper.

Home Help – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx lista ta’ stennija fis-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help)? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm persuni jistennew dan is-servizz u kemm ilhom jistennew? Jista’ jgħid ukoll għaliex hemm din l-istennija?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 166, ninfurmah li bħalissa qed tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ helpers bil-għan li tintlaħaq id-domanda għal dan is-servizz. Minbarra hekk, iżda, infakkar li llum anzjani għandhom ukoll il-possibbiltà li jużaw l-iskema l-ġdida tal-Helper tal-Għażla Tiegħek, li permezz tagħha jistgħu jingaġġaw helper tal-għażla tagħhom u jingħataw €7 għal kull siegħa li tiġi approvata mis-sezzjoni tal-Għajnuna fid-Dar.

Għotja għaċ-Ċittadin Anzjan ta’ €300 – anzjani li għadhom jgħixu fi djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li għadhom jgħixu fid-dar tagħhom stess jew mal-qraba tagħhom li qed jingħataw l-Għotja għaċ-Ċittadin Anzjan ta’ €300?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kalkara — xogħol

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar ix-xogħol li għaddej fuq ix-Xatt tal-Kalkara?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol miexi kif ppjanat. Tlesta x-xogħol fuq il-bini ta’ ċesspit ġdida u kbira li ser taqdi l-esiġenzi tal-lokalitajiet kollha fil-madwar. Barra minn hekk servizzi ġodda relatati tlestew ukoll u miexi sewwa x-xogħol relatat mal-promenade u t-triq il-ġdida man-naħa tax-xatt. Huwa ppjanat li din il-parti tal-proġett ser tkun tista' tinfetaħ għal użu tal-pubbliku qabel jibda l-istaġun tas-sajf.

Kalkara – xogħol fuq il-moll

Question

Billi s-sidien li għandhom id-dgħajjes poppa l-art fil-Kalkara fejn kienu se jsiru ħoloq mal-moll biex ikun organizzati aħjar, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal dan ix-xogħol u meta se jitwaħħlu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess biex jitwaħħlu l-ħoloq mal-moll tal-Kalkara wara l-intervent strutturali li sar fuqu bħala parti mill-proġett tal-Kalkara, miexi u dawk se jkunu qed jitwaħħlu fi ftit ġimgħat oħra. Il-ħoloq in-kwistjoni se jkunu mwaħħlin skond struzzjonijiet ta' Transport Malta li se tkun l-entita’ li ser tkun qed tamministra dawn il-faċilitajiet.

Proġett tad-daħla tal-Isla – xogħol fuq it-tieni fażi

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra bix-xogħol illi għaddej fuq it-tieni fażi tal-proġett tad-daħla tal-Isla?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tieni fazi tal-proġett tad-daħla tal-Isla, dik tar-riġenerazzjoni tal-Pjazza Giorgio Mitrovich u l-parti ta’ fuq, ħdejn l-iskola primarja, issa qabad ritmu. Dan wara li kemm taħt il-pjazza kif fiż-żona ta’ fuq, malli sar l-iskavar feġġew bosta strutturi li kienu mirdumin. Dawn l-istrutturi kellhom jiġu studjati qabel ġie deċiz kif setgħu jiġu ppriservati qabel jitkompla x-xogħol. Is-servizzi l-ġodda taħt il-parti l-kbira tal-pjazza tlestew ukoll. Ser jibda x-xogħol fuq l-aħħar żona tal-pjazza biex wara jkun jista’ jitkompla x-xogħol u jimxi għal fażi tal-pavimentar. Fl-istess waqt jitkompla x-xogħol fil-parti ta fuq (ħdejn l-iskola).

Fgura — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif lil din il-Kamra dwar ix-xogħlijiet mill-entitajiet li jaqgħu taħtu li se jsiru fil-Fgura?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità tal-Fgura diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Buqexrem, Triq ġdida fi Triq l-Għarnuq, Sqaq Rjallu, Triq il-Merħba, Triq is-Sur, Triq l-Għarnuq, Triq San Xmun, Triq San Tumas, Triq San Pietru, Triq Liedna, Triq ¯abbar, Triq Hompesch, Triq Anġlu u Marianna Camilleri, Triq l-Għollieq, Triq il-Falkunier u Triq Rgħajja. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq Mater Boni Consili, Triq San Ġorġ Preca, Triq Pace u Grasso u Triq il-Kitba, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiz-zmien li ġej jibda x-xogħol Triq il-Kampanella, Triq Għajn Dwieli u Triq il-Velleran.

Ħal Tarxien — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif lil din il-Kamra dwar ix-xogħlijiet mill-entitajiet li jaqgħu taħtu li se jsiru f'Ħal Tarxien?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq is-Sorijiet, Triq iż-Żejtun, Triq Marjanu Gerada, Triq Santa Marija, Triq Paola, Triq Birbixkilla, Triq Ġu¿eppi Montebello, Triq Francesco Crispi, Triq San Anard, Triq Xintill u Triq it-Tabib Jimmy Farrugia. Infrastructure Malta fetħet ukoll parkeġġ pubbliku ġdid bi spazju għal 128 vettura biswit il-Kulleġġ San Tumas More Skola Medja, inqas minn 200 metru mill-Knisja Parrokkjali. Dawk li jgħixu f’dawn l-inħawi, jew li jżuruhom, jistgħu jipparkjaw fih u jimxu l-bqija tat-triq lejn il-qalba tal-lokalità u b’hekk ikunu qed inaqqsu l-karozzi fit-toroq dojoq tal-madwar. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq l-Isqajjaq, Triq Santu Wistin, Vjal Simmons, Triq Birzebbuġa, Triq il-Knisja u numru ta’ sqaqien, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiz-zmien li ġej jibda x-xogħol fil-pjazza ewlenija, fi Triq tal-Barrani, Triq it-Tempji Neolitiċi, Triq il-Lampuka, Triq it-Tarzna, Triq Sant Antnin u Triq Manuel Buhagiar.

Gudja — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif lil din il-Kamra dwar ix-xogħlijiet mill-entitajiet li jaqgħu taħtu li se jsiru fil-Gudja?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità tal-Gudja diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Pjazza biswit Triq Lampat, Sqaq fuq Wied Betti, Sqaq San Mikiel, Sqaq Xlejli, Sqaq Ħabel Wati, Triq Awrekarja, Triq Burglat, Triq Filippu Castagnia, Triq Ħas-Saptan, Triq id-Dejqa, Triq il-Kappella, Triq il-Lewz, Triq Joseph Pace, Triq Raymond Caruana, Triq Santa Katerina, Triq Ta’ Lampat, Triq Ta’ Loreto, Triq Victor Pasmore u Vjal it-Torri. Triq Ħal Resqun, Triq Bir Miftuh, Triq William Baker, Triq Vincenzo Dimech, Triq Pietro Gagliardi, Triq il-Magħsar u Triq San Maċrk. Il-Gudja ser tibbenefika mill-ikbar żewġ proġetti li Infrastructure Malta qed taħdem fuqhom din is-sena fit-toroq arterjali, il-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) u Luqa Junction Project li ser itejbu l-junctions prinċipali ta’ Ħal Luqa u l-Gudja fir-rotta ewlenija lejn l-Ajruport. Iż-żewġ proġetti ser itejbu l-ħin tal-ivvjaġġar u jnaqqsu t-tniġġis tat-traffiku f’din il-lokalità. Fiż-żmien li ġej se jinbdew ukoll xogħlijiet fi Triq Mons Pawlu Mallia u Triq iż-Żebbuġa.

Konsolat Malti għat-Tajlandja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Konsolat Malti għat-Tajlandja hux sejjer jerġa' jibda jopera minn Malta wara li dan għalaq? Dan peress li ġejt infurmat li min jitlob għall-VISA jrid jagħmel kuntatt mal-Ambaxxata fil-Ġreċja.

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Tajlandja tkopri lil Malta mill-Ambaxxata tagħha f'Ateni, ġewwa l-Greċja. Sta għall-Gvern Tajlandiż li jiddetermina x'mezzi juża biex ikun ta' servizz għaċ-ċittadini tiegħu u ta’ dawk li jixtiequ jżuru t-Tajlandja. Dan japplika wkoll għas-servizzi konsulari offruti f’Malta permezz tal-Konslu Onorarju tat-Tajlandja f’Malta, is-Sur Francis Carbonaro.

Enemed — telf

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-kumpanija ssussidjata mill-Gvern, l-Enemed, hix qiegħda tagħmel telf? Jekk qiegħda tagħmel it-telf, kemm kien dan, matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Enemed mhix issussidjata mill-Gvern. Bħal kull kumpanija kummerċjali oħra, għandha l-obbligi tagħha mal-awtoritajiet kompetenti.

Ir-Rabat, Ħad-Dingli, l-Imġarr, l-Imtarfa u Ħaż-Żebbuġ – rapporti ta’ serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' serq f'dawn l-aħħar sitt xhur f’dawn il-lokalitajiet imsemmija: Ir-Rabat, Ħad-Dingli, l-Imġarr, l-Imtarfa u Ħaż-Żebbuġ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li n-numru sħiħ ta’ rapporti ta’ serq irrapurtat mal-pulizija fil-lokalitajiet tar-Rabat, Ħad-Dingli, l-Imġarr u Ħaż-Żebbuġ mill-1 ta’ Novembru 2021 sa 30 ta’ April 2022 kien ta’ tliet mija u sitta u erbgħin (346). Ma kien hemm l-ebda każ ta’ serq irrapurtat fl-Imtarfa.

Għalliema li laħqu l-età tal-irtirar u talbu li jibqgħu fis-servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm għalliema li matul l-aħħar sena laħqu l-età tal-irtirar u talbu li jibqgħu fis-servizz?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena li għaddiet kien hemm tnax-il għalliem li laħqu l-età tal-irtirar u talbu estensjoni tas-servizz.