Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan dwar il-proġett li kien imsemmi fil-leġiżlatura li għaddiet fiż-żona tal-bypass tal-Imrieħel fil-periferija ta’ Ħal Qormi, liema żvilupp kien se jeqred bosta raba’ saqwi fiż-żona u jipperikola l-futur tad-delizzju tal-logħob tan-nar f'Ħal Qormi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Kif kelli l-opportunità li nispjega fil-jiem li għaddew, dan il-proġett għadu fi stadju ta’ ppjanar u konsultazzjoni u ebda deċizoni finali għadha ma ttieħdet dwaru.
Però rrid infakkar lill-Onorevoli interpellant li l-ħtieġa ta’ proġett għal aktar sigurtà fil-Bypass tal-Imrieħel jinsab speċifikat fil-Pjan Nazzjonali għat-Trasport ta’ Malta tal-2025. Fil-fatt, it-titjib tal-Bypass tal-Imrieħel hu mnizzel bħala t-tmien l-aktar proġett importanti li Malta teħtieġ twettaq fix-xibka tat-toroq ewlenin li jiffurmaw parti min-network Ewropea, magħrufa bħala TEN-T (Trans-European Transport Network), hekk kif stipulat fil-liġi Ewropea (EU) 1315/2013.
Il-bzonn ta’ titjib tas-sigurtà ta’ din it-triq huwa wkoll speċifikat b’mod ċar bħala diffikultà inkwetanti fil-Pjan Lokali taċ-Ċentru ta’ Malta mfassal fl-2006. Dan il-pjan jidentifika t-titjib fis-sigurtà tal-Bypass tal-Imrieħel bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin. Kien intqal li: “Il-MEPA tappoġġja u tħeġġeġ lill-ADT u lil entitajiet oħrajn biex iwettqu xogħlijiet u mizuri biex jikkontrollaw il-parkeġġ, ineħħu l-perikli u jirregolaw il-movimenti fil-Bypass tal-Imrieħel.”
Għan importanti ieħor ta’ dan il-proġett propost hu l-introduzzjoni ta’ faċilitajiet ġodda għal modi alternattivi għall-ivvjaġġar, fosthom passaġġi għar-roti u l-mixi bejn l-Imrieħel u Ħal Qormi.
Kien fl-aħħar tal-2021 li Infrastructure Malta ħabbret li bdiet il-proċess ta’ ppjanar u konsultazzjoni għal proġett ta’ titjib fil-junction bejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery) u Triq in-Negozju, kisra perikoluza li ilha biex titneħħa snin twal peress li fiha seħħew ħafna ħabtiet koroh, b’uħud iwasslu għal imwiet.
Ħal Qormi – Triq l-Għargħar 1979 – Proġett tal-ġnien
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed jikkawża d-dewmien fil-proġett tal-ġnien fi Triq l-Għargħar 1979 f’Ħal Qormi? Jista’ jagħti indikazzjoni ta’ meta hu mistenni li jitlesta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 262 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
Ħal Qormi – Triq l-Għargħar 1979 – Proġett tal-Ġnien — Ħitan
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm tibdil fl-għoli tal-ħitan mis-simulazzjoni diġitali li kienet intweriet fit-tnedija tal-proġett tal-ġnien fi Triq l-Għargħar 1979 f’Ħal Qormi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari 263 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra x’interventi saru sabiex jiġi indirizzat l-iżbroff tad-drenaġġ fil-Wied ta’ Ħal Qormi biswit Triq l-Għargħar 1979?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tinvestiga l-preżenza ta’ ilma fiż-żona msemmija. S’issa ma jirriżultax li dan huwa drenaġġ mis-sistemi tal-Korporazzjoni. Se jkunu qed jsiru iktar testijiet fil-jiem li ġejjin.
Direttorat tal-Kura Alternattiva – leave għal home visits
Question
Jista’ l-Ministru jinvestiga hux minnu li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ħadet il-leave biex tieħu sehem b’mod dirett, anke permezz ta’ “home visits”, fil-kampanja tal-Ministru li d-dettalji dwar qed jingħataw separatment? Jekk jirriżultalu li dan hu minnu, jidhirlu l-Ministru li hu xieraq li persuna li tokkupa pożizzjoni daqshekk sensittiva fejn jidħlu servizzi għal tfal u familji vulnerabbli (fosthom pereżempju servizzi ta’ adozzjoni u fostering) tieħu pożizzjonijiet pubbliċi politikament partiġjani li jistgħu jikkompromettu l-fiduċja tal-klijenti li jiddependu mis-servizzi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ din id-Direttriċi?
Response
Ninsab infurmat li l-persuna indikata dejjem imxiet b’rettezza u wettqet dmirha kif inhu mistenni.
Filwaqt li l-persuna hi wkoll is-sieħba tal-Ministru, li qed issir referenza għalih, ma jirriżultax li din aġixxiet b’mod li jikkomprometti x-xogħol tagħha, kif qed jiġi ssuġġerit mill-Onor. Interpellant.
Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali – ħidma
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kienet l-aġenda ta’ ħidma tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) minn Jannar 2022 u x’riżultati ntlaħqu? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-pjan ta’ ħidma sal-aħħar ta’ din is-sena 2022?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-aġenda għall-laqgħat tal-MCESD kienet dan li ġej:
- Fis-27 ta’ Jannar 2022 kien diskuss il-programm ta’ xogħlijiet tal-MCESD għas-sena 2022 u r-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Iżvilupp Sostenibbli.
- Fil-15 ta’ Marzu kienet diskussa s-sitwazzjoni tal-Ukrajina u ingħata aġġornament tas-sitwazzjoni.
- Fil-11 ta’ April kien hemm fuq l-aġenda l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma.
Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kunsill għas-sena 2022 qed jiffoka fuq oqsma varji skont il-prijoritajiet kurrenti. Dawn il-prijoritajiet jiġu diskussi iktar fid-dettall permezz tal-Gruppi ta’ Ħidma fi ħdan l-istess Kunsill u dokumenti ta’ riċerka li jsiru mill-istess gruppi ta’ ħidma.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kienet l-aġenda ta’ ħidma tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) minn Jannar 2022 u x’riżultati ntlaħqu? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-pjan ta’ ħidma sal-aħħar ta’ din is-sena 2022?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-aġenda għall-laqgħat tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD) kienet dan li ġej:
- Fis-27 ta’ Jannar ġie diskuss il-Pjan ta’ Ħidma għall-2022 għall-Kumitat Reġjonali ta' Għawdex.
- Fil-11 ta’ Marzu kien hemm analiżi dwar kif Għawdex kien inkluż fil-Manifesti Elettorali.
- Fl-4 ta’ Mejju kien hemm preżentazzjoni dwar l-Aġenda ta’ Trasformazzjoni Diġitali għal Għawdex.
Il-Pjan ta’ ħidma għal dan il-Kumitat hu li jkompli jiġu diskussi t-temi ta’ prijorita’ għall-Gżira Għawdxija, inkluż il-qasam tat-trasformazzjoni diġitali, biex eventwalment, matul din is-sena l-membri jkomplu jindirizzaw u jinsistu fuqhom sabiex dawn jiġu mwettqa.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kienet l-aġenda ta’ ħidma tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) minn Jannar 2022 u x’riżultati ntlaħqu? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-pjan ta’ ħidma sal-aħħar ta’ din is-sena 2022?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-aġenda ta’ ħidma tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan il-Kunsill Malti għall-I¿vilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) kienet dan li ġej:
- Fl-10 ta’ Jannar 2022 saret diskussjoni dwar it-Tibdil fil-Klima
- Fit-8 ta’ Frar 2022 saret diskussjoni mal-President tal-MCESD biex ikunu diskussi l-punti mqajjam fil-Laqgħa tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili.
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li ninsab infurmat li l-mandat tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan l-MCESD ntemm f'April 2022. Il-proċess elettorali sar u ġie ffurmat kumitat ġdid. Ninsab infurmat ukoll li l-ewwel laqgħa ta’ dan il-Kumitat għandha ssir għal nofs Mejju u l-pjan ta' ħidma għax-xhur li ġejjin se jiġi stabbilit matul l-ewwel laqgħat tal-kumitat.
Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali – rwol konsultattiv
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb li jirriforma l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) u l-operat tiegħu biex, fi kliem l-istess imsieħba soċjali, ma’ jibqax talking shop u jerġa’ jieħu r-rwol konsultattiv li għalih inħoloq?
Response (ABELA, ROBERT)
Il-Gvern jemmen bi sħiħ fl-irwol attiv u s-sehem kostruttiv tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Altru milli talking shop, l-MCESD kien strumentali sabiex ressaq l-isħab soċjali flimkien sabiex instab kunsens fuq numru ta’ materji li ħallew impatt dirett fuq l-għajxien tan-nies, fosthom il-miżuri ta’ għajnuna li ddaħħlu fil-pandemija. Filwaqt li l-Gvern huwa impenjat li jsaħħaħ id-djalogu soċjali fi ħdan l-MCESD, ser tiġi kkonsolidata l-ħidma ta’ dan il-Kunsill flimkien max-xogħol li jsir minn Servizzi Ewropej f’Malta f’entità waħda. Din l-entità ser ikollha l-għan li tipprovdi appoġġ ħolistiku lill-imsieħba soċjali u tassigura l-parteċipazzjoni ta’ firxa akbar ta’ partijiet interessati fil-konsultazzjoni pubblika, speċjalment fejn jidħlu żviluppi relatati mal-Unjoni Ewropea u l-aċċess għall-fondi Ewropej.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti li qed ikollhom jixtru l-Aflibercept (Eylea) injections minn buthom għaliex il-Bevacizumab (Avastin) injections mhux qed jaħdmu fuqhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din it-tip ta’ rikjesta titratta informazzjoni kummerċjali li tinsab għand id-distributuri tal-mediċina fil-privat u d-Dipartiment tas-Saħħa m’għandux aċċess għaliha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha impjegati magħha l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati? Jista' l-Ministru jagħti l-kariga ta' kull impjegat u d-data ta' meta beda l-impjieg tiegħu mal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għandha 469 impjegat li huma maqsumin skond il-kariga tagħhom fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra .
Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati – Persuni li rriżenjaw
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna rriżenjat mill-impjieg tagħha minn mal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati mit-twaqqif tagħha fis-sena 2019 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jagħti l-kariga ta' kull persuna li rriżenjat u d-data u r-raġuni tar-riżenja tagħha?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-data tat-twaqqif tagħha fis-sena 2019, irriżenjaw 36 impjegat minn mal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati li kienu jikkonsistu hekk kif imniżżel fit-tabella hawn taħt. Ninsab infurmat li ma tinżamx statistika dwar ir-raguni tar-riżenja.
KarigaNumru ta’impjegati li rriżenjaw
Court Attorney2
Assistent Registratur1
Assistenti Ġudizzjarji (part-time)5
Deputati Reġistraturi5
Uffiċjal fi Skala 91
Skrivan11
Messaġiera9
Court Customer Relations Assistant1
Xufier ta’ Ġudikant1
Jista' l-Ministru jgħid min kienu jew huma l-persuni u/jew ditti u/jew kumpaniji li ġew ingaġġati bħala konsulenti mal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati mit-twaqqif tagħha fis-sena 2019 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jgħid xi ħlasijiet irċeviet kull waħda minn dawn il-persuni, ditti u kumpaniji?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li mill-2019 sat-13 ta’ Mejju 2022 ġew ingaġġati żewg kumpaniji biss biex jagħtu servizz ta’ konsulenza lill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati hekk kif muri fit-tabella t’hawn taħt. Ta’ min jinnota li dawn il-kumpaniji għad ma rċievewx ħlasijiet peress lis-servizz li kellhom jagħtu għadu ma ġix provdut kollu.
Isem l-Konsulent
Deskrizzjoni tas-servizz mixtri mill-Aġenzija
Data ta' meta beda il-kuntratt
Mad About Video
Provision of Audio-Visual consultancy services
24/08/2021
Charles Scerri & Associates
Provision of Audit and Consultancy Services
16/12/2021
Inkjesta Maġisterjali dwar impjieg ta’ persuna ma’ kumpanija tal-Gvern – Spiża
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa s'issa l-inkjesta maġisterjali dwar l-allegat użu mhux leġittimu ta' fondi pubbliċi u reati oħra in konnessjoni ma' impjieg ta' persuna mal-kumpanija tal-Gvern li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inkjesta għadha għaddejja.
Korp tal-Pulizija – Rapporti dwar inċidenti li jinvolvu electric kick scooter – Tas-Sliema
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il rapport irċieva l-Korp tal-Pulizija dwar inċidenti li jinvolvu
electric kick scooter
(
e-kickscooter
) fil-lokalità ta' Tas-Sliema? Jista' jgħid f'liema toroq f'Tas-Sliema seħħew dawn l-inċidenti li ġew irrappurtati lill-Pulizija, jekk kienx hemm persuni li sfaw midruba, jgħid l-età tal-persuni li ġew midruba u jgħid ukoll jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u t-30 ta’ April 2022, il-pulizija rreġistrat tlett rapporti tat-traffiku, li jinvolvu e-kickscooters, ġewwa tas-Sliema. Dawn seħħew fi Triq D’Argens, Triq ix-Xatt u Triq Pariso. Infurmat ukoll li kien hemm każ li tressaq il-Qorti.
Korp tal-Pulizija – Rapporti dwar inċidenti li jinvolvu electric kick scooter – San Ġiljan
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il rapport irċieva l-Korp tal-Pulizija dwar inċidenti li jinvolvu electric kick scooter (e-kickscooter) fil-lokalità ta' San Ġiljan? Jista' jgħid f'liema toroq f'San Ġiljan seħħew dawn l-inċidenti li ġew irrappurtati lill-Pulizija, jekk kienx hemm persuni li sfaw midruba, jgħid l-età tal-persuni li ġew midruba u jgħid ukoll jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u t-30 ta’ April 2022, il-pulizija rreġistrat ħames rapporti tat-traffiku li jinvolvu e-kickscooters, fil-lokalità ta’ San Ġiljan. Dawn seħħew fi Triq Spinola, Triq San Ġorġ, Triq Manwel Dimech u Triq Birkirkara. Tnejn minnhom kellhom feriti ta’ natura gravi u tnejn oħra ħfief, bl-etajiet ikunu bejn 18 u 35 sena. Infurmat ukoll li ma kienx hemm proċeduri l-Qorti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dar tal-Anzjani f’Għajnsielem Għawdex taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu? Jekk ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għaliex? Jekk taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu, xi pjanijiet għandu biex din titlesta, wara li x-xogħol fuqha ilu li nbeda tmien snin, imma għadha fi stat ta’ ġebel u saqaf? Jista’ jgħid għandux ħsieb li jsir parkeġġ ma’ din id-dar għaliex sa issa jidher li ma fiha l-ebda parkeġġ maghha?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Fid-data ta’ meta jwieġeb din il-mistoqsija, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fl-Iskema tal-Komunità? Jista’ jgħid kemm minn dawn jaħdmu f’Malta u kemm minnhom f’Għawdex? Jista’ jgħid sal-aħħar ta’ Jannar 2022 kemm kien hemm ħaddiema b’kollox f’din l-iskema u kemm minnhom kienu f’Malta u kemm kienu f’Għawdex?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar t'April 2022 kien hemm 1153 imsieħba fl-Iskema tal-Komunità.
651 minn dawn jaħdmu f’Malta u 502 minnhom f’Għawdex.
Sal-aħħar ta’ Jannar 2022 kien hemm 978 ħaddiema f’din l-iskema, li minnhom 522 kienu jaħdmu f’Malta u 456 kienu jaħdmu f’Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid fl-aħħar żewġ leġiżlaturi (2013–2022) kemm saru toroq jew partijiet minn toroq f’Għawdex li ngħataw il-base course biss u sal-lum għadhom ma ngħatawx il-wiċċ finali? Jista’ jagħti l-ismijiet ta’ dawn it-toroq u kemm hi l-area f’metri kwadri li għadha bil-base course?
Response (CAMILLERI, CLINT)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għada qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Kumpless Dar il-Madonna tal-Mellieħa – Ambulanza stazzjonata
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jerġa’ jikkunsidra li fil-Kumpless Dar il-Madonna tal-Mellieħa jkun hemm stazzjonata ambulanza, imqar għax-xhur tas-sajf? Dan anke għall-fatt li l-popolazzjoni fil-konfini tal-madwar f’dawn ix-xhur tikber għal erba’ darbiet aktar min-normal.
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena kollha inkluż fix-xhur tas-sajf, in-naħa ta’ fuq ta’ Malta tkun servuta permezz ta’ ambulanzi miċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta.