Legislature:
Category:
Reset
Active:

Artijiet li ġew meħuda mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-area, il-valur ta' kumpens dovut u l-lokalità ta' artijiet li ġew meħuda mill-Gvern mill-1990 sad-data li fiha qed tiġi mwieġba din id-domanda u li għadhom ma ġewx ikkompensati b'mod sħiħ? Tista' tingħata d-data għal kull każ meta ser jingħata l-kumpens dovut u l-ammont tal-kumpens?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jingabar u t-twegiba tingħata f’seduta oħra.

Port Ħieles – proġett tax-shore to ship – flus ivvutati fil-budget 2022

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm flus ivvutati fil-budget 2022 għall-proġett tax-shore to ship fil-Port Ħieles u jagħti aġġornament tal-istatus ta' dan il-proġett?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lil Onor Interpellant li fondi mis-Sinking Fund li għandha l-Korporazzjoni u Fondi Ewropej taħt l-iskema Just Transition Fund se jintu¿aw għal dan il-proġett. Fuq dak li huwa status tal-proġett ngħaraf lill-Onorevoli Membru li bħalissa qed issir l-evalwazzjoni fuq it-tender relatat ma’ xogħol, ċivili u elettriku. Filwaqt li tender oħra fuq supervi¿joni tax-xogħol għadha miftuħa.

Port Ħieles – shore to ship – xogħlijiet mill-Enemalta

Question

Tista' l-Ministru telenka lista tax-xogħlijiet li għad jonqos isiru min-naħa tal-Enemalta sabiex ikun jista' jiġi pprovdut is-servizz ta' shore to ship fil-Port Ħieles? F'każ ta' xogħlijiet fit-toroq, tista' tiġi preżentata lista ta' toroq li ser jiġu affettwati? Kemm mistennija tkun l-ispiża? Tista' tingħata timeline ta' dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex, fir-rigward tal-proġett tax-shore to ship fil-Port Ħieles, iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Min-naħa tagħha l-Enemalta hija disposta li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett skont il-mandat li tingħata.

Birżebbugia – Tal-Papa – low u fluctuating voltage

Question

Tista' l-Ministru telenka l-pjan sabiex tiġi solvuta l-problema ta' low u fluctuating voltage li jeċċedi t-toleranzi permissibbli fl-inħawi Tal-Papa f'Birżebbuġa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xahar id-dieħel l-Enemalta għandha tibda x-xogħlijiet meħtieġa ta’ tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-inħawi magħrufa bħala tal-Papa.

Magħtab – inċineratur – materjal skavat

Question

Tista' l-Ministru telenka lista li turi t-tip, il-kwantità u l-valur kummerċjali, f'każ ta' materjali ri-użabbli jew riċiklabbli, tal-materjal li tneħħa u ser jitneħħa u/jew ġie skavat u ser jiġi skavat mis-sit fejn ser jinbena l-inċineratur fil-Magħtab u l-istruttura anċillari, inkluż iż-żoni ta' ħażna? Tista' telenka l-proċedura ta' x'qed isir minn kull tip ta' materjal imneħħi jew skavat u x'tip ta' dokumentazzjoni u/jew ċertifikazzjoni li trid tiġi preżentata? Kemm saru spezzjonijiet biex jiġi vverifikat dak li qed jiġi ddikjarat u li qed jiġu esegwiti l-proċeduri stabbiliti u x'instab waqt dawn l-ispezzjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mis-sit imsemmi, sal-lum tneħħiet biss il-ħamrija tal-wiċċ. Din il-ħamrija nżammet fil-faċilità tal-Wasteserv sabiex terġa’ tintuża. Sadanittant, il-materjal li jrid jiġi skavat ġie kkaratterizzat skont Termini ta’ Referenza maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għall-Istudji dwar l-Impatt Ambjentali. Saret ukoll analiżi kimika li ddeterminat li l-materjal mhuwiex perikoluż (hazardous) u li għaldaqstant jista’ jiġi ttrasportat, mormi jew użat mill-ġdid skont ir-regolamenti. Ninsab infurmata wkoll li l-ispezzjonijiet li għamlet l-ERA kkonfermaw li x-xogħlijiet ta’ skavar relatati mal-PA08038/21 għad iridu jibdew. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-kwantità u s-sors tal-materjal li ser jiġi skavat skont ir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali ta’ Awwissu 2021.

EV Meters

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-EV Meters jistgħux japplikaw għalihom sidien ta’ garage spaces ukoll u mhux biss sidien ta’ lock up garages?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħdin nikkunsidraw kif ser isiru emendi fil-Provvista tal-Elettriku sabiex sidien ta’ garage spaces ukoll u mhux biss sidien ta’ lock up garages ikunu jistgħu japplikaw ghall-EV meter.

Kumpless Sportiv ta’ Tal-Qroqq – squash courts – xogħol ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-Squash Courts ġewwa l-Kumpless Sportiv ta’ Tal-Qroqq? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba dawn il-courts jitnaddfu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-courts tal-isquash għandhom manutenzjoni kontinwa u tindif ta' kuljum. Fil-fatt, preżentament hemm pubblikazzjoni ta' sejħa għall-kwotazzjonijiet għall-courts wieħed u tnejn biex jiġu rinnovati. Barra minn hekk f’courts tlieta u erbgħa ġiet installata arja kundizzjonta. F’dawn il-courts it-tim nazzjonali jitħarreġ kuljum mingħajr ħlas waqt li l-pubbliku ġenerali jużawhom bi ħlas minimu.

Santa Luċija – Kulleġġ San Tumas More – xogħlijiet fuq il-gym u sala

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-gym u sala fl-iskola sekondarja, Kulleġġ San Tumas More ġewwa Santa Luċija u meta qed jistenna li dawn ix-xogħlijiet jitlestew?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħolijiet mekkaniċi u elettriċi, kif ukoll dawk ta’ finishes fuq il-gym u sala fl-iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija, Kulleġġ San Tumas More, għandhom jibdew fix-xhur li ġejjin wara li jingħalaq l-istadju ta’ evalwazzjoni tat-tender relattiv. Ix-xogħolijiet huma mistennija li jitlestew fi Q2 2023.

Marsa – Kumpless Sportiv – aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità, b'mod partikolari dawk li jużaw ‘wheelchair’, ġew inkorporati fix-xogħlijiet ta' upgrade li saru fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-upgrading tal-grawnd tal-Marsa Athletics huwa investiment ta’ €3 miljun f’uniformità sħiħa mal-permess tal-ippjanar u b’aċċessibbiltà sħiħa għall-aċċess għas-siġġijiet tar-roti. L-investiment se jkun qed jaġġorna l-faċilitajiet għal livell internazzjonali u se jintroduċi aċċessibbiltà għaż-żoni kollha meta dawn kienu neqsin għal snin sħaħ. Meta l-proġett ikun lest għal kollox l-utenti tas-siġġijiet tar-roti mhux biss ser ikollhom żoni magħżula iżda wkoll ser ikollhom aċċess sal-quċċata tal-istands. Waqt l-Olimpjadi Speċjali, dawk kollha li jużaw is-siġġijiet tar-roti ġew akkomodati mal-korsa biex isegwu l-logħob.

Balluta – tixrid ta’ skart

Question

Fid-dawl tal-periklu reċenti tas-sigurtà fejn struttura kbira ta’ scaffolding kważi waqgħet fit-triq u l-bankina fil-Balluta u fid-dawl tat-tixrid reċenti ta’ skart mill-istess proġett li tniġġes il-Bajja tal-Balluta, jista’ l-Ministru jispjega: 1- x’miżuri ttieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà tan-nies li jimxu fuq il-bankina u l-karozzi li jgħaddu fit-Triq it-Torri; u 2- x'miżuri ttieħdu biex ma jkunx hemm aktar skart imxerred fil-Bajja tal-Balluta minn dan il-proġett?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 521 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Sirens – kumpless sportiv – faċilitajiet ta’ aċċessibilità

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'faċilitajiet ta' aċċessibbiltà hemm fil-kumpless sportiv akkwatiku tas-Sirens, liema proġett kien iffinanzjat sa €2.2 miljun mill-Awtorità tal-Ippjanar, li jippermettu lil persuni b'diżabilità jidħlu u joħorġu mill-pixxina?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess tal-iżvilupp tal-kumpless sportiv akkwatiku tas-Sirens jaħseb għall-kundizzjoni speċifika li titlob approvazzjoni tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ qabel il-ħruġ tal-permess ta’ konformita’. Inżid illi l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita kienet ukoll konsultata waqt il-proċess tal-applikazzjoni u ma nstabet ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-pjanti kif approvati.

Skema tal-Komunità — ħaddiema

Question

B’referenza għall-mistoqsija numru 94, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema miż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn separatament fl-Iskema tal-Komunità? Jista' jgħid ukoll x’inhi l-proċedura preżenti biex persuna tifforma parti minn din l-iskema?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjni mitluba għadha qed tinġabar.

Iż-Żejtun — Triq Strejnu u Triq Xrobb l-Għaġin - xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-proġett tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fi Triq Xrobb l-Għaġin u Triq Strejnu bejn iż-Żejtun u Marsaxlokk huwiex lest kompletament? Jekk le, x’inhuma x-xogħlijiet li għad fadal u meta huwa maħsub li dawn jitlestew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ networks taħt wiċċ it-triq fit-toroq indikati huma kompluti kollha, inkluż l-ewwel saff ta’ tarmak. Is-saff finali huwa ppjanat li jingħata fix-xhur li ġejjin mat-tkomplija tal-proġett kollu.

Delimara/Marsaxlokk — tisbiħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi tisbiħ ġewwa Delimara limiti ta’ Marsaxlokk, ħalli dan ikun jista' jitgawda mill-pubbliku, speċjalment mill-familji, b’mod partikolari fiż-żona ta’ qrib il-fanal?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali Malta Flimkien, il-Gvern huwa kommess li jimplimenta proġetti ġodda ta’ afforestazzjoni u restawr ta’ siti naturali, anke bi sħubija ma’ stakeholders oħra. Il-proċess tal-identifikazzjoni tas-siti u l-iżvilupp ta’ pjanijiet t’azzjoni għalihom huwa wieħed kontinwu.

Iż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Marsascala — xogħlijiet fuq skejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fl-iskejjel taż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn? Fit-tnax il-xahar li ġejjin, għall-istess lokalitajiet, fejn hu maħsub li jsiru xogħlijiet? Għal kull każ, x’tip ta’ xogħol qed isir jew se jsir? Jista’ jgħid ukoll jekk minħabba dawn ix-xogħlijiet huwiex meħtieġ li l-istudenti jiġu rilokati? Jekk fl-affermattiv, mil-liema skejjel u fejn se jmorru?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra dettalji dwar id-diversi xogħolijiet li qed isiru fl-iskejjel taż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn kif ukoll dawk li ser ikunu qed isiru fit-tnax-il xahar li ġejjin.

Marsascala — għassa tal-pulizija - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li titlesta l-Għassa tal-Pulizija ta’ Marsascala?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet relatati mat-tlestija tal-Għassa tal-Pulizija ta’ Marsascala jinsabu fl-aħħar stadji tagħhom. Id-data ta’ meta din l-Għassa ser tibda topera, ser tingħata fil-futur qarib.

Iż-Żejtun — toroq - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq qed isiru fil-preżent fil-lokalità taż-Żejtun? X’toroq ser isiru fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Fil-lokalità taż-Żejtun diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Taltas, Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, Triq il-Labour, Triq Dwiemes, Triq Toni Zahra, Triq il-Faqqus, Triq Bugħarbiel, Triq il-Kbira, Triq il-President Anton Buttigieg, Misraħ is-Suq, Triq id-Daħla ta’ San Tumas, Vjal il-25 ta’ Novembru, Triq Cannaught, Triq il-Kantur, Ta’ Ganza u Triq Kamumilla. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq San Piju X, Triq San Profilju, Triq Santa Fawstina, Triq Santa Monika, Triq San Ġużepp, Triq Beland u Triq il-Ġiebja Rumana, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fiż-żona ta’ Ħal Tmiem u Triq Profs Anthony Zammit.

Gudja – Bye-law dwar parkeġġ residenzjali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 156, peress li artikolu 35 (3) u 35 (5) tal-Att Dwar Kunsilli Lokali Kap. 363, jagħmilha ċara ħafna u mingħajr lok ta' interpretazzjoni li l-Ministru huwa l-unika wieħed li jista' jipproponi emendi għal bye-law approvata mill-Kunsill jew joġġezzjona għaliha u li l-Ministru għandu biss tmien ġimgħat ċans biex jagħmel dan, u li allura d-Diviżjoni m'għandha l-ebda funzjoni li tipproċessa u temenda bye-law approvata mill-Kunsill, jista' l-Ministru jispjega kif aktar minn ħames xhur wara li dawn waslu għand id-Direttur tal-Kunsill Lokali, il-Kunsill Lokali għadu bla risposta? Jista' jgħid min qed jikser artikolu 35 tal-Att Dwar Kunsilli Lokali, jekk hux hu jew id-Diviżjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Filwqt illi hu minnu li l-emendi għal proposta ta’ bye-laws isiru mill-Ministru skont l-imsemmija dispożizzjoni tal-Att dwar Gvern Lokali, l-ivvettjar ta’ proposta tal-bye-laws fejn jirrigwardja abbozzar, dokumentazzjoni meħtieġa u jekk hemmx leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-materja li dwarha tkun qed issir il-proposta ta’ bye-law, isir mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali. Dan il-proċess isir sabiex meta tgħaddi l-imsemmija proposta għand il-Ministru ghall-konsiderazzjoni tiegħu dwar jekk għandux japprova o meno il-proposta tal-bye-laws, il-Ministru ikollu l-istampa kollha quddiemu. F'ċirkostanzi fejn il-proposta tal-bye-law ma tkunx kompluta bid-dokumentazzjoni meħtieġa, tali proposta tintbagħat lura lill-Kunsill sabiex dawn jerġgħu jissottomettu l-proposta bid-dokumentazzjoni kollha meħtieġa. Huwa biss fl-istadju meta l-proposta tal-bye law tintbghat lura kompluta bid-dokumentazzjoni kollha mehtiega illi tali bye-law tiġi proċessata skont kif tesiġi l-liġi. Fil-każ tal-proposta ta’ Bye-Laws ippreżentata mill-Kunsill Lokali tal-Gudja, dawn ġew mibgħuta lid-Direttur nhar it-28 ta’ April 2022. Fit-2 ta’ Mejju 2022, il-Legal Unit tad-Diviżjoni infurmat lill-Kunsill li sabiex id-Diviżjoni tkun tista’ tipproċessa l-imsemmija Bye Laws jeħtieġ li jintbgħatu wkoll kopja tal-minuti tal-laqgħa li fiha ġew diskussi u approvati dawn il-bye-laws u ċ-checklist li bħalissa qed tintalab lill-Kunsilli Lokali sabiex ikunu jistgħu jiġu proċessati u ppublikati bye-laws. FL-10 ta’ Mejju 2022 il-Kunsill Lokali tal-Gudja reġa’ bagħat kopja tal-Bye laws bil-Malti u bl-Ingliż, flimkien ma` Checklist u kopja tal-Minuti. Fid-dawl tal-ispjega t’hawn fuq, mhuwiex minnu dak li qed jissuġġerixxi l-Onorevoli interpellant u m’hemm l-ebda ksur tad-dispożizzjoni tal-Artikolu msemmi mill-Onor. Interpellant stante li l-Ministru għadu fiż-żmien li jezercita d-dmirijiet tieghu skont l-artikolu ċitat mill-istess Onor. Interpellant u ghalhekk tigi eccepita l-intempestivita tad-domanda tal-Onor. Interpellant.

Korp tal-Pulizija — pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru tal-Pulizija fi ħdan il-Korp fil-mument meta tkun qed tingħata t-tweġiba għal din il-mistoqsija? Meta saret l-aħħar sejħa biex jiġu ingaġġati aktar Pulizija u kemm-il post vakant kien hemm? Kemm, fil-fatt kienu l-applikanti u kemm ġew ingaġġati rekluti ġodda?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Informat li l-ħaddiema fi ħdan il-Korp tal-Pulizija sad-19 ta’ Mejju 2022 kien ta’ 2,260 li jinkludu 159 impjegat taċ-Ċivili li hemm mal-Korp. L-aħħar sejħa ta’ reklutaġġ saret fil-21 ta’ Jannar 2022. Din is-sejħa għalqet fl-14 ta’ Frar 2022, u kien hemm 141 applikant. Il-proċess għall-ingaġġ ta’ din is-sejħa għadu għaddej. Infurmat illi bħalissa fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati hemm 59 rekluta li qed jieħdu t-taħrig u dawn kienu mis-sejħa li kien hemm qabel dik ta’ Jannar 2022.

Korp tal-Pulizija — Sezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mill-ammont ta’ Pulizija li jaħdmu fi ħdan il-Korp, kemm hemm Pulizija li huma assenjati fis-segwenti Sezzjonijiet: Cyber Crime Unit; Domestic Violence Unit; FCID; Għasses ta’ Malta; u Għasses ta’ Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-sezzjonijiet indikati mill-Onorevoli Membru, l-ammont ta’ Pulizija li huma assenjati huma kif jidhru fit-tabella ta’ hawn taħt. Dan barra numru ta’ impjegati pajżana li jaħdmu fl-istess sezzjonijiet, kif jidher fl-istess tabella: Section No. of Police Officers Numru ta’ impjegati paj ż ana Cyber Crime Unit 17 1 Gender Based and Domestic Violence Unit 27 1 FCID 93 4 Police Districts – Malta 697 1 Police Districts – Gozo 95 2 Community Policing 87 -