Peress li fi Triq l-Imdina f’Ħal Qormi hemm problema kbira għax malli tagħmel ħalba xita, ifur id-drenaġġ b’detriment lejn is-saħħa tar-residenti Qriema, lejn il-komunità kummerċjali u kull min jaħdem u jiffrekwenta din iż-żona, u billi ta’ min jinnota li fl-aħħar xhur il-Ministeru responsabbli mit-trasport u l-infrastruttura wettaq xogħol ġdid f’din it-triq, għaldaqstant, jista’ l-Ministru jispjega x’tip ta’ xogħol qed isir biex din il-problema tiġi indirizzata? Jista’ jindika wkoll meta din il-problema se tiġi riżolta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
Tnaqqis fir-rata tal-VAT għall-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb
Question
Jista’ l-Ministru jindika hemmx ħsieb biex inaqqas ir-rata tal-VAT lill-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb biex jagħti spinta u nifs minħabba ż-żieda fl-ispejjeż lil bosta sidien u ħaddiema?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi m'hemm l-ebda ħsieb li titnaqqas ir-rata tal-VAT.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont ta’ kemm persuni impjegati hemm ma’ awtoritajiet statutorji, inklużi organizzazzjonijiet parastatali, għal dawn l-aħħar għoxrin sena maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.
Ċivil u awtoritajiet statutorji – impjegati li għandhom impjieg ieħor
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid sal-14 ta’ Mejju 2022, kemm hemm persuni impjegati maċ-Ċivil u ma’ awtoritajiet statutorji, inklużi organizazzjonijiet parastatali li għandhom impjieg ieħor abbażi full-time u/jew part-time, b’mod rispettiv?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni maċ-Ċivil u ma’ awtoritajiet statutorji, inklużi organizzazzjonijiet parastatali mill-ġurnata li ġie xolt il-Parlament tat-13-il Leġiżlatura, u ċjoè mill-20 ta’ Frar tas-sena 2022, sal-ġurnata tal-elezzjoni ġenerali, u ċjoè sas-26 ta’ Marzu 2022?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm persuni ġew impjegati maċ-Ċivil u ma’ awtoritajiet statutorji, inklużi organizzazzjonijiet parastatali mill-ġurnata tal-elezzjoni ġenerali, u ċjoè mis-26 ta’ Marzu 2022 sal-14 ta’ Mejju 2022?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta’ Mejju 2022, u kemm dawn jitħallsu?
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar jekk Infrastructure Malta ħaditx deċiżjoni dwar jekk taċċettax il-proposta tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi biex tkun salvata art agrikola bit-twessiegħ tal-bypass tal-Imrieħel?
Skema għal xiri tad-Dirett Dominju Temporanju ta’ proprjetà tal-Gvern jew proprjetà mikrija bħala residenza ordinarja jew villeġġjatura
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema tal-2012 għal xiri tad-Dirett Dominju Temporanju (DDT) ta' Proprjetà tal-Gvern jew Proprjetà mikrija wżata bħala residenza Ordinarja jew villeġġjatura, għadhiex fis-seħħ? Kemm persuni bbenefikaw minn din l-iskema?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’referenza għall-mistoqsija Parlamentari Nu.278, l-iskema tal-2012 għal xiri tad-Dirett Dominju Temporanju (DDT) ta’ Proprjeta’ tal-Gvern jew Proprjeta’ mikrija/w¿ata bħala residenza ordinarja/villeġġjatura kienet limitata għal perjodu ta’ sitt xhur (20 ta’ Frar – 20 ta’ Awissu 2012), u għaldaqstant l-iskema 2012 hija llum magħluqa. In-numru ta’ applikazzjonijiet sottomessi taħt din l-iskema kienu jammonta għal 1444.
Jista’ l-Ministru jindika meta se jitlesta x-xogħol li għaddej fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa, liema xogħol qed jikkawża inkonvenjent lis-sewwieqa li jgħaddu minn hemm?
Response (FARRUGIA, AARON)
L-ewwel fażi tax-xogħlijiet fi Triq Il-Marfa, fil-Bajja tal-Għadira, tlestiet u l-erba’ korsiji ta’ din it-triq reġgħu nfetħu fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. F’dan il-proġett, Infrastructure Malta qed taħdem mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tqiegħed pajpijiet kbar tal-ilma taħt il-karreġġjata tat-tramuntana ta’ din it-triq u sussegwentement terġa’ tibni din il-karreġġjata b’bankini ġodda u punti minn fejn tista’ taqsam bil-mixi (pedestrian crossings).
Dawn in-netwerks ġodda taħt l-art jinkludu wkoll pajp ta’ 600 millimetru li jifforma parti mill-proġett tal-Korporazzjoni li tgħaqqad il-ġibjuni tagħha f’Ta’ Qali mar-reverse osmosis taċ-Ċirkewwa u Ħondoq ir-Rummien, biex ittejjeb il-kwalità tas-servizzi tagħha f’Malta. Ħafna mill-4.8 kilometri ta’ pajpijiet tal-ilma meħtieġa mill-Korporazzjoni f’din it-triq issa huma lesti.
Ix-xogħlijiet finali fil-karreġġjata lejn it-tramuntana se jkomplu wara s-sajf. Sadanittant, il-karreġġjata lejn in-nofsinhar se terġa’ tinbena bħala parti minn proġett separat tal-Ministeru għat-Turiżmu biex tiġi riġenerata l-promenade ta’ din il-bajja, skedata li tibda f’Ottubru 2022.
Mellieħa – studji/pjanti dwar il-proġett ta’ Triq il-Marfa
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji/pjanti approvati kollha li saru b’rabta mal-proġett ta’ Triq il-Marfa fil-Mellieħa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Intepellant, li peress li t-triq indikata hija twila mhux ħazin, minn ħdejn is-Santwarju tal-Madonna fil-qalba tal-lokalità, saċ-Ċirkewwa, u peress li f’din it-triq saru, qed isiru jew hemm ippjanat li jsiru għadd ta’ proġetti, jista’ jispeċifika għal liema proġett jew xogħlijiet qed jirreferi.
Mellieħa – Triq il-Marfa – konġestjoni tat-traffiku – pulizija/uffiċjali tal-komunità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li filwaqt li l-konġestjoni tat-traffiku fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa qed tiġi esperjenzata f’livelli bla preċedent, mhux qed ikun hemm pulizija/uffiċjali tal-komunità/uffiċjali ta’ Transport Malta fuq il-post sabiex jorganizzaw aħjar is-sitwazzjoni prekarja ta’ inkonvenjent li nħolqot u qed tkompli tinħoloq b’mod regolari lis-sewwieqa li jgħaddu miż-żona?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi dwar il-konġestjoni tat-traffiku kkawżat minħabba xogħlijiet li qed isiru fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa, il-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku u l-Uffiċjali tal-komunità, kontinwament ikunu fuq il-post biex jikkontrollaw it-traffiku, flimkien ma’ entitajiet oħrajn mhux taht il-Ministeru ta' l-Intern, is-sigurtà, ir-riformi u l-ugwaljanza, u kemm jista’ jkun inaqqsu l-inkonvenjent lis-sewwieqa, li jużaw din it-triq. Wieħed irid japprezza illi temporanjament qed tintuża karreġjata waħda.
Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – Membri tal-Bord
Question
Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-proċedura li użat biex ħatret il-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma li ġew appuntati fit-12 ta' Ottubru, 2021?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari 22505, 22827 u 23696 tat-Tlettax-il Leġiżlatura.
Ħal Qormi – Proġett fi Triq l-Għargħar u l-Wied – konsultazzjoni
Question
Peress li rċevejt numru ta' ilmenti mir-residenti li qed juru t-tħassib tagħhom dwar il-proġett fi Triq l-Għargħar u l-Wied f'Ħal Qormi,fejn ir-residenti qed jisħqu li ma saritx konsultazzjoni biżżejjed u ma jafux eżattament x'se jkun qed isir, għaldaqstant jista' l-Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni serja mar-residenti? Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-ispjazju ta’ parkeġġ mhux se jonqos? Jista’ wkoll il-Ministru jikkonferma li l-proġett mhux se joħloq iktar inkonvenjent, li jista’ jipperikola ħajjet in-nies, vis-à-vis l-ilma li jkollu jgħaddi kull sena miż-żona?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-Mistoqsija Parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm ġiet tiswa lill-pajjiżna s’issa, mil-lat mediku biss, il-pandemija tal-COVID-19?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li ma jin¿ammux dettalji finanzjarji ta’ kemm tkun swiet il-kura ta’ kull pazjent individwali fis-servizz tas-saħħa tagħna, huwa diffiċli illi naslu għall-figura li qed jitlob hu.
Sptar Mater Dei – Taqsima tal-Kura Intensiva — spiża għal kull sodda
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hi l-ispiża għall-Gvern Malti ta’ kull sodda fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, (ITU), meta tkun okkupata minn pazjenti li jkollhom kumplikazzjonijiet kaġun tal-COVID-19? Jista’ jgħid sal-lum, minn meta tfaċċa l-ewwel każ tal-COVID-19 f’pajjiżna, kemm kienu l-pazjenti li ġew rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiza ta’ kull sodda għall-kull lejl fit-taqsima tal-kura intensiva hija ta bejn €1,325 - €1,500. Din hija figura medja li tvarja minn pazjent għall-ieħor. In-numru totali ta pazjenti li ġew rikoverati fl-ITU u li kellhom kumplikazzjoniiet ikkawzati mill-Covid-19 sal-Ġimgħa 20 ta’ Mejju kienu 352.