Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani fil-komunità – servizz ta’ fiżjoterapisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn fiżjoterapisti li jagħtu servizz lill-anzjani fil-komunità? Jista' jgħid jekk dawn jaħdmux full-time jew part-time? Jista' jgħid min jikkwalifika għal dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għandha 12-il fiżjoterapista li jagħtu servizz lill-anzjani fil-komunità. Tnejn minnhom jaħdmu fuq bażi part-time, waħda taħdem b’sigħat ridotti, tmienja fuq bażi full-time u oħra li bħalissa qiegħda fuq leave tal-maternità. Għal dan is-servizz huma eliġibbli anzjani li ma jistgħux joħorġu minn djarhom minħabba nuqqas ta’ mobbiltà u li għandhom 60 sena jew aktar. Dan is-servizz jiġi offrut ukoll lil dawk l-adulti li ma jistgħux joħorġu mid-dar minħabba xi mard serju jew diżabilità.

Anzjani fil-komunità – servizz ta’ podoloġisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn podoloġisti li jagħtu servizz lill-anzjani fil-komunità? Jista' jgħid jekk dawn jaħdmux full-time jew part-time? Jista' jgħid min jikkwalifika għal dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għandha tmien Podoloġisti jaħdmu fil-komunità. Sitta minn dawn jaħdmu fuq bażi full-time, waħda taħdem b’sigħat ridotti u oħra tinsab fuq leave tal-maternità. Għal dan is-servizz huma eliġibbli anzjani li ma jistgħux joħorġu minn djarhom minħabba nuqqas ta’ mobbiltà u li għandhom 60 sena jew aktar. Dan is-servizz jiġi offrut ukoll lil dawk l-adulti li ma jistgħux joħorġu mid-dar minħabba xi mard serju jew diżabilità.

Skejjel – Naxxar, Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Qawra – Preżenza tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux qed ikun hemm il-preżenza tal-Pulizija jew uffiċjali biex jikkontrallaw it-traffiku fil-ħinijiet tad-dħul u tal-ħruġ tat-tfal mill-iskola madwar l-iskejjel li hemm fil-lokalitajiet tan-Naxxar, Mellieħa u San Pawl il-Baħar (inkluż il-Qawra)? Jekk iva, jista’ jinforma lill-Kamra bil-ġranet u ħinijiet li fihom ikun hemm il-preżenza tal-pulizija jew uffiċjali għal kull skola fil-lokalitajiet imsemmija?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni relatata mitluba.

Legal Reform for the Tourism Industry

Question

Jista' l-Ministru jagħti aġġornament dwar jekk hemmx ħsieb li quddiem il-Kamra titressaq liġi bbażata fuq il-white paper 'Legal Reform for the Tourism Industry' li ġiet ippubblikata fl-2016, liema riforma kellha ssir skont il-Politika Nazzjonali tat-Turiżmu għall-Gżejjer Maltin li tnediet f’Marzu 2015?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-liġi se tkun qed titressaq quddiem din il-Kamra għall-ewwel qari qabel il-vakanzi tas-sajf.

Malta Metro — direct orders

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 122, 123, 124, 125, 126, 127, 128, 129, 130, 131, 132, 133, 134, 135, 136, 137, 138 u 139 u b’referenza għal diversi direct orders li ħareġ il-Ministeru li jaqa' taħt ir-responsabiltà tiegħu fit-8 ta’ Novembru 2021 lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid, għal kull direct order separatament: (a) fiex kien jikkonsisti x-xogħol relatat ma’ tali direct order? (b) jekk kienx hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi għal din id-Direct Order? (c) jekk l-ammont ta’ kull direct order hekk kif imsemmija fil-mistoqsijiet parlamentari indikati hawn fuq (u ċjoè d-direct orders bin-numri minn 52463 sa 52480) kenux jifformaw parti mis-somma ta’ €76,981.76 li ngħatat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22802 tat-13-il Leġiżlatura, u jekk le, x’inhi r-raġuni li dawn l-ispejjeż ma ġewx indikati fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 22802 tat-13-il Leġiżlatura meta fl-istess ġurnata li ngħatat ir-risposta (u ċjoè fit-8 ta’ Novembru 2021), ġew maħruġa dawn id-direct orders fil-Gazzetta tal-Gvern?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li t-total tan-nefqa għal din l-attività, li saret fuq medda ta’ 15-il ġurnata, kienet hekk kif dehret fil-Gazzetta tal-Gvern. Nirreferih ukoll għat-tweġiba Parlamentari numru 122, filwaqt li aktar tagħrif għadu qed jinġabar.

Skejjel primarji – studenti bis-servizz ta’ LSE

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 230, jista' l-Ministru jgħid kemm mit-3,864 student bis-servizz ta' LSE huma fl-iskejjel primarji?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn 3,864 student bis-servizz ta’ LSE, 2,097 huma fl-iskejjel primarji.

Eżamijiet orali tal-MATSEC – studenti li kienu kwarantina minħabba l-COVID-19

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jkunu kkumpensati l-istudenti li kienu kwarantina minħabba l-COVID-19 waqt l-orali tal-MATSEC u li minħabba f'hekk ma għamlux l-oral u allura tilfu l-marki tal-oral?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżamijiet tal-orali f'numru ta' suġġetti bdew it-Tnejn 21 ta' Marzu u baqgħu għaddejin sal-Ħamis 28 ta' April. F'bosta suġġetti jkun hemm aktar min ġurnata waħda fejn kandidat jista jkun skedat għall-eżami tal-orali. Għaldaqstant ħafna mill-istudenti li nqabdu f'kwaratina mandatorja ngħataw appuntament għal ġurnata oħra. Kienu biss 14-il kandidat li ma setgħux jingħataw appuntament ieħor f' ġurnata oħra. Għal dawn il-kandidati l-MATSEC ser jieħu l-passi neċessarji biex jiżgura li dawn ma jiġux żvantaġġati.

San Pawl il-Baħar/Qawra – Triq il-Luzzu u Triq l-Istamnar – zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jinforma jekk irċevix talba biex issir zebra crossing f’Dawret il-Qawra, preċizament bejn Triq il-Luzzu u Triq l-Istamnar, il-Qawra, San Pawl il-Baħar? Jekk iva fiex waslet din it-talba? Jekk le, tista’ tikkunsidra li hawnhekk issir zebra crossing sabiex tgħin lil persuni li jridu jaqsmu t-triq f’dawn l-inħawi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba għal zebra crossing fi Triq Dawret il-Qawra fiż-żona msemmija. L-awtorità ser tkun qed tinforma lill-kunsill lokali b’din it-talba ħalli jkun jista’ jissottometti applikazzjoni jekk meħtieġ.

IL-Mellieħa – Proġetti għal Fort Campbell

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar xi proġetti hemm ippjanati għal Fort Campbell (Fortizza ta’ Campbell, Selmun, Mellieħa), sabiex din ma tibqax titfarrak u titpoġġa għal xi użu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin studji mill-Awtorità kompetenti tal-Gvern li ngħatat l-inkarigu biex tistħarreġ il-potenzjal ta’ dan is-sit.

Toroq li se jkollhom dawl LED installati

Question

Tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni dwar liema huma t-toroq li fihom ġie installat dawl LED? Liema huma t-toroq li fihom hemm ippjanat li d-dawl jinbidel għal wieħed LED matul is-sena li ġejja? Liema huma t-toroq li fihom hemm ippjanat li d-dawl jiżdied permezz ta’ dawl LED matul is-sena li ġejja?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ toroq li fihom diġà ġie installat dawl LED. Fix-xhur li ġejjin se jkunu qed jitwettqu proġetti simili fi Triq ir-Repubblika u fit-triq ta’ madwar il-Belt Valletta, fi Triq il-Katakombi fis-Salina u fi Triq San Leonardu f’Ħaż-Żabbar. Din l-inizjattiva hija waħda kontinwa u timxi wkoll id f’id max-xogħol li tkun qed twettaq Infrastructure Malta. Barra minn hekk, qed jiġi installat dawl LED kull fejn ikun hemm il-ħtieġa ta’ bdil ta’ bozoz jew manutenzjoni oħra fid-dwal tat-toroq. Sadanittant, Enemalta plc qed tħejji pjan ta’ tliet snin sabiex id-dawl fit-toroq residenzjali jinbidel ukoll.

Toroq Arterjali u Distributorji – dawl LED

Question

Tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni jekk hemmx pjan kif it-toroq arterjali u distribitorji kollha jkollhom dawl LED? Jekk iva, meta hemm pjan li dan jitlesta? Jekk le, x’inhu l-pjan tal-Gvern dwar id-dawl fit-toroq arterjali u distributorji sabiex innaqqsu t-tniġġis ambjentali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 653.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Port Ruman – żona ta’ parkeġġ — indafa

Question

Jista’ l-Ministru jassigura li ż-żona tal-parkeġġ fi Triq il-Port Ruman, biswit l-iskola Primarja fil-Qawra, San Pawl il-Baħar, tinżamm nadifa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tindif ta’ din iż-żona jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u għaldaqstant nitlobha tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat. Ninfurmaha wkoll li kien hemm diversi okkażjonijiet fejn sar intervent fiż-żona mit-Taqsima tat-Tindif u Manutenzjoni sabiex din tinżamm nadifa. Hekk ser jibqa’ jsir sabiex l-indafa f’pajjiżna tkompli titjieb.

Birgu – Triq Sally Port — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar ix-xogħlijiet illi saru sa issa fi Triq Sally Port fil-Birgu? Jista’ jgħid x’inhu jsir bħalissa u x'se jkun qed isir fiż-żmien li ġej? Jista’ l-Ministru jagħti ħjiel meta huwa stmat li jkun lest il-proġett?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta lestiet madwar tliet kwarti tal-proġett ta’ €5 miljun biex tagħti ħajja ġdida lill-mollijiet fl-inħawi ta’ Sally Port, il-Birgu, bi prominad ġdid li se jkompli jestendi l-passaġġi pedonali max-xtut tal-Kottonera. Ix-xogħlijiet, li bdew ftit aktar minn sena ilu, issa qed jidħlu fl-aħħar fażijiet tagħhom. It-tisħiħ u l-bini mill-ġdid tal-pedamenti tal-mollijiet, li kienu tkissru bil-maltemp, dalwaqt ikunu lesti. Bħalissa l-ħaddiema qed ilestu l-burdura ta’ barra tal-moll (cope beam) u bdew jibnu l-passaġġi, punti ta’ qsim pedonali, bankini u konok għall-arbuxelli u pjanti oħrajn li se jkomplu jsebbħu l-passaġġi tal-prominad ġdid. Għaddej ukoll il-bini mill-ġdid ta’ żewġ skali u ta’ moll żgħir li jużaw is-sajjieda u d-dilettanti tad-dgħajjes f’dawn l-inħawi. Beda jasal ukoll fuq il-post il-ġebel tal-qawwi għall-pavimentar tal-bankini ġodda man-naħa tas-swar, li qed jinqata’ minn barriera lokali. Dawn il-mollijiet, b’tul ta’ madwar sitt grawnds tal-futbol (600 metru) jinsabu fiż-żona magħrufa bħala Sally Port jew “It-Toqba”, taħt is-swar tal-Birgu u mal-ġenb tax-xatt tal-Kalkara. Ħafna partijiet mill-istrutturi tagħhom kienu ġarrbu ħsarat kbar bil-maltemp matul is-snin. Il-mollijiet komplew tfarrku fil-grigalata kbira ta’ Frar 2019. Uħud spiċċaw f’riskju li jċedu, b’periklu għall-pubbliku. Infrastructure Malta bniet mill-ġdid il-partijiet li tkissru, filwaqt li permezz ta’ tim t’għaddasa, irranġat partijiet oħra mill-istrutturi tal-moll taħt l-ilma li ma kienx hemm għalfejn jinħattu kompletament. Għal dawn ix-xogħlijiet użat 6,720 tunnellata konkos ta’ kwalità ogħla li jiflaħ aktar għall-elementi tal-baħar, sabiex il-mollijiet ġodda jservu aktar fit-tul. Fil-ġimgħat li għaddew l-aġenzija naddfet din iż-żona minn għadd ta’ bastimenti żgħar li kienu tħallew mitluqin fuq il-mollijiet matul is-snin. Fost dawn kien hemm żewġ ilzuz (luzzu) u kajjik antiki li fuq pariri tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ser jinżammu biex fil-futur jiġu restawrati. It-tisbiħ ta’ dawn il-mollijiet qed isir f’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, li se tkompli ssebbaħ il-prominad bi ġnien bil-bandli u b’bankijiet, dwal dekorattivi u installazzjonijiet oħrajn għall-kumdità tal-pubbliku. Il-Korporazzjoni qed tagħmel tisbiħ simili ukoll max-Xatt tal-Kalkara, quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ din il-lokalità. Il-prominad ġdid ta’ Sally Port jinfed ukoll mal-Waterfront tal-Birgu fuq in-naħa l-oħra ta’ Forti Sant Anġlu, biex b’hekk joħloq rotta għall-mixi mill-isbaħ li tieħdok min-naħa ta’ Bighi fil-Kalkara lejn il-marina tal-Birgu, l-inħawi tal-Baċir Numru 1 f’Bormla, u tul ix-xatt tal-Isla sa ħdejn Boiler Wharf, taħt Ġnien il-Gardjola. Ix-xogħlijiet kollha mistennija jkunu lesti kmieni s-sena d-dieħla.

Trasport Pubbliku – rotta nru 62 – waqfa Ħesri

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex nhar il-Ħamis 19 ta' Mejju r-rotta tat-Trasport Pubbliku numru 62 li sservi bejn is-Siġġiewi u l-Belt Valletta, il-waqfa 'Ħesri' ġiet maqbuża?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-Awtorità ntalbet tivverifika l-fatti dwar dan l-ilment.

Trasport Pubbliku – rotta nru 62 – servizz mill-Blata l-Bajda direzzjoni Siġġiewi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex nhar il-Ħamis 19 ta' Mejju r-rotta tat-Trasport Pubbliku numru 62, li sservi bejn is-Siġġiewi u l-Belt Valletta, m’għadda l-ebda servizz mill-Blata l-Bajda direzzjoni lejn is-Siġġiewi bejn l-16:35 p.m. u l-17:20 p.m.?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li bejn 16:35p.m. u 17:20p.m. kienu skedati li jgħaddu minn fuq il-bus stop Blata il-Bajda tliet vjaġġi hekk kif ġej • 16:41p.m • 17:01p.m. • 17:21p.m. Il-vjaġġ tal-16:41 wasal il-Belt Valletta tard u għaldaqstant il-vjaġġ ma laħħaqx mal-iskeda. Il-vjaġġ tal-17:01p.m. opera fil-17:21p.m. filwaqt li l-vjaġġ li kien skedat li jgħaddi fil-17:21p.m. għadda tmintax-il minuta tard.

Trasport Pubbliku – Rotta nru 62

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ istanzi mill-bidu tas-sena sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda, meta s-servizz tat-Trasport Pubbliku Rotta nru 62 ma rrispettatx l-iskeda stabbilità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-livell ta’ affidabbiltà fuq ir-rotta 62 mill-bidu tas-sena sat-23 ta’ Mejju 2022 kien kif muri fit-tabella sussegwenti: Xahar Medja tal- Livell ta’ Affidabilita` Jannar 98.43% Frar 99.37% Marzu 99.33% April 99.44% Mejju 99.47% Infurmat ukoll li l-informazzjoni tiġi miġbura permezz ta’ apparat tal-GPS li hemm fuq kull karozza tal-linja li topera fuq is-servizz tat-trasport pubbliku.

Enemalta – rapport intern dwar il-wind farm fil-Montenegro

Question

B'risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 19043 tat-13-il Leġiżlatura, fil-15 ta' Frar 2021, il-Ministru kienet infurmat lill-Kamra li r-rapport intern li għamlet l-Enemalta dwar il-proċess tal-wind farm fil-Montenegro ġie mgħoddi lill-Pulizija, u għaldaqstant tista' issa l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan ir-rapport?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 19043 fit-13-il Leġiżlatura.

Enemalta – rapport intern dwar il-wind farm fil-Montenegro – investigazzjoni tal-Pulizija

Question

B'risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 19043 tat-13-il Leġiżlatura, fil-15 ta' Frar 2021 il-Ministru tal-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli kienet infurmat lill-Kamra li r-rapport intern li għamlet l-Enemalta dwar il-proċess tal-wind farm fil-Montenegro ġie mgħoddi lill-Pulizija u għaldaqstant jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra fiex waslet l-investigazzjoni tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru ma jkunx infurmat bl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

European Child Guarantee

Question

B'referenza għall-European Child Guarantee, inizjattiva li tiggarantixxi li tfal fil-bżonn ikollhom aċċess għal servizzi essenzjali u b'hekk timpedixxi u tiġġieled il-faqar fost it-tfal, u peress li din kienet imħabbra mill-Kummissjoni Ewropea fl-2019 u ġiet adottata mill-Kunsill tal-Ewropa f'Ġunju 2021 u kull stat membru kellu jissottometti National Action Plan sa Marzu 2022, jista' l-Ministru jgħid: 1. Jekk dan sarx minn Malta; 2. Jekk le, min ser ikun involut fit-tfassil ta' dan il-pjan; u 3. Meta se jitlesta?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, l-Gvern qed jiddiskuti l-abbozz hekk imsejjaħ National Action Plan dwar il-European Child Guarantee li mistenni ikun lest sa Ġunju.