Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm seħħew imwiet f'pajjiżna kawża ta' suwiċidju f'persuni ta' 18-il sena u inqas fl-aħħar tliet snin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont ir-Registru Nazzjonali tal-Imwiet, bejn l-2019 u l-2021 kien hemm żewg imwiet f'pajjiżna kawża ta' suwiċidju f'persuni ta' 18-il sena u inqas.
Flus miġbura minn persuni li nqabdu jużaw il-mobile waqt li kienu qed isuqu
Question
Jista’ l-Ministru jindika kemm inġabru flus is-sena l-oħra mingħand dawk il-persuni li nqabdu jużaw il-mobile phone tagħhom waqt li kienu qegħdin isuqu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Matul is-sena 2021, tħallsu 9,599 kontravenzjoni marbuta mal-użu ta’ mobile phone waqt is-sewqan. It-total tal-valur imħallas jammonta għal €971,781.52
Amministrazzjoni tal-Qorti – Infiq ta’ flus fl-akkomodazzjoni ta’ Membri tal-Ġudikatura
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija numru 24449 tat-13-il Leġiżlatura u jgħid kemm intefqu flus mill-amministrazzjoni tal-Qorti kemm f'Malta kif ukoll f’Għawdex, sena b'sena, f’akkomodazzjoni f'lukandi ta' Membri tal-Ġudikatura meta jkunu qed jaqdu dmirhom f'xi gżira partikolari mis-sena 2010 sas-sena 2021?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella dwar kemm intefqu flus fuq akkomodazzjoni meta Membri tal-Ġudikatura jkunu qed jaqdu dmirhom f'xi gżira partikolari, primarjament ġewwa Għawdex, mis-sena 2010 sas-sena 2021.
SenaAmmont
2010€1,268.6
2011€1,251.7
2012€5,165.9
2013€5,747.8
2014€2,343.1
2015€3,847.2
2016€4,257.3
2017€4,183.6
2018€2,841.6
2019€4,025.6
2020€5,200.2
2021€6,144.7
Jista' l-Ministru jgħid meta se tibda r-riforma fin-natura tal-Fond ta’ Kontinġenza stabbilit fil-Kostituzzjoni sabiex tibda titpoġġa fih parti mid-dħul annwali tal-Gvern?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi għadu prematur sabiex wieħed jibda jiddiskuti din il-materja.
Jista’ l-Ministru jgħid minn ta l-ordni u għaliex reġa’ sar it-tħaffir mill-ġdid, biex jerġa’ jaqla’ xogħol li kien diġà sar fi Triq il-Kbira, Mosta għad-detriment tar-residenti u negozji, l-aktar għar-residenti ta’ djar antiki?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Infrastructure Malta qed tlesti l-bini mill-ġdid ta’ Triq Il-Kbira li testendi kilometru minn Ta’ Qali sal-pjazza tal-Mosta.
L-ewwel nofs tal-bini mill-ġdid ta’ din it-triq tlesta f’Marzu 2021 u x-xogħlijiet fit-tieni nofs bdew immedjatament wara. Minħabba li kien ilha għexieren ta’ snin ma tinbena mill-ġdid, it-triq kellha ħsarat estensivi fil-wiċċ tagħha u l-bankini, filwaqt li kellhom jinbidlu s-sistemi tas-servizzi taħt l-art, inkluż il-katusi tad-drenaġġ u l-pajpijiet tal-ilma. Fil-fatt, Infrastructure Malta poġġiet aktar minn erba’ kilometri ta’ sistemi ġodda taħt l-art, u għad-drenaġġ kellhom jitħaffru trinek żewġ sulari fond taħt il-wiċċ tat-triq. L-aġenzija introduċiet ukoll sistema estensiva ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita li għaliha wkoll ġew mgħoddijin katusi kbar taħt l-art.
Peress li din it-triq hija dejqa, dawn is-servizzi ġodda kollha taħt l-art kellhom jiġu installati b’mod delikat ħdejn jew fuq xulxin, mingħajr ma jfixklu s-sistemi l-qodma li baqgħu jintużaw biex jagħtu servizz lill-binjiet taż-żona, sakemm is-sistemi ġodda tpoġġew f’posthom.
Ix-xogħlijiet kollha oriġinarjament ippjanati minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid din it-triq kienu skedati li jkunu lesti sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Fil-fatt, l-aġenzija diġà lestiet ix-xogħlijiet kollha tagħha ħlief għat-tqegħid finali tal-asfalt fl-aħħar parti tat-triq.
Madankollu, fl-aħħar xhur, hekk kif ix-xogħlijiet kienu waslu biex jitlestew, il-Kunsill Lokali tal-Mosta ordna diversi xogħlijiet addizzjonali f’din l-aħħar parti tat-triq, l-eqreb tal-pjazza. Dawn jinkludu culverts taħt il-bankini biex il-wires li hemm mal-faċċati tad-djar jitniżżlu taħt l-art, kif ukoll pavimentar bil-ġebla tal-qawwi għall-bankini l-ġodda. Infrastructure Malta se tlesti l-bini mill-ġdid tat-triq bl-aħħar xogħlijiet tal-asfalt hekk kif ix-xogħlijiet addizzjonali ordnati mill-Kunsill Lokali jkunu lesti lejn l-aħħar tas-sajf. Ix-xogħlijiet tal-asfalt kellhom jiġu posposti biex il-wiċċ il-ġdid tat-triq ma ssirlux ħsara bix-xogħlijiet li ġew miżjudin.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju għall-proġett ta’ Triq il-Kbira fil-Mosta u jekk hux vijabbli li jniżżlu l-cables tad-dawl taħt il-bankini, liema bankini jinsabu fuq blat iebes? Jista’ l-Ministru jispjega dan il-proċess?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninformat lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 497, peress li x-xogħol indikat ġie ppjanat mill-Kunsill Lokali, din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
Mosta – Triq il-Kbira – kumpens għad-danni għar-residenti u negozji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex se jikkunsidra li joffri kumpens għad-danni lir-residenti u n-negozji li hemm fi Triq il-Kbira ġewwa l-Mosta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Infrastructure Malta qed tlesti l-bini mill-ġdid ta’ Triq Il-Kbira li testendi kilometru minn Ta’ Qali sal-pjazza tal-Mosta.
L-ewwel nofs tal-bini mill-ġdid ta’ din it-triq tlesta f’Marzu 2021 u x-xogħlijiet fit-tieni nofs bdew immedjatament wara. Minħabba li kien ilha għexieren ta’ snin ma tinbena mill-ġdid, it-triq kellha ħsarat estensivi fil-wiċċ tagħha u l-bankini, filwaqt li kellhom jinbidlu s-sistemi tas-servizzi taħt l-art, inkluż il-katusi tad-drenaġġ u l-pajpijiet tal-ilma. Fil-fatt, Infrastructure Malta poġġiet aktar minn erba’ kilometri ta’ sistemi ġodda taħt l-art, u għad-drenaġġ kellhom jitħaffru trinek żewġ sulari fond taħt il-wiċċ tat-triq. L-aġenzija introduċiet ukoll sistema estensiva ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita li għaliha wkoll ġew mgħoddijin katusi kbar taħt l-art. Peress li din it-triq hija dejqa, dawn is-servizzi ġodda kollha taħt l-art kellhom jiġu installati b’mod delikat ħdejn jew fuq xulxin, mingħajr ma jfixklu s-sistemi l-qodma li baqgħu jintużaw biex jagħtu servizz lill-binjiet taż-żona sakemm is-sistemi ġodda tpoġġew f’posthom.
Ir-residenti u n-negozji ta’ din it-triq ser igawdu infrastruttura aħjar għal ħafna snin li ġejjin, kif ukoll titjib fil-proviżjoni tas-servizzi li jservu l-istess triq, u li l-pajpijiet u cables tad-distribuzzjoni tagħhom qed jinbidlu u jissaħħu permezz ta’ dan il-proġett.
Ix-xogħlijiet kollha oriġinarjament ippjanati minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid din it-triq kienu skedati li jkunu lesti sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Fil-fatt, l-aġenzija diġà lestiet ix-xogħlijiet kollha tagħha ħlief għat-tqegħid finali tal-asfalt fl-aħħar parti tat-triq.
Madankollu, fl-aħħar xhur, hekk kif ix-xogħlijiet kienu waslu biex jitlestew, il-Kunsill Lokali tal-Mosta ordna diversi xogħlijiet addizzjonali f’din l-aħħar parti tat-triq, l-eqreb tal-pjazza. Dawn jinkludu culverts taħt il-bankini biex il-wires li hemm mal-faċċati tad-djar jitniżżlu taħt l-art, kif ukoll pavimentar bil-ġebla tal-qawwi għall-bankini l-ġodda. Permezz ta’ dan ix-xogħol addizzjonali, it-triq ser tkompli tieħu dehra aħjar, b’ambjent isbaħ għal dawk kollha li jgħixu fiha jew jivvjaġġaw minnha b’mezzi differenti.
Infrastructure Malta se tlesti l-bini mill-ġdid tat-triq bl-aħħar xogħlijiet tal-asfalt hekk kif ix-xogħlijiet addizzjonali ordnati mill-Kunsill Lokali jkunu lesti lejn l-aħħar tas-sajf. Ix-xogħlijiet tal-asfalt kellhom jiġu posposti biex il-wiċċ il-ġdid tat-triq ma ssirlux ħsara bix-xogħlijiet li ġew miżjudin.
Ikun apprezzat jekk jiġi ċċarat x’inhuma eżattament id-danni li qed issir referenza għalihom.
Jista’ l-Ministru jispjega d-deċiżjoni li jgħaddu l-ilma minn Triq il-Kbira għall-pjazza, meta jeżisti Wied fl-inħawi? Jista’ jgħid għaliex ser jitwalu l-mili tat-toroq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita fit-triq indikata se tingħaqad ma’ sistema oħra li se ssir bħala parti minn proġett separat fi Triq il-Kostituzzjoni biex l-ilma jitwassal fil-wied viċin. Fil-fatt, is-sistema ġiet iddisinjata mill-iStorm Water Unit tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi bħala parti mis-sistema sħiħa tal-inħawi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq qed isiru fil-preżent fil-lokalità ta’ Marsaxlokk? X’toroq ser isiru fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Marsaxlokk diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq il-Patrijiet Tereżjani, Triq iż-Żejtun (it-triq ewlenija lejn Marsaxlokk), triq ġdida fi Triq tas-Silġ (fil-viċinanzi ta’ Triq l-Avukat Camrelo Caruana), Triq Duncan, triq ġdida fi Triq Tas-Silġ (fil-viċinanzi ta’ Triq Abdosir), Triq l-Għoljiet ta’ Guno, Triq il-Kavallerizza, Triq il-Wilġa, Triq Santa Katerina, Sqaq Umbrella, Triq Xrobb l-Għaġin u t-triq li twassal għall-Fanal ta’ Delimara.
Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq il-Kajjik, Triq iċ-Ċippi, triq bla isem ħdejn l-Island Sanctuary, triq rurali li twassal għal Delimara, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq Delimara, fiż-żona tal-Magħluq, Triq 8 ta’ Mejju u Triq iż-Żejtun (triq rurali).
Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq qed isiru fil-preżent fil-lokalità ta' Ħal Għaxaq? X’toroq ser isiru fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Ħal Għaxaq diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Santa Marija, Triq il-Gudja, Triq iż-Żejtun, Triq Ġammari Dalli, Triq Valletta, il-Bypass ta’ Ħal Għaxaq u triq biswitha, Triq Ġużeppi D’Arena, triq ġdida fi Triq il-Balklor, Triq l-Ewwel ta’ Jannar 1626, Triq il-Merill, Triq tal-Gewwinija, Triq Dun M Schiriha, Triq tal-Qattus, Triq Dun V Scicluna Hernandez, Sqaq il-Bajtar u Triq tat-Talb.
Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq San Filippu, Misraħ San Filippu, Triq Tgeżwira u Trejqet Santu Kristu, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol ta’ titjib fil-junctions Tal-Barrani, Triq Tal-Balklor, Triq Dun Marcell Mallia u Triq Dun Mattew Schiriha.
Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq qed isiru fil-preżent fil-lokalità ta' Marsaskala? X’toroq ser isiru fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Marsaskala diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq il-Buttar u triq ġdida fiha, Triq il-Qaliet, Xatt il-Batterija ta’ Rihama (Bajja ta’ San Tumas), Triq Thomas Ashby, Triq il-Vjola, Triq il-Kavallieri ta’ Malta, Triq Btieti, Triq ir-Ridott, Triq La Sengle u Triq San Ġwakkin.
Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq tal-Gardiel, Triq San Nikola, Triq id-Difiża Kostali u fil-Bypass l-antika li minn Ħaż-Żabbar twassal għal Marsaskala, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq in-Naspli, Triq Patri Wistin Born, Triq Giuseppe Zammit, fiż-żona taż-Żonqor u Ta’ Monita.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir jew ser isir xi tkabbir tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex tkun tista’ tagħmel tajjeb għan-numru ta’ priġuniera?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li preżentament qed isir xogħol fuq ic-ċentru rijabilitattiv, li ser ikun l-ewwel tax-xorta tiegħu fil-konfini tal-faċilità għal madwar 140 persuna, u dan hekk kif tħabbar fil-baġit għas-sena 2022.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 173, mit-total ta’ 1741 rapport ta’ vjolenza domestika, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn waslu għall-proċeduri fil-Qorti? Kemm minn dawn il-każijiet kienu rapporti ta’ vjolenza fuq nisa? Kemm minn dawk il-każijiet li tressqu l-Qorti, ġew deċiżi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riforma u l-Ugwaljanza — persons of trust
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu persons of trust jaħdmu fi ħdan il-Ministeru tiegħu fid-data ta’ meta qed tingħata t-tweġiba għal din il-mistoqsija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li fil-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza hemm disa’ (9) persons of trust.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni intitolati għad-Disability Card li jagħmlu użu mis-servizz tal-inkontinenza u jingħataw ħrieqi b'xejn?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għandha 3,982 benefiċjarji li għandhom id-Disability Card u qed jingħataw il-prodotti ta’ kontinenza b’xejn.
Anzjani li jagħmlu użu mis-servizz tal-inkontinenza – għotja ta’ ħrieqi sussidjati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li jagħmlu użu mis-servizz tal-inkontinenza u jingħataw ħrieqi ssussidjati? Jista' jgħid kemm hu s-sussidju li jingħataw fuq dawn il-ħrieqi?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għandha 2,442 anzjani li jagħmlu użu mis-servizz tal-inkontinenza u jingħataw ħrieqi ssussidjati.
Is-sussidju li jingħata fuq kull prodott huwa kif ġej:
Ħarqa: 8 ċenteżmi
Pull up: 15-il ċenteżmu
Pads tan-nisa: 3 ċenteżmi
Pads tal-irġiel: 8 ċenteżmi
Inco-sheets: 3 ċenteżmi
Jista' l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx ħrieqi disponibbli għall-klijenti li jagħmlu użu mis-servizz tal-inkontinenza? Jekk le, jista' jgħid minn meta ilhom out of stock u meta se jerġgħu jibdew jingħataw? Jekk bħalissa l-ħrieqi huma disponibbli, jista' jgħid jekk kienx hemm perjodu din is-sena li kienu out of stock, meta kien dan il-perjodu u kif ġew moqdija l-klijenti li jagħmlu użu mill-ħrieqi waqt dan in-nuqqas?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għalkemm ix-xahar li għadda kien hemm ittardjar fil-provvisti tal-ħrieqi, fl-ebda ħin ma kien hemm xi prodott out of stock. Id-dewmien kien ikkawżat minn nuqqas ta’ trasport tal-merkanzija lejn Malta b’riżultat taċ-ċirkostanzi internazzjonali. Is-sitwazzjoni mistennija lura għan-normal fi żmien ġimagħtejn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn dieticians li jmorru fid-djar tal-anzjani fil-komunità? Jista' jgħid jekk dawn jaħdmux fuq bażi full-time jew part-time? Jista' jgħid min jikkwalifika għal dan is-servizz?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għandha Dietician waħda fuq bażi full time u tnejn oħra fuq bażi part-time li jmorru fid-djar tal-anzjani fil-komunità.
Għal dan is-servizz huma eliġibbli anzjani li ma jistgħux joħorġu minn djarhom minħabba nuqqas ta’ mobbiltà u li għandhom 60 sena jew aktar. Dan is-servizz jiġi offrut ukoll lil dawk l-adulti li ma jistgħux joħorġu mid-dar minħabba xi mard serju jew diżabilità.