Jista’ l-Ministru jipprovdi r-rati li jiġu ċċarġjati producers Maltin sabiex jagħmlu użu mit-tankijiet tal-ilma fil-Malta Film Studios?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Malta Film Studios jilqa’ talbiet minn kwalunkwe produttur - kemm lokali u kemm barrani. Minħabba li kull proġett imressaq lejn il-Malta Film Studios huwa wieħed ta’ natura kreattiva jkun jeħtieġ li wieħed jara eżattament liema faċilitajiet, uffiċini, spazji, riżorsi umani u fuq kollox it-tul ta’ żmien li huma bżonjużi u adegwati għall-proġett imsemmi. Dan l-eżerċizzju jsir kull darba li ssir rikjesta minn produttur partikolari.
Meta jsir dan l-eżerċizzju, il-Malta Film Studios tissupplixxi rata indikattiva bbażata fuq id-diskussjonijiet li jkunu saru. Ir-rati mogħtija huma ta’ natura kummerċjali u għalhekk suġġetti għal tibdil kontinwu minn sena għal oħra, anke minħabba t-tisħiħ fl-infrastruttura li qiegħda ssir.
Produtturi barranin, u issa wkoll anke dawk lokali, huma eliġibbli għal inċentivi fiskali b’saħħithom li toffri l-industrija tal-films f’Malta permezz tal-linji gwida u kriterji aċċessibbli għal dawn l-istess produtturi.
Ta’ min jirrimarka li l-aħħar investiment li sar fil-Malta Film Studios kien madwar 40 sena ilu u propju issa l-Gvern nieda masterplan tal-Malta Film Studios ibbażat fuq investiment ta’ €35 miljun. Waqt il-perjodu tal-pandemija tal-COVID-19, l-industrija tal-films iġġenerat aktar minn mitt miljun fl-ekonomija Maltija.
Birkirkara, Ħal Lija, Ħal Balzan u l-Iklin — xogħlijiet - skeda
Question
Jista’ l-Ministru jagħti skeda ta’ xogħlijiet ta’ titjib u asfaltar fit-toroq ta’ Birkirkara, Ħal Lija, Ħal Balzan u l-Iklin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Fil-lokalità ta’ Birkirkara diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq is-Santwarju, Triq Mike Pulis, Triq il-Ferrovija l-Antika, Triq Tumas Fenech, Triq il-Ħerba, Triq l-Isqof Labini, Triq Anġlu Mallia, Triq Ċensu Costa, Triq Kan. Karmenu Pirotta, Triq Robert Farrugia Randon, Triq Ġorġ Borġ u Triq Sisla, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiz-zmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq in-Naxxar, Triq Papa Urbanus VIII u Triq Mons Alfred Mifsud.
Fil-lokalità ta’ Ħal Lija diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Ferdinand Grech, Triq Carlo Darmanin, Triq Ugo Mifsud, Triq Annibale Preca u fi triq ġdida fi Triq il-Mosta, bħalissa qegħdin isiru Triq R Barbaro, Triq Ħal Bordi, Triq Cottoner, Triq tal-Mirakli, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiz-zmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq is-Salvatur u Triq il-Kbira.
Fil-lokalità ta’ Ħal Balzan diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq il-Ferrovija l-Antika, Triq it-Tabib J Zammit, Triq Sir Antonio Micallef, Triq il-Qarċilla, Triq l-Għerusija u Triq il-Wied, waqt li diġà hemm ippjanati biex fi¿-¿mien li ġej jibda x-xogħol fi Triq Balaguer u Triq Sigismondo Dimech.
Fil-lokalità tal-Iklin diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq il-Prinjol, Triq il-Bruka, Triq Ħwawar u triq bla isem ħdejha, triq oħra bla isem ħdejn Triq Erin Seracino Inglott u Triq il-Wied, waqt li diġà hemm ippjanat biex jibda x-xogħol fi Triq Geromino Abos.
Ħal Balzan — Triq il-Kannizzata u Triq il-Kbira - xogħlijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi n-natura tax-xogħlijiet li saru fi Triq il-Kannizzata u Triq il-Kbira Ħal Balzan u r-raġuni għaliex dawn ix-xogħlijiet baqgħu għaddejjin sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu? Tista' tgħid jekk il-Kunsill ta’ Ħal Balzan u r-residenti ta’ dawn it-toroq kinux infurmati b’dawn ix-xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru mill-Enemalta kienu parti mill-programm vast ta’ xogħlijiet li qed isiru f’diversi bnadi tal-pajjiż għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu tħaffir ta’ trinek u tqiegħed ta’ cables ġodda. B’dan il-proġett, ir-residenti ser ikollhom stabbiltà fil-provvista tal-elettriku. Wara dawn ix-xogħlijiet kellu isir l-asfaltar tul il-wiesa tat-triq kollha. Biex tagħmel dawn ix-xogħlijiet, l-Enemalta dejjem titlob il-permessi meħtieġa minn Transport Malta. Minħabba li din hija triq traffikuża u hija rotta għal karozzi tal-linja, l-permess ngħata bil-kundizzjoni li x-xogħol isir bejn it-tmienja ta’ filgħaxija u l-ħamsa ta’ filgħodu.
Jista’ l-Ministru jgħid:
A. Id-data li fiha ħarġet is-sejħa għall-Chief Operations Officer (COO) fl-Aġenzija Malta Libraries;
B. Fejn ġiet ippubblikata;
C. X’rekwiżiti ntalbu fis-sejħa għall-istess COO.;
D. Minn min kien kompost il-bord tal-għażla, u fuq liema kompetenza;
E. Kemm applikaw kandidati;
F. Min kien il-kandidat jew kandidata li ntagħażlet;
G. Xi kwalifiċi għandu jew għandha fix-Xjenzi tal-Libreriji u Arkivji;
H. X’kienu x-xogħlijiet preċendenti tal-kandidat magħżul; u
I. Minn meta beda t-terminu tiegħu/tagħha fil-Malta Libraries?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li il-pożizzjoni ta’ Chief Operations Officer (COO) ma’ Malta Libraries ġiet mimlija skont id-Direttiva Nru 7 (Delegation of Authority to Recruit in the Public Sector Entities) nhar it-23 ta’ Novembru 2020 u dan għal perjodu ta’ tliet snin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ser idum barra mis-servizz ir-raba' vapur tal-Gozo Channel? Jista' jgħid għaliex qiegħed barra mis-servizz? Jista' jgħid fejn sar ix-xogħol li kien neċessarju fuq dan il-vapur? Jista' jgħid sa meta huwa l-kuntratt għall-kiri ta' dan ir-raba' vapur?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vapur Nikolaos daħal id-drydocks ta’ Chalkida l-Greċja biex isirulu ispezzjonijiet annwali. Il-vapur wasal lura Malta nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Mejju u beda jopera mill-ġdid dakinhar stess.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 521, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Fid-dawl tal-periklu reċenti tas-sigurtà fejn struttura kbira ta’ scaffolding kważi waqgħet fit-triq u l-bankina fil-Balluta, u fid-dawl tat-tixrid reċenti ta’ skart mill-istess proġett li tniġġes il-Bajja tal-Balluta, jista’ l-Ministru jispjega:
a. x’miżuri ttieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà tan-nies li jimxu fuq il-bankina u l-karozzi li jgħaddu fit-Triq it-Torri; u
b. x'miżuri ttieħdu biex ma jkunx hemm aktar skart imxerred fil-Bajja tal-Balluta minn dan il-proġett?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Infurmat li l-OHSA ħadet passi immedjati biex l-armar inkwestjoni jkun marbut b’mod sigur.
B’referenza għat-tieni mistoqsija dwar kontroll tal-iskart fil-Bajja tal-Balluta, il-kontroll tal-iskart u t-tniġġiżs huwa fir-responsabbilità tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u għaldaqstant tali mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.
Tas-Sliema — bdil ta' railings mal-promenade bejn Fond Għadir u l-Waterpolo pitch
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu sostitwiti r-railings tal-promenade f’Tas-Sliema, bejn Fond Għadir u l-Waterpolo Pitch ta’ Tas-Sliema, li huma kollha sadid?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru kkonċernat.
Aġenzija tal-Infurzar Lokali — kunsilli lokali - għajnuna
Question
Jista’ l-Ministru jispjega kemm-il Kunsilli Lokali rċieva għajnuna mill-fondi tal-Aġenzija għall-Infurzar Lokali? Jista’ jindika x’tip ta’ proġetti saru b’din l-għajnuna?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li
l-aġenzija sal-lum ikkommettiet ruħa diġà fuq 41 proġett b’valur totali ta’ € 2,316,028.56. Dawn il-proġetti jagħmlu parti mill-iskema maħruġa fl-2021, liema skema hija mqassma fuq tliet snin. F’din l-iskema l-aġenzija allokat mhux inqas minn tliet miljun ewro.
Mill-applikazzjonijiet tal-2021, u tal-2022, intgħażlu 38 Kunsill Lokali, 2 Kunsilli reġjonali, kif ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Il-proġetti jvarjaw, u jinkludu:
- żviluppi ta’ spazji pubbliċi miftuħa ġodda,
- titjib ta’ spazji pubbliċi miftuħa eżistenti,
- proġetti ta’ restawr ta’ wirt kulturali u nazzjonali,
- titjib u żvilupp ta’ ġonna, playing fields, outdoor gyms,
- żviluppi ta’ żoni pedonali,
- pavimentar ta’ sqaqien pedonali,
- xiri ta’ vetturi elettriċi u scooters għall-użu tal-komunità,
- proġetti ta’ sigurtà, u
- proġetti ta’ ndafa u ambjent bħal bini ta’ bring in sites taħt l-art.
Jista’ l-Ministru jispjega x-xogħol tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità? Kemm assistiet persuni fi żmien li ilha taħdem?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità ġiet imwaqqfa permezz tal-A.L. 418/2020 u bdiet topera f’Jannar tal-2021. L-iskop ewlieni tal-Aġenzija hu li taġixxi ta’ vuċi għall-vittmi tal-kriminalità, tgħinhom sabiex jegħlbu t-trawma li toriġina minn fastidju kriminali u toffri s-sapport kollu neċessarju sabiex l-istess vittma tikseb lura kwalità ta’ ħajja aħjar. L-aġenzija toffri wkoll servizz ta’ sapport emozzjonali, informazzjoni u gwida legali lil vittmi tal-kriminalità. Dan is-servizz huwa b’xejn u jingħata b’mod kunfidenzjali.
Din l-aġenzija tħaddan fiha membri mill-Korp tal-Pulizija mill-unità tas-support lill-vittmi, membri mid-dipartiment tal-probation & parole, professjonisti oħra fil-qasam tal-psikosoċjal u dawk legali, kif ukoll uffiċċjali pubbliċi fl-amministrazzjoni.
Dan l-aħħar, l-istess aġenzija estendiet is-servizz tagħha permezz tal-ftuħ ta’ ċentru reġjonali f’Għawdex u ieħor ġewwa l-lokalità ta’ Santa Luċija.. Permezz tal-ftehim li ntlaħaq ma’ dawn l-organizazzjoni, l-aġenzija għandha ukoll l-possibilità li tagħmel skambju ta’ tagħlim u taħriġ sabiex issaħħaħ l-għarfien fuq is-suġġett.
Sa mill-ftuħ tagħha, l-Aġenzija assistit ’il fuq minn elf u sitt mitt (1600) vittma tal-kriminalità.
Jista’ l-Ministru jispjega kemm hemm pulizija jaħdmu fit-timijiet tal-pulizija tal-komunità? Kemm hemm lokalitajiet li huma koperti u jekk hemmx pjan li jiżdiedu iktar lokalitajiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi bħalissa hemm tnejn u tmenin uffiċjal tal-Pulizija li jaħdmu fit-taqsima tal-Komunità. Sal-lum il-lokalitajiet koperti huma l-erbatax (14)-il lokalita kollha ġewwa Għawdex u sebgħa u għoxrin (27) lokalita f’Malta. Hu previst illi sal-aħħar tas-sena, sbatax (17) il-lokalità oħra jkunu koperti.
Korp tal-Pulizija — każijiet ta' Vjolenza Domestika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm assistiet persuni t-Taqsima tal-Korp tal-Pulizija maħsuba biex taħdem fuq każi ta’ vjolenza domestika?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Jekk l-Onor. Interpellant qed tirreferi għall-persuni li ġew assistiti mit-taqsima ta’ kontra r-reati ta’ vjolenza domestika fi ħdan il-Korp matul din is-sena u mhux ħaġa iktar ħolistika, infurmat li bejn Jannar 2022 u l-25 ta’ Mejju 2022 it-taqsima rċiviet sitt mija u dsatax-il rapport (619).
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — xiri ta' vetturi ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar investiment fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-aħħar tliet snin, b’mod partikolari f’dak li hu xiri ta’ vetturi ġodda li mhux biss joffru iktar sigurtà għas-soċjetà, iżda wkoll għodda aħjar għall-ħaddiema?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi r-risposta għal mistoqsija parlamentari numru PQ758 hija li f’dan l-aħħar tliet snin sar dan l-investiment kif riprodotta fit-tabella hawn taħt:
Sena
Vettura
Numru Mixtri
2022
Grass Fire
2
2022
Heavy Rescue
1
2022
Hydraulic Platform 70m
1
2022
Road Rescue Vehicle
4
2022
Mini Bus
2
2022
Fast Hazmat Response
1
2022
Rhib 2.5
1
2021
Domestic Fire Engines
2
2021
Lighting Unit
1
2021
Industrial Fire Engine
1
2021
Hybrid SUV
3
2021
Light Fire Engines
5
2020
Rotating Telehandlers
2
2020
Pickups
2
2020
RHIB 10.5m
1
2020
Industrial Water Carriers
6
2019
Turn Table Ladder 32m
1
2019
Divers Van
2
2019
Van
2
2019
Drone Technical Van
1
2019
Hi-Up 28T
1
2019
Hi-Up 15T
1
2019
Flatbed Cargo Box
1
2019
Fork Lifter
2
2019
Hazmat Equipment
1
It-Total ta’ dan l-investiment f’dawn il-vetturi huwa €11,650,150.53 u din il-figura ma tinkludix VAT jew taxxi addizzjonali oħra
Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023 — investiment fl-infrastruttura
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’inhu l-investiment fl-infrastruttura għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-investiment fl-infrastruttura għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023 huwa stmat li se jammonta għal madwar €37.34 miljun.
Fost diversi interventi, dan l-investiment kien jinvolvi xogħol ta’ rinnovazzjoni ġewwa l-kumpless Sportiv tal-Kottonera li jinkludi wkoll l-Indoor Pool bi stima totali ta €17.1 miljun (incl. VAT); xogħol fil-kumpless sportiv tal-Marsa li jinkludi wkoll it-trakka tal-atleti, ċentru ġdid tal-isquash kif ukoll faċiltajiet oħra anċillari bi stima totali ta €17.35 miljun (incl. VAT) kif ukoll ċentru ġdid tat-Tennis ġewwa Pembroke bi stima ta €2.89 miljun (incl. VAT).
Indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-awtorità kompetenti għal finijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/784 tad-29 ta’ April 2021 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi nbdew il-proċeduri legali neċessarji sabiex jiġi provdut illi l-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali kif ukoll il-Pulizija, jkunu nnominati l-awtoritajiet kompetenti għal finijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/784 tad-29 ta’ April 2021 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 265, li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu, u jqis li jsir il-bdil leġiżlattiv meħtieġ fir-Regolamenti Dwar id-Drittijiet li Jitħallsu fid-Dipartimenti tal-Gvern L.S. 35.01, fejn f’uħud mid-drittijiet hemm elenkati fattwalment li jrid jinġabru minn awtoritajiet pubbliċi u mhux minn Dipartimenti tal-Gvern, kif ukoll fejn f’xi istanzi d-drittijiet inkwistjoni huma elenkati taħt Ministeri li jew in-nomenklatura tagħhom inbidlet, jew m’għadhomx jeżistu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi attwallment qiegħed isir eżerċizzju ħolistiku rigward emendi neċessarji fil-Liġijiet ta’ Malta, u f’dan l-istadju qegħdin jingħataw prominenza liġijiet li t-tbidil tagħhom huwa sostanzjalment sinifikanti aktar mill-materja li dwarha tittratta din il-Liġi Sussidjarja. It-tibdil, kemm-il darba jkun meħtieġ, ta' dina l-liġi sussidjarja, iseħħ fi żmien opportun.
Billi tneħħa Bus Shelter li kien iffrekwentat minn għadd ta' residenti fi Triq Ineż Soler, Santa Luċija, jista' l-Ministru jagħti rendikont lil din il-Kamra bir-raġuni l-għala ttieħdet tali deċiżjoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li nqalbet is-sistema tat-traffiku ġewwa Triq Inez Soler, Santa Luċija, il-bus stop “Tursin” ġie mwaħħal fuq in-naħa opposta tat-triq.
Il-bus shelter li oriġinarjament kien installat fuq dan il-bus stop se jkun qiegħed jiġi installat fil-pożizzjoni l-ġdida aktar 'il quddiem.
Billi nbidlu ċerti rotot ta' toroq f'Santa Luċija, jista' l-Ministru jagħti rendikont tat-tibdil illi sar u x'kienet ir-raġuni l-għala dan it-tibdil kien meħtieġ? Jista' jgħid jekk saritx konsultazzjoni mar-residenti qabel ittieħdu dawn id-deċiżjonijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tibdil propost minn Infrastructure Malta u li kien jifforma parti mix-xogħlijiet li saru fl-underpass ta’ Santa Luċija kienu diskussi u approvati mit-Traffic Management Committee fi ħdan l-Awtorità.
Għal din il-laqgħa kienu preżenti uffiċjali minn Infrastructure Malta u l-Kunsill Lokali. Il-proċess ta’ konsultazzjoni mar-residenti jsir mill-Kunsill Lokali u mhux mill-Awtorità.
Ħal Balzan — Triq il-Kannizzata u Triq il-Kbira - xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi n-natura tax-xogħlijiet li saru fi Triq il-Kannizzata u Triq il-Kbira Ħal Balzan u r-raġuni għaliex dawn ix-xogħlijiet baqgħu għaddejjin sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu? Jista' jgħid jekk il-Kunsill ta’ Ħal Balzan u r-residenti ta’ dawn it-toroq kinux infurmati b’dawn ix-xogħlijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorr. Interpellant li din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 455, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser jinfetaħ l-outpatients block ġdid f'Mater Dei?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol preparatorju fuq il-proġett massiv tal-outpatients block huwa avvanzat tant illi bħalissa qed jigi preparat it-tender document b’diskussjonijiet mad-Dipartiment tal-kuntratti.
Trasferiment ta' infermiera minn Sptar Mater Dei għal Kura Primarja
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 451, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li ma sarux trasferimenti oħrajn ta' infermiera mill-iSptar Mater Dei lejn il-Kura Primarja fis-snin 2021 u 2022 apparti x-xhur ta' Lulju, Settembru u Ottubru 2021 u Jannar 2022?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 451.