Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġett tax-shore-to-ship – tniġġis tal-arja

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar il-proġett tax-shore-to-ship u jispjega x’differenza se jagħmel dan il-proġett f’dak li huwa tniġġis tal-arja?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Grand Harbour Clean Air Project (GHCAP) huwa investiment ambjentali ta’ €49.9 miljun li jinkludi l-iżvilupp tat-tagħmir meħtieġ biex il-vapuri tal-passiġġieri u dawk li jġorru l-merkanzija jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gasoil jew heavy fuel oil u minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt, sabiex iħaddmu l-makkinarju għas-servizzi kollha li jkun hemm bżonn jipprovdu waqt li jkunu weqfin fil-port. B’dan il-proġett se jonqos b’90% t-tniġġis tal-ajra kkawzat minn dawn il-vapuri u b’hekk Infrastructure Malta qed tagħti arja aktar nadifa lil 17,000 familja li jgħixu madwar il-Port il-Kbir. Il-proġett ser jintroduċi d-distribuzzjoni tal-elettriku mill-mollijiet prinċipali tal-Port il-Kbir għall-vapuri tal-passiġġieri fil-Furjana, il-Marsa u l-Isla. Infrastructure Malta mbagħad se testendi ukoll din it-teknoloġija lejn Xatt il-Laboratorju u Ras Ħanzir (Fuel Wharf), f’Raħal Ġdid, ix-Xatt ta’ Lascaris fil-Furjana u partijiet mit-Tarzna ta’ Palumbo u l-Mediterranean Maritime Hub. F’Ras Ħanzir, Infrastructure Malta daqt tniedi l-bini ta’ faċilità ġdida ta’ 360 metru għall-immaniġġjar tal-merkanzija biex izzid il-kapaċità, l-flessibbiltà u l-effiċjenza tal-Port. Studji prelimarji jindikaw li permezz ta’ GHCAP, fuq medda ta’ 20 sena Malta se tiffranka sa €375 miljun fi spejjez ikkawzati mit-tniġġis fl-arja, bħal dawk ta’ saħħa u kura medika kif ukoll sabiex jittaffew l-impatti tat-tniġġis fuq l-ambjent naturali, fuq l-infrastruttura u fuq l-agrikoltura. Il-proġett se jnaqqas ukoll l-inkonvenjent tal-istorbju u t-tregħid tal-magni fil-Port il-Kbir. Permezz tal-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, Infrastructure Malta se tnaqqas drastikament l-emissjonijiet mill-vapuri tal-passiġġieri li jiġu Malta. Ladarba jkunu qed jitfu l-magni, il-vapuri tal-passiġġieri li jżuruna jibdew jarmu 93% inqas ossidji tan-nitroġenu (nitrogen oxides), 92.6% inqas materja f’partiċelli (particulate matter) u 99.6% inqas dijossidu tal-kubrit (sulphur dioxide). Dawn huma fost l-aktar emissjonijiet li jikkaġunaw mard respiratorju u problemi oħra ta’ saħħa. L-ewwel fażi tal-Grand Harbour Clean Air Project se jnaqqas ukoll b’39.6% l-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju (carbon dioxide) li qed jikkawzaw l-emerġenza fil-klima. Fl-2020, qabel bdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett, il-Kummissjoni Ewropea inkludiet il-GHCAP f’lista ta’ 140 proġett infrastrutturali għat-trasport madwar l-Ewropa li se jkunu kofinanzjati permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-iskema ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea li tappoġġa infrastruttura għal trasport aktar sostenibbli. L-ewwel konnessjonijiet għad-distribuzzjoni tal-elettriku mix-xatt lill-vapuri tal-passiġġieri fix-Xatt ta’ Pinto, il-Furjana u f’Xatt il-Boiler, l-Isla huma skedati li jibdew joperaw fit-tieni kwart tal-2023, biex Malta tkun minn tal-ewwel fl-Ewropa li tadotta din it-teknoloġija ambjentali fuq skala ta’ port sħiħ. L-aġenzija għadha kemm poġġiet l-aħħar medda ta’ cables taħt l-art tan-netwerk ta’ tmien kilometri ta’ 33 kilovolt li se jwassal l-elettriku miċ-ċentru tad-distribuzzjoni ewlieni ta’ Enemalta plc fuq l-Għolja tal-Ġizwiti, il-Marsa lejn iz-zewġ frequency converter stations ġodda tal-proġett li jinsabu ħdejn Xatt l-Għassara tal-Għeneb (Deep Water Quay) fil-Marsa u f’Xatt il-Boiler, l-Isla. Dan is-sajf, se tkun qed tlesti dan in-netwerk bit-tqegħid ta’ 800 metru ta’ cables f’qiegħ il-baħar minn ħdejn il-Moll tal-Pont (Bridge Wharf), fil-Marsa lejn il-Moll tal-Faħam (Coal Wharf), f’Kordin. Sadattant, Infrastructure Malta poġġiet ukoll 20 kilometru minn netwerk ieħor ta’ 90 kilometru cables oħrajn ta’ 11-il kilovolt u cables ta’ komunikazzjoni li ser jgħaqqdu t-tagħmir fil-frequency converter stations mal-istazzjonijiet max-xatt u s-17-il punt ta’ konnessjoni għal mal-vapuri li se jkun hemm fuq il-mollijiet madwar il-Port il-Kbir, fil-Belt Valletta, il-Furjana, il-Marsa u l-Isla. Il-kuntratturi tal-proġett lestew il-bini taz-zewġ frequency converter stations ta’ dan il-proġett f’Jannar li għadda. Dawn jinsabu ħdejn Xatt l-Għassara tal-Għeneb fil-Marsa u f’parti minn tinda kbira ta’ zmien l-Ingliz li hemm fix-Xatt tal-Boiler, l-Isla. L-inġiniera u t-tekniċi issa qegħdin jgħammru dawn l-istazzjonijiet bis-sistemi meħtieġa, li jinkludu 18-il transformer li jvarjaw minn 0.5MVA għal 21 MVA, erba’ frequency converters u 71 switchgear units biex flimkien jikkontrollaw u jikkonvertu d-distribuzzjoni tal-elettriku għall-frekwenzi meħtieġa mill-vapuri li jzuru l-Port il-Kbir. Dawn is-sistemi qed jaslu Malta minn fabbriki fir-Repubblika Ċeka, l-Italja u t-Turkija. Minbarra t-tagħmir għall-frequency converter stations u għaz-zewġ stazzjonijiet izgħar li qed tibni mal-moll fix-Xatt ta’ Pinto, Infrastructure Malta qed tirċievi ukoll makkinarju ieħor li ser jintuza fuq il-mollijiet, li jinkludi karrijiet biex fuqhom jinġarru l-irkiekel kbar tal-cables, kif ukoll vetturi biex jiġbudhom u krejnijiet biex jgħollu l-cables u jqabbduhom mal-vapuri. Is-sistema għad-distribuzzjoni tal-elettriku mix-xatt hija mfassla apposta skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-proġett, b’tagħmir standard u tagħmir ieħor li qed jinħadem apposta. Qabel ma jintbagħat lejn Malta bil-baħar, it-tagħmir kollu jgħaddi minn testijiet rigorużi t’aċċettazzjoni li jsiru taħt is-superviżjoni tal-inġiniera tal-proġett.

Ajruplani rreġistrati f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta’ ajruplani rreġistrati f’Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ ajruplani rreġistrati fil-Malta Aircraft Register qiegħed dejjem jinbidel. Illum dan jammonta għal 670 ajruplan, li jfisser tkabbir ta' 500% fl-aħħar għaxar snin. Din is-sena biss kien hemm 63 reġistrazzjonijiet.

Sitt skema tal-inġustizzji tal-passat – Persuni li se jibbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kemm-il persuna se tkun qed tibbenefika mis-sitt skema tal-inġustizzji tal-passat u kemm hu l-investiment?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li madwar 5,000 persuna ser jkunu ntitolati għall-għotjiet li ser jitħallsu skont it-tliet skemi mfassla mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, bi qbil mal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol. B’kollox, bejniethom ser jitħallsu madwar €10 miljun. It-termini u kundizzjonijiet tal-iskemi ġew ippublikati fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tad-29 ta’ April, 2022. Iż-żmien biex wieħed japplika jagħlaq fl-aħħar ta’ Lulju 2022 u l-ħlasijiet jsiru aktar tard matul is-sena wara proċess ta’ verifika. L-iskemi li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jgħoddu għal : 1. Persuni li daħlu fis-servizz pubbliku wara s-16 ta’ Jannar 1979 u li qabel din id-data għamlu xi żmien iservu f’dipartmenti tal-Gvern, iżda mhux bħala uffiċjali pubbliċi; 2. Persuni li kienu; (i) impjegati f’xi korporazzjoni jew entità fis-settur pubbliku wara li għamlu xi żmien iservu f’wieħed mill-korpi tax-xogħol imwaqqfa qabel l-1979; jew (ii) impjegati mal-Gas Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-korporazzjoni Enemalta; jew (iii) apprentisti mal-Malta Electricity Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-korporazzjoni Enemalta. L-iskema għall-eks ħaddiema tax-xatt qed titħaddem mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali skont ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-General Workers’ Union. Din ser tkun is-sitt u l-aħħar sena ta’ din l-iskema li tapplika għal dawk il-ħaddiema jew l-eredi tagħhom li kienu msieħba fil-Port Pension and Contingency Fund bejn l-4 ta’ April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007.

Awtorità tat-Turiżmu – Proġetti għal-lokalità ta’ Marsaskala

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm intefqu flus mill-Awtorità tat-Turiżmu għal-lokalità ta’ Marsaskala matul is-sena 2021 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Xi proġetti twettqu b’dawn il-flus allokati?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 20893 u 21369 (Leġiżlatura XIII). L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu nediet ukoll inizjattiva bl-isem ta' Marsascala Regeneration Design Contest li permezz tagħha periti, inġiniera, urban planners u town planners, setgħu jissottomettu kunċett ta' disinn li b'mod ħolistiku jkollu l-għan li jtejjeb l-esperjenza tal-viżitaturi f'Marsaskala. Il-proċess ta’ evalwazzjoni għadu qed jiġi konkluż. Il-valur ta’ dan il-kuntest huwa ta’ €300,000. Ninfurmah li x-xogħol fuq ir-restawr tat-Torri ta’ San Tumas biex din il-binja sservi bħala Mużew tal-Piraterija għaddej ġmielu. L-investiment fir-riġenerazzjoni tat-Torri ta’ San Tumas huwa qrib it-€3.2 miljun b’kofinanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea. L-Awtorità qed taħdem mal-Fondazzjoni Wirt Artna biex dan it-torri jkun attrazzjoni oħra li se tkompli ssaħħaħ il-portafoll turistiku tal-Gżejjer Maltin. Bħala parti mill-immaniġġar tal-bajjiet, jiġi wkoll provdut servizz ta’ lifeguards u beach supervisors fil-bajja tal-Fajtata. Ninforma l-Onor. Interpellant li bejn l-Awtorità u l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala hemm relazzjoni kollaborattiva kontinwa fuq interventi.

Ċentri LEAP – għajnuna lil persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’għajnuniet konkreti qed jingħataw persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali miċ-Ċentri LEAP?’

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn Jannar 2019, is-servizz li kien jingħata mill-programm LEAP għadda għand l-Aġenzjia għas-Servizzi Terapewtiċi u tal-Komunità (ACTS) fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS). B’impenn lejn il-Politika Strateġika Nazzjonali għal Tnaqqis fil-Faqar u għall-Inklużjoni Soċjali (2014-2024), il-ħidma tal-ACTS favur tisħiħ tal-iżvilupp soċjali ħolistiku tal-komunità, ssir minn tim multi-dixxiplinarju magħmul minn social workers, social mentors, community development workers, family therapists, psychotherapists, counsellors u parenting coaches. Fejn jidħlu l-isfidi tas-saħħa mentali, l-Aġenzjia għas-Servizzi Terapewtiċi u tal-Komunità taħdem fuq: 1. il-prevenzjoni, billi taddotta prattiċi li jwasslu għal ħajja sana; 2. li tkabbar il-kapaċità tal-membri tal-komunità fis-suġġett, filwaqt li trawwem aktar kuxjenza biex il-ġirien jieħdu ħsieb aktar xulxin speċjalment f’kuntest ta’ komunitajiet vulnerabbli, u 3. billi toffri sapport konkret lil persuni li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali. L-ACTS għandha relazzjoni ta’ kollaborazjoni stabbli mas-Servizz Nazzjonali għas-Saħħa Mentali, fejn b’mod regolari isir skambju ta’ idejat u prattiċi, billi ż-żewġ servizzi huma ffukati fuq il-komunità. Din il-kollaborazzjoni issir permezz ta’ laqgħat regolari bejn il-managment taż-żewġ entitajiet, kif ukoll bejn il-professjonisti li jaħdmu dirett mal-komunità. L-ACTS, permezz taċ-Ċentru tal-Qawra, toffri spazju kliniku biex professjonist mis-servizz nazzjonal ta’ Saħħa Mentali jiltaqa’ mal-klijenti tiegħu minn dik il-komunità mingħajr ma’ joħloq ħafna skariġġ minn post għal ieħor. Il-fatt li żewġ servizzi qegħdin fl-istess ċentru jgħin biex dawk ir-residenti li jieħdu servizz, jew jinħass li għandhom boznn iż-żewg servizzi jingħataw servizz aktar integrat. Ħidma oħra tal-ACTS hja li tospita support groups permezz tas-servizz soċjali u terapewtiku tal-ACTS fil-komunità fil-Qawra. B’kollox jiġu offruti żewg sapport groups, wieħed bil-Malti u ieħor bl-Ingliz biex residenti li jkollhom sfidi ta’saħħa mentali ikollhom spazju fejn ikunu jistgħu jaqsmu l-esperjenza tagħhom u jsibu soluzzjonijiet mill-esperjenzi ta’ xulxin. Barra dan, l-istess servizz għandu grupp li jiltaqa’ b’mod regolari biex jindirizza is-solitudni. Fil-Belt Valletta, ukoll hemm Mental Health Support Group li huwa immexxi minn social worker u community development worker. Tajjeb li wieħed isemmi ukoll li teżisti relazzjoni bejn il-professjonisti miż-żewg entitajiet imsemmija, fir-rigward ta’ referrals u care plans ta’ residenti li huma klijent taż- żewġ servizzi, ladarba il-klijent rispettiv ikun komdu li ż-żewġ servizzi jaħdmu flimkien. Dan is-servizz huwa mifrux ma’ Malta kollha. F’kull servizzi tal-komunità madwar Malta, l-ACTS għandha inċentivi li jgħinnu lil klijenti tagħha, ikollhom ħajja mentali sana. Fil-komunità tal-Kottonera hemm gruppi bħal Qawsalla, self help group, u iTeens, grupp ta’ żgħażagħ u adoloxxenti, fejn jsiru diskussjonijiet u sessjonijiet li jtejjbu ir-reżiljenza tal-komunità fis-saħħa mentali. Isiru wkoll proġetti oħra li jikkontribwixxu direttament u indirettament lejn it-tisħiħ tas-saħħa mentali tar-residenti fil-komunità, bħal kollaborazzjoni man-nursery tal-football tal-Fgura United u inizzjattivi ta’ sostennibiltà tal-ambjent fuq it-teorija tal-permaculture. Is-servizzi kollha tal-ACTS jaħdmu direttament ma’ persuni bi problemi jew diffikultajiet ta’ saħħa mentali u permezz ta’ interventi individwali u pjan ta’ kura individwali li jaħdmu għat-tisħiħ tas-saħħa mentali tar-residenti.

Ċimiterji tal-Addolorata, Ta’ Braxia u tat-Torok – oqbra vojta

Question

Jista' id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm oqbra vojta fiċ-Ċimiterji tal-Addolorata, Ta' Braxia u tat-Torok?

Response (FEARNE, CHRIS)

: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fiċ-ċimiterju Santa Marija Addolorata bħalissa hemm 98 qabar vojt tal-komun u 649 fl-estenzjoni l-ġdida. Fiċ-ċimiterju ta’ Ta’ Braxia, m’hemmx oqbra vojta pero f’eventwalita’ li ssir talba għal difna fil-komun f’dan iċ-ċimiterju titħaffer ħofra f’dan il-plot u ssir id-difna bit-tebut f’dan il-plot u tiġi numerata. Filwaqt li ċ-Ċimiterju tat-Torok mhux ċimiterju amministrat mill-Gvern u għaldaqstant ma tistax tingħata din l-informazzjoni

Ċimiterju tal-Addolorata – Dfin ta’ persuni ta’ nazzjonalità barranija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministsru għas-Saħħa jgħid kemm hemm barranin midfunin fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta ssir talba għal-dfin, ma ssir l-ebda distinzjoni jekk min ser jindifen hux barrani jew le u għaldaqstant ma tin¿ammx statistika f’dan ir-rigward.

Sptar Mater Dei – lista ta’ stennija għall-hip u knee replacement

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni fuq il-waiting list għall-hip replacement u knee replacement?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninfoma lill-Onorevoli. Interpellant illi sal -25 ta’ Mejju pazjenti li qed jistennew għall-hip replacement iktar miz-zmien stipulat fil-Patient Charter huma 137, filwaqt li ghal knee replacement huma 744,. Ninfurmaha ukoll li l-operazzjonijiet jiġu prijoritizzati skont il-ħtieġa klinika u mhux skont id-data li jiġu riferuti għall-operazzjoni.

CPCM – applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ applikazzjonijiet pendenti u li qed jistennew li jiġu pproċessati mill-Kunsill tal-Professjonijiet Komplimentari għall-Mediċina (CPCM)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm madwar 226 applikazzjoni pendenti li qed jistennew li jiġu pproċessati mill-Kunsill tal-Professjonijiet Komplimentari għall-Mediċina.

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023 — investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-investiment fl-atleti għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2021 beda investiment dirett lejn l-għaxar għaqdiet sportivi li se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta fil- Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023. Is-somma totali ta’ investiment bejn is-sena 2021 u s-sena 2023 hija stmata li se tammonta għal madwar €7 miljuni. Din l-għajnuna qiegħda tingħata’ permezz ta’ 1) Fondi – € 1.7M - direttament minn SportMalta lejn il-Kumitat Olimpiku Malti biex il-Kumitat Olimpiku Malti jassisti lill-għaxar għaqdiet sportivi. 2) Grants – €5M - diretti lejn l-għaxar għaqdiet sportivi mill-fondi provduta mill-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali; 3) Skema ta Assistenza diretta – €0.3M - ta’ SportMalta lejn 18-il atleta mis-settur Privat li se jieħdu sehem fil-logħob li għandhom impieg full-time.

MFA — għanjuna

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’għajnuna qed jagħti l-Ministeru lill-Malta Football Association (MFA) biex ittejjeb il-faċilitajiet tagħha?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-preżent għandu ftehim mal-MFA li permezz tiegħu qed jgħin fil-bdil tal-uċuħ tal-pitches. Apparti dan, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu wkoll Ftehim ieħor mal-istess MFA li permezz ta’ inizjattivi varji qed jindirizza l-isfida tal-obesità fost it-tfal f’pajjiżna.

Sport Malta — assoċjazzjonijiet li gawdew minn skemi

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kemm assoċjazzjonijiet gawdew minn skemi ta’ Sport Malta fl-aħħar ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interepellanta li n-numru ta Assoċjazzjonijiet u Għaqdiet Sportivi li gawdew minn skemi ta' SportMalta fl-aħħar ħames snin huma kif ġej: Sena 2017: 79 Sena 2018: 74 Sena 2019: 91 Sena 2020: 126 Sena 2021: 98 F'kull sena, ingħatat għajnuna lill-Kumitat Olimpiku Malti, li l-istess Kumitat Olimpiku Malti qassam il-fondi ma’ diversi għaqdiet sportivi oħrajn. Fis-sena 2020, in-numru ta għaqdiet kien sostanzjalment iktar għaliex SportMalta ħarġet assistenzi ġodda ta' użu ta facilitajiet b'xejn u sussidju totali fuq il-ħlasijiet taċ-ċnus.

Sussidju tal-Kera f'residenzi privati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il persuna bbenefikat mis-Sussidju tal-Kera f’Residenzi Privati Mikrija qabel l-1 ta’ Ġunju 1995 u kemm kien l-investiment?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt: Sena Benefiċċjarji Sussidju Mħallas 2021 82 €49,140 2022* 122 €211,668 *sa Mejju 2022 Ta’ minn jgħid li permezz ta’ dan is-sussidju qed noffru stabbiltà u protezzjoni lill-inkwilin u ġustizzja lis-sid tal-post u fl-istess ħin nassiguraw li ħadd ma jispiċċa mingħajr saqaf fuq rasu. Grazzi għal dan is-sussidju li nidejna s-sena li għaddiet, qegħdin nerfgħu l-piż tal-kirijiet minn fuq is-sidien u mhux biss se jkollna inkwilini protetti u b’serħan il-moħħ iżda qed nagħtu wkoll kumpens ġust lis-sidien. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 281 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 17 tal-14 ta' Ġunju 2022)

Manikata, Miżieb, l-Imbordin u l-Pwales — ilma għat-tisqija tal-ħxejjex

Question

Tista’ l-Ministru tindika meta ser ikun qed isir l-investiment adegwat fiż-żoni tal-Manikata, il-Miżieb, l-Imbordin u l-Pwales sabiex il-bdiewa ta’ dawn iż-żoni jkollhom ilma biżżejjed sabiex isaqqu l-ħxejjex tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żoni indikati għaddej diġà proġett b’investiment ta’ kważi sitt miljun ewro biex inkabbru u nsaħħu n-network tan-New Water fl-inħawi indikati. Dan in-network ġdid mistenni jkun lest sas-sena d-dieħla.

Artijiet li ġew meħuda mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 512 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-area, il-valur ta' kumpens dovut u l-lokalità ta' artijiet li ġew meħuda mill-Gvern mill-1990 sad-data li fiha qed tiġi mwieġba din id-domanda u li għadhom ma ġewx ikkompensati b'mod sħiħ? Tista' tingħata d-data għal kull każ meta ser jingħata l-kumpens dovut u l-ammont tal-kumpens?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Magħtab – inċineratur – materjal skavat

Question

B'referenza għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 516, tista' l-Ministru, abbażi tal-lista mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra telenka t-tip u l-valur kummerċjali, f'każ ta' materjali ri-użabli jew riċiklabbli, tal-materjali li ser jitneħħa u/jew ser jiġi skavat mis-sit fejn ser jinbena l-inċeneratur fil-Magħtab u l-istruttura anċillari, inkluż iż-żoni ta' ħażna? Tista' tispjega wkoll fejn ser jintremew l-425 metru kubu ta' materjal li ser joħorġu mit-trinka li ser tinqata' lejn il-baħar u fil-baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-valur tal-materjal li qed jirreferi għalih ivarja skont il-kwalità tiegħu u l-effetti tas-suq b’mod ġenerali. Sabiex il-WasteServ tiżgura li tikseb l-aħjar valur għal dan il-materjal hija tipprovdi informazzjoni dwar il-ġeoloġija tal-post u b’hekk il-kuntratturi interessati jkunu jistgħu jikkunsidraw il-potenzjal tal-introjtu u jissottomettu l-aktar offerta vantaġġjuża. Kif muri fit-tabella li ġiet ippreżentata bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 516, qrib sittin fil-mija tal-materjal skavat se jiġi utilizzat fil-kostruzzjoni tal-impjant il-ġdid. Sakemm jerġa’ jintuża, dan huwa pprogrammat li jinħażen fis-siti li jiffurmaw parti mill-pjan Ecohive. Il-bqija tal-materjal jrid jittieħed f'faċilità li jkollha l-permessi meħtieġa sabiex taċċettah. Fir-rigward tal-materjal li se jiġi ġġenerat mit-tħaffir tat-trinka, d-dettall għal dan il-proċess jiġi ddeterminat skont ir-regolamenti applikabbli u kif approvat mir-regolatur.

Produzzjoni fil-Kostruzzjoni – statistika Eurostat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet jew x'inhi r-raġuni li minn Ottubru 2021, Malta ma baqgħetx tissottometti data dwar il-Produzzjoni fil-Kostruzzjoni għal fini ta' statistika tal-Eurostat? Jekk din id-data ġiet miġbura, tista' d-data u l-analiżi tagħha tiġi preżentata fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk din id-data ma ġietx miġbura, x'inhu l-effett fuq statistika oħra inkluż dik relatata mal-kontribut li din l-industrija tagħti lill-ekonomija?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li minħabba li mhuwiex fil-kompitu tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar li jiġbor tali statistika, il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.