Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kuntratti ta’ Housing tal-Gvern

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 976, jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kull tip ta’ kuntratt, kemm dawk ta’ postijiet mibnija mill-Gvern, dawk b’xi ftehim mal-privat u/jew kull tip ieħor, u jgħid kemm saru minn kull tip?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Mejju 2021 sal-31 ta’ Mejju 2022 saru 508 kuntratti ta’ kirja mill-Awtorità tad-Djar. Dawn huma maqsuma hekk kif ġej fit-tabella t’hawn taħt: Tip ta’ Kuntratt Total Proprjetà tal-Gvern/Awtorità tad-Djar 183 Proprjetà mikrija mingħand il-privat 325 Total 508

Enemalta — pubblikazzjoni ta’ kontijiet awditjati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 821, jista’ l-Ministru jikkonferma li allura ma ttieħdet l-ebda azzjoni fuq in-nuqqas tal-kumpanija Enemalta plc., li tagħha l-Gvern għandu s-sehem maġġoritarju, li tissottometti l-kontijiet awditjati tagħha għas-snin 2019, 2020 u 2021 fil-ħin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kap. 378 – ilmenti minn entitajiet kwalifikati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mill-2017 s’issa, sena b’sena, kemm-il ilment ta’ interess ġenerali saru a tenur tal-artikolu 12B tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378, minn entità kwalifikata? F’kull każ tista’ l-Ministru tgħid liema kienet l-entità kwalifikata li għamlet l-ilment, dwar xiex kien jittratta l-ilment u l-eżitu - jekk kien hemm - sussegwenti għall-ilment?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2017 sal-lum ma ġewx imressqa lmenti ta’ interess ġenerali a tenur tal-artikolu 12B tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378, minn entità kwalifikata.

REWS – ħatra tal-membri tal-Bord

Question

Tista’ l-Ministru tgħid attwalment min huma ċ-chairperson, id-deputy chairperson u l-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS)? Tista’ tgħid f’kull każ meta kull persuna ġiet maħtura u għal kemm żmien kienet il-ħatra attwali, u jekk il-ħatra attwali hiex l-ewwel jew it-tieni ħatra tal-persuna konċernata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MGA – ħatra tal-membri tal-Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid attwalment min huma ċ-chairperson, id-deputy chairperson u l-membri tal-Bord tal-Awtorità ta' Malta dwar il-Logħob (MGA)? Jista’ jgħid f’kull każ meta kull persuna ġiet maħtura u għal kemm żmien kienet il-ħatra attwali, u jekk il-ħatra attwali hiex l-ewwel jew it-tieni ħatra tal-persuna konċernata?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

MCA – ħatra tal-membri tal-Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid attwalment min huma ċ-chairperson, id-deputy chairperson u l-membri tal-Bord tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA)? Jista’ jgħid f’kull każ meta kull persuna ġiet maħtura u għal kemm żmien kienet il-ħatra attwali, u jekk il-ħatra attwali hiex l-ewwel jew it-tieni ħatra tal-persuna konċernata?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

MCCAA – ħatra tal-membri tal-Bord

Question

Tista’ l-Ministru tgħid attwalment min huma ċ-chairperson, id-deputy chairperson u l-membri tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Tista’ tgħid f’kull każ meta kull persuna ġiet maħtura u għal kemm żmien kienet il-ħatra attwali, u jekk il-ħatra attwali hiex l-ewwel jew it-tieni ħatra tal-persuna konċernata?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema tal-Komunità — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 530 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija numru 94, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema miż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn separatament fl-Iskema tal-Komunità? Jista' jgħid ukoll x’inhi l-proċedura preżenti biex persuna tifforma parti minn din l-iskema?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-Iskema tal-Komunità hemm ħaddiema miż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn kif indikat fit-tabella t’hawn taħt; Żejtun 35 Għaxaq 7 Marsaxlokk 4 Wied il-Għajn 16 Il-karatteristiċi biex persuna tifforma parti minn din l-iskema huma: A. persuna li kienet bla impjieg/inattiva fl-aħħar sena u li ma kinitx ipparteċipat fl-iskema ta’ traineeship ma’ Jobsplus u hija: 1. persuna adulta li tgħix waħedha u li għandha persuna jew persuni dipendenti taħt ir-responsabbiltà tagħha u li m’għandhiex impjieg full-time jew; 2. persuna li għandha 24 sena jew iktar u li m’għandhiex kwalifiki tas-sekondarja għolja jew kwalifiki vokazzjonali (ISCED 3) u li m’għandhiex impjieg jew; 3. persuna 'l fuq minn 50 sena li m’għandhiex impjieg jew; B. persuna li għandha 24 sena jew iktar u li kienet bla impjieg f’dawn l-aħħar sentejn u li ma kinitx ipparteċipat fl-iskema ta’ traineeship ma’ Jobsplus.

Iż-Żejtun — Triq Strejnu u Triq Xrobb l-Għaġin - xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 531, tista’ l-Ministru tikkonferma li t-tieni kuntrattur twaqqaf u issa qed isiru l-preparamenti biex jinstab kuntrattur ieħor? Meta taħseb li dan se jinstab u allura jkun jista’ jitlesta dan ix-xogħol, li ilu għaddej għal numru ta’ snin b’inkonvenjent bla bżonn għar-residenti u kull min juża dawn l-akkwati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nikkonferma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet passi biex jinbidel il-kuntrattur fuq dan il-proġett wara nuqqasijiet kuntrattwali. Bħalissa għaddej process biex ix-xogħol jitkompla minn kuntrattur ieħor skont ir-regolamenti tax-xiri pubbliku. Kif indikajt iżjed qabel f’PQ 531, il-maġġoranza tax-xogħol fit-toroq indikati huwa lest, għajr għal l-aħħar saff ta’ tarmac, bix-xogħol mistenni jitkompla fix-xhur li ġejjin wara li jkun lest il-proċess amministrattiv hawn fuq indikat.

Delimara/Marsaxlokk — tisbiħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 532, tista’ l-Ministru tikkonferma li dan is-sit ta’ Delimara se jkun kunsidrat ħalli jsir ix-xogħol ta’ restawr u tisbiħ meħtieġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dan l-istadju l-ebda sit potenzjali mhu qed jiġi eskluż u fil-fatt is-sit li qed jirreferi għalih huwa wieħed li se jiġi kkunsidrat għal xogħlijiet ta’ restawr ambjentali, ġaladarba jkun stabbilit ukoll it-titolu ta’ l-art.

Marsaxlokk – Triq Għajn Osiris — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Għajn Osiris ġewwa Marsaxlokk hiex ser issir, minħabba li fil-passat kienet triq li kellha ssir meta kien qed isir xogħol ma’ Triq il-Port Ruman?

Response (FARRUGIA, AARON)

Fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali tal-Gvern għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja. Fi tliet snin kemm ilha mwaqqfa, bejn toroq residenzjali u dawk rurali, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 triq. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Bħalissa fil-fatt għaddejja bil-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq, fosthom Triq il-Kajjik, Triq iċ-Ċippi, triq bla isem ħdejn l-Island Sanctuary u triq rurali li twassal għal Delimara, fil-lokalità ta’ Marsaxlokk. It-triq indikata, Triq Għajn Osiris, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabbiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-Kunsilli Lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.

Iż-Żejtun – Triq San Franġisk — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser issir Triq San Franġisk fiż-Żejtun meta f’Novembru li għadda r-residenti kienu infurmati li ser issir?

Response (FARRUGIA, AARON)

Fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali tal-Gvern għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja. Fi tliet snin kemm ilha mwaqqfa, bejn toroq residenzjali u dawk rurali, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 triq. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Bħalissa fil-fatt għaddejja bil-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq, fosthom Triq San Piju X, Triq San Profilju, Triq Santa Fawstina, Triq Santa Monika, Triq San Ġużepp, Triq Beland u Triq il-Ġiebja Rumana, fil-lokalità taż-Żejtun. It-triq indikata, Triq San Franġisk, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabilità tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-Kunsilli Lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.

Marsaskala – bankini bi problemi ta’ aċċessibilità

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1047, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u li issa ġiet riferuta lilu, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm baqa’ bankini fil-lokalità ta’ Marsaskala li għandhom problema ta’ aċċessibilità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala minn dejjem ħa azzjoni sabiex kull bankina li hemm f’Marsaskala tkun aċċessibbli għal nies bi bżonnijiet speċjali. Il-maġġoranza tal-bankini huma kollha aċċessibbli. Naturalment, matul iż-żmien dawn ikollhom bżonn manutenzjoni u infurmat li l-Kunsill mill-ewwel jieħu azzjoni ma’ kull ilment li jigi sottomess. Sadanittant infurmat li l-Kunsill Lokali inkariga lill-contracts manager sabiex jissorvelja l-lokalità u jindika jekk hemm xi bankini li jeħtiġilhom manutenzjoni.

Wied il-Għajn – proġett ta’ Torri Mamo

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’xogħol u xi proġett għaddej fuq Torri Mamo f’Wied-il-Għajn u kemm hu maħsub li jdum u jintnefaq fuq l-istess proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li r-restawr ta’ Torri Mamo tlesta riċentament minn Din l-Art Ħelwa, li tieħu ħsieb dan it-torri taħt kustodja. Dan kien possibbli permezz ta’ għotja għar-Restawr ta' Assi ta' Valur Artistiku u Kulturali f'żoni rurali mill-programm LEADER, permezz tax-Xlokk Local Action Group Foundation u tal-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-NGOs tal-Kunsill Malti għas-Settur Voluntarju. Is-somma totali għar-restawr kienet ta’ €13,570.

Wied il-Għajn – librerija pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-ħinijiet pubbliċi għal-librerija pubblika f’Wied il-Għajn? Jista’ wkoll jinforma lill-Kamra kemm ingħataw kotba u kemm inxtraw kotba ġodda s’issa matul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tinsab fit-tabella t’hawn taħt: Lokalità Ħinijiet ta’ ftuħ - Xitwa Ħinijiet ta’ ftuħ - Sajf Kotba mixtrija Donazzjonijiet Wied il-Għajn It-Tnejn 16.00 – 19.00 L-Erbgħa 16.00 – 19.00 Il-Ġimgħa 16.00 – 19.00 Is-Sibt 09.00 – 13.00 It-Tlieta 09.00 – 13.00 L-Erbgħa 16.00 – 19.00 Il-Ħamis 10.00 – 12.30 Il-Ġimgħa 09.00 – 12.00 Is-Sibt 10.00 – 12.30 42 61

Żejtun – librerija pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-ħinijiet pubbliċi għal-librerija pubblika fiż-Żejtun? Jista’ wkoll jinforma lill-Kamra kemm ingħataw kotba u kemm inxtraw kotba ġodda s’issa matul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tinsab fit-tabella t’hawn taħt: LokalitàĦinijiet ta’ ftuħ - XitwaĦinijiet ta’ ftuħ - SajfKotba mixtrijaDonazzjonijiet ŻejtunL-Erbgħa 15.00 – 17.00 Il-Ħamis 15.00 – 17.00 Is-Sibt 08.00 – 10.00L-Erbgħa 08.30 – 12.30 Il-Ħamis 08.30 – 12.30 Is-Sibt 08.00 – 10.002049

Żejtun – persuni reġistrati bħala bdiewa full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa full-time u part-time residenti ż-Żejtun tul dawn l-aħħar għaxar snin u possibbilment sena b’sena bis-sess relattiv?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Ħal Għaxaq — persuni reġistrati bħala bdiewa full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa full-time u part-time residenti Ħal Għaxaq tul dawn l-aħħar għaxar snin u possibbilment sena b’sena bis-sess relattiv?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Il-Fgura – Triq Hompesch u Triq is-Sur — Arblu mqaċċat

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra meta ser jinbidel arblu tad-dawl fi Triq Hompesch, kantuniera ma' Triq is-Sur fil-Fgura, li kien tqaċċat f'inċident minn karozza f'Marzu li għadda? Peress li l-Kunsill Lokali tal-Fgura ilu jirrapporta dan l-arblu għal dawn l-aħħar tliet xhur, inkluż permezz ta’ reminders, u r-risposta li jieħu mill-Enemalta hija biss li l-ilment tagħhom qed jiġi kkonsidrat, u peress li dan l-arblu li l-parti ta’ madwar metru għadha mwaħħla mal-bankina qed toffri periklu enomi lil kull min ikun qed juża din il-bankina li tinsab fit-triq prinċipali tal-Fgura, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux aċċettabbli li arblu li joffri dan il-periklu kollu jdum iktar minn tliet xhur sabiex jinbidel?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-każ ingħalaq u l-arblu mqaċċat tneħħa. Tajt ukoll struzzjonijiet lill-Enemalta biex f’każijiet simili, l-azzjonijiet neċessarji jittieħdu fl-iqsar żmien possibbli.

Il-Fgura – Triq il-Kitba — Xogħlijiet

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq il-Kitba fil-Fgura mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, tista’ l-Ministru: a. tispjega għaliex dawn ix-xogħlijiet ilhom għaddejjin f'din it-triq għal dawn l-aħħar sitt xhur; u b. meta ser jitlestew dawn ix-xogħlijiet? Apparti li f'din it-triq hemm l-entratura prinċipali tal-Iskola Primarja bl-inkonvenjenzi li din iġġib magħha għall-istudenti u l-ġenituri tagħhom, ir-residenti ta’ din it-triq qed jgħaddu minn inkonvenjenti kbar ta’ trabijiet kif ukoll lanqas jistgħu jużaw il-garages tagħhom stess; u peress li din it-triq hija parti mir-rotta tal-Purċissjoni tal-festa tal-Fgura, tikkonferma li t-triq ser tkun lesta u miftuħa mill-ġdid fi żmien tajjeb sabiex tkun tista’ tintrama għall-festa u l-purċissjoni tgħaddi minnha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni miksuba, x-xogħolijiet fit-triq indikata bdew madwar tlett xhur ilu. Ix-xogħol fit-Triq il-Kitba hu mistenni li jkun komplut lejn l-aħħar ta’ Ġunju. Dan ix-xogħol jifforma parti minn proġett ikbar f’ din il-lokalitá sabiex itejjeb u jsaħħaħ l-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.