In-Nadur/l-Imġarr — Triq l-Imġarr u Triq Sant’Antnin - pagamenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru pagamenti sa issa fuq Triq l-Imġarr u Triq Sant'Antnin u ċjoè t-toroq li min-Nadur iwasslu sal-Imġarr? Jista' jagħti dettalji ta' xiex saru dawn il-pagamenti s'issa, lil min saru u jekk sarux wara tender, talba għal kwotazzjonijiet jew wara direct order?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru €8,888,972.31 f’pagamenti relatati ma’ kostruzzjoni f’dawn t-toroq u saru wara proċess ta’ tender. Wara li kien hemm bżonn isiru xi tibdiliet max-xogħol, saret negotiated procedure biex jiġu inklużi xogħlijiet addizzjonali li kien hemm bżonn li jsiru.
Ix-Xagħra Għawdex — Triq Ta' Stellini - xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jsir ix-xogħol fuq Triq ta' Stellini fix-Xagħra, Għawdex li tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li għal għexieren ta’ snin din it-triq kienet bla drenaġġ, ftit tax-xhur ilu sar id-drenaġġ. Aktar 'il quddiem issir ukoll bit-tarmak kif suppost.
Awtorità tal-Ippjanar – Lapsi – periklu minn barriera
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ħadet jew qed tieħu l-Awtorità tal-Ippjanar rigward il-periklu li jeżisti lis-sewwieqa fit-triq tan-niżla ta’ Lapsi minn barriera fil-biswit?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex kwistjonijiet dwar road safety jiġu indirizzati lill-Ministeru konċernat.
Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi – Lapsi – periklu minn barriera
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’azzjoni ħadet jew qed tieħu l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi fir-rigward il-periklu li jeżisti lis-sewwieqa fit-triq tan-niżla ta’ Lapsi minn barriera fil-biswit?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-ERA investigat din il-barriera partikolari fuq l-aspetti li l-ERA tista’ tinvestiga fuqhom bħala parti mill-irwol regolatorju tagħha, li jinkludi l-konformita mal-permess ambjentali fuq din il-barriera ghall-immaniġġjar ta’ skart tal-kostruzzjoni, immaniġġjar ta’ fuels li jinżammu fuq is-sit, emissjonijiet ta’ trab u aspetti ambjentali oħra.
Infakkar lill-Onor. Interpellant dwar id-diskussjoni parlamentari dwar l-estimi finanzjarji tal-Awtorita tal-Ambjent u r-Riżorsi fejn tkellimt dwar din it-triq. Spjegajt kif l-ERA hija waħda biss mill-awtoritajiet responsabbli fir-regolazzjoni ta’ din il-barriera.
Il-punti ta’ tħassib li tqajmu mhux neċċessarjament kollha jaqaw taħt ir-responsabilta tal-ERA, iżda l-Ministeru talab li dan it-tħassib jiġi indirizzat mill-awtoritajiet kollha involuti.
Infrastructure Malta – Lapsi – periklu minn barriera
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ħadet jew qed tieħu Infrastructure Malta rigward il-periklu li jeżisti lis-sewwieqa fit-triq tan-niżla ta’ Lapsi minn barriera fil-biswit?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif se jingħata seduta oħra.
Special Olympics: Ċerimonja tal-Ftuħ – rendikont tal-infiq
Question
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-infiq kollu li sar fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-iSpecial Olympics, lil min sar il-ħlas u b'liema proċedura (direct order, tender eċċ.)?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema azzjonijiet ittieħdu fuq in-nuqqas tal-kumpanija Enemalta plc, li tagħha l-Gvern għandu sehem maġġoritarju, li tissottometti fil-ħin il-kontijiet awditajti tagħha għas-sena 2019 (li ġew sottomessi biss f'April 2022), u għas-sena 2020 (li għadhom ma jidhrux fis-sit tal-Malta Business Registry) sal-ħin li qed issir din il-mistoqsija?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli interpellant li d-dokumenti tas-sena 2020 jinsabu fis-sit tal-Malta Business Registry, ngħarrfu li l-MBR timxi dejjem skont ir-regoli stabbiliti.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1304, tista' l-Ministru tispjega kif il-proċess tad-dispatch optimisation li qed issemmi, huwa affettwat mill-fatt li tippubblika l-prezzijiet ta' ħames snin ilu, li rrifjutat li tagħmel f'mistoqsija parlamentari 910, imma fl-istess ħin mhuwiex affettwat mill-fatt li ppubblikat il-prezzijiet ta' xahar ilu f'mistoqsija parlamentari 317?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm differenza bażika bejn il-pubblikazzjoni ta’ prezz medju ta’ xahar wieħed biss versu l-pubblikazzjoni ta’ volumi u prezzijiet dettaljati xahar b’xahar fuq medda ta’ numru ta’ snin, kif intalab. Informazzjoni dettaljata tista’ tippreġudika kull xiri ta’ prodott f’suq li jaħdem b’irkant.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-bajjiet li huma kklassifikati bħala swimmer designated zones għas-sajf 2022? Meta hu mistenni li jkunu mmarkati fil-baħar dawn l-istess żoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif se jingħata seduta oħra.
Tista’ l-Ministru taċċerta li d-dawl pubbliku kollu li hemm fiż-żona ta’ Dawret in-Nawfraġju, inkluż iż-żona tal-boathouses, qiegħed jaħdem kif suppost u li allura li l-bozoz kollha, inkluż dawk fuq arbli, (inkluż il-bozza fuq l-arblu li r-ritratt tiegħu qed jiġi mibgħut separatament) ikunu mixgħula bħall-bqija tat-toroq fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? F’każ li hemm xi bozza/bozoz jew arblu/arbli li l-bozoz tagħhom mhux jixegħlu, x’inhi r-raġuni għal dan u meta hu mistenni li dan id-dawl jerġa’ jixgħel? Billi hemm ħtieġa ta’ iktar dawl fiż-żona kif ser jiġi assigurat li dan id-dawl jiġi installat u jixgħel minħabba d-dlam li wieħed isib f’din iż-żona?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tekniċi tal-Enemalta għamlu spezzjoni f’Dawret in-Nawfraġju u biddlu l-bozoz li ma kinux jixegħlu għal bozoz LED. Madankollu hemm dwal dekorattivi li wkoll mhux mixgħula. Dawn ma jaqgħux fir-responsabbiltà tal-Enemalta iżda tal-kunsill lokali.
Jista’ l-Ministru jaċċerta li d-dawl pubbliku kollu li hemm fiż-żona ta’ Dawret in-Nawfraġju, inkluż iż-żona tal-boathouses qiegħed jaħdem kif suppost u li allura li l-bozoz kollha inkluż dawk fuq arbli, (inkluż il-bozza fuq l-arblu li r-ritratt tiegħu qed jiġi mibgħut separatament) ikunu mixgħula bħall-bqija tat-toroq fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? F’każ li hemm xi bozza/bozoz jew arblu/arbli li l-bozoz tagħhom mhux jixegħlu x’inhi r-raġuni għal dan u meta hu mistenni li dan id-dawl jerġa’ jixgħel? Billi hemm ħtieġa ta’ iktar dawl fiż-żona kif ser jiġi assigurat li dan id-dawl jiġi installat u jixgħel minħabba d-dlam li wieħed isib f’din iż-żona?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi diġà qed tittieħed azzjoni biex il-bozoz jiġu rranġati, inkluża dik tal-arblu inkwistjoni.
Intant ninsab infurmat illi dwar installazzjoni ta’ bozoz ġodda fit-triq kkonċernata, il-Kunsill Lokali qed jevalwa kif jista’ jindirizza din il-problema.
Jista’ l-Ministru jara li l-Moll tal-Veċċja, Xemxija, San Pawl il-Baħar, li fih hemm numru ta’ arbli bil-fanali, ikun mixgħul fil-ħinijiet meħtieġa speċjalment billejl? X’inhi r-raġuni li dan il-moll issa ilu mitfi għal numru ta’ xhur?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-imsemmi dawl qieghed jinxtgħel.
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn ix-xogħol fi Triq Ġorg Borg, Ħal Qormi, ilu ġimagħtejn wieqaf? Jista’ jgħid meta se jitlesta x-xogħol?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Ħal Qormi Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq l-Għargħar 1979, triq biswit Triq il-Mitħna, Triq Dun G. Cilia, Triq Ġorġ Zammit, Triq l-Imdina (li tagħti lejn in-nofsinhar), Triq il-Poeżija, Triq it-Tapizzara, Triq Angelo Borg, Triq in-Naħal, Triq bla isem f’Tal-Ħlas, Triq Għarram, triq fil-limiti tal-Ħammieri, żewġ toroq bla isem biswit Triq il-Belt Valletta, it-triq li tagħti għal Tal-Ħandaq u toroq oħrajn bla isem kif ukoll Triq il-Ħarrub li hemm f’din iż-żona.
Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq il-Ħelsien li kulma jonqosha li jsiru linji ġodda u Triq Ġorġ Borg, waqt li diġà hemm ippjanat biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq Bellic. Ix-xogħlijiet minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid Triq Ġorġ Borg bdew f’nofs Mejju u jinkludu tqegħid ta’ pajpijiet ġodda taħt l-art għad-distribuzzjoni tal-ilma kif ukoll titjib jew bdil fis-sistemi biex is-servizz jitwassal fir-residenzi, bini ta’ bankini ġodda, tisħiħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi t’asfalt. Ix-xogħlijiet kollha għandhom jitlestew sa tmiem dan ix-xahar.
Proġetti oħra li saru minn Infrastructure Malta u li wasslu għal titjib kbir fir-rotot ewlenin madwar il-lokalità ta’ Ħal Qormi jinkludu l-bini mill-ġdid taż-żewġ roundabouts ta’ Ħal Qormi u Triq Manwel Dimech li hemm bejniethom, iż-żewġ roundabouts ta’ ta’ Ħaż-Żebbuġ fir-rotta lejn Ħal Qormi, Triq Ħal Qormi lejn Ħal Luqa, Triq Ħal Qormi lejn il-Marsa u Ħamrun, kif ukoll it-twessigħ tal-Marsa Hamrun Bypass. Ħal Qormi qed igawdi wkoll mill-akbar żewġ proġetti li għamlet l-aġenzija – il-Marsa Junction Project u s-Central Link Project.
Kumpaniji Maltin u producers fil-qasam tal-audio visual – allokazzjoni ta’ fondi minn dipartimenti tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fondi allokati mid-dipartimenti kollha tal-Gvern għal kumpaniji Maltin u producers li jaħdmu fil-qasam tal-audio visual?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Fid-dawl li l-Malta Film Awards ġie jiswa madwar €1.3 miljun, jista’ l-Ministru jgħid b’mod separat:
kemm kienet l-ispiża fuq il-billboards li twaħħlu f’diversi postijiet madwar pajjiżna;
l-armar tal-palk;
kemm ġie jiswa l-audio/sound;
kemm ġew jiswew il-projectors;
kemm ġie jiswa d-dawl;
kemm ġiet tiswa s-sala minn meta ried jitlesta l-armar sa wara l-avveniment;
ir-reklamar fuq il-media soċjali, stazzjonijiet televiżivi fuq ir-radji u ġurnali; u
kemm ġew jiswew il-ħlasijiet tal-persuni li ppreżentaw l-awards, jekk ġew imħallsa, apparti l-preżentatur?
Malta Libraries – Sejħa għal Chief Operations Officer
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 749, jista’ l-Ministru jirrispondi dawn id-domandi:
Fejn ġiet ippubblikata s-sejħa għal Chief Operations Officer (C.O.O.) fl-Aġenzija Malta Libraries?
X’rekwiżiti ntalbu fis-sejħa għall-istess C.O.O.?
Minn min kien kompost il-Bord tal-Għażla u fuq liema kompetenza?
Kemm applikaw kandidati?
Min kien il-kandidat jew kandidata li ntgħażlet?
Xi kwalifiċi għandu jew għandha fix-Xjenzi tal-Libreriji u Arkivji?
X’kienu x-xogħlijiet preċedenti tal-kandidat magħżul?
Minn meta beda t-terminu tiegħu/tagħha fil-Malta Libraries?
Response (BONNICI, OWEN)
Issir referenza għal tweġiba parlamentari 749 rigwardanti l-pożizzjoni ta’ Chief Operations Officer (COO) ma’ Malta Libraries, li ġiet mimlija skont id-Direttiva Nru 7 (Delegation of Authority to Recruit in the Public Sector Entities) nhar it-23 ta’ Novembru 2020 u dan għal perjodu ta’ tliet snin.
Kumpaniji, koperattivi, partnerships u NGOs li qed jagħmlu użu mid-Design Cluster
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji, koperattivi, partnerships u NGOs li qed jużaw id-Design Cluster? Liema huma dawn il-kumpaniji? X’tip ta’ kumpaniji hemm fi ħdan id-Design Cluster? Kemm hemm studios li għadhom vakanti? Kemm hemm membri li qed jużaw il-co-working spaces?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun hemm is-sejħa għal direttur artistiku tat-Teatru Manoel?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed jiġu studjati x’għandhom ikunu l-aħjar strutturi għad-direzzjoni artistika tat-Teatru Manoel u lil hinn u qed issir konsultazzjoni wiesgħa għal dan il-għan.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex kienu wieqfa x-xogħlijiet fuq l-Iskola Primarja tal-Imsida bejn Awwissu 2021 u Mejju 2022?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet kienu temporanjament sospiżi biex, fost oħrajn, jitlestew il-pjanti għall-estensjoni tal-parkeġġ, li se jiżdied minn 80 għal 160 spazju.