Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mosta: Triq il-Kbira – xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ culverts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ta l-aħħar ordnijiet tax-xogħlijiet ġodda (tal-kostruzzjoni tal-culverts) fi Triq il-Kbira, il-Mosta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tlesti l-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kbira li testendi kilometru minn Ta’ Qali sal-pjazza tal-Mosta. L-ewwel nofs tal-bini mill-ġdid ta’ din it-triq tlesta f’Marzu 2021 u x-xogħlijiet fit-tieni nofs bdew immedjatament wara. Minħabba li kien ilha għexieren ta’ snin ma tinbena mill-ġdid, it-triq kellha ħsarat estensivi fil-wiċċ tagħha u l-bankini, filwaqt li kellhom jinbidlu s-sistemi tas-servizzi taħt l-art, inkluż il-katusi tad-drenaġġ u l-pajpijiet tal-ilma. Fil-fatt, Infrastructure Malta poġġiet aktar minn erba’ kilometri ta’ sistemi ġodda taħt l-art, u għad-drenaġġ kellhom jitħaffru trinek żewġ sulari fond taħt il-wiċċ tat-triq. L-aġenzija introduċiet ukoll sistema estensiva ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita li għaliha wkoll ġew mgħoddijin katusi kbar taħt l-art. Peress li din it-triq hija dejqa, dawn is-servizzi ġodda kollha taħt l-art kellhom jiġu installati b’mod delikat ħdejn jew fuq xulxin, mingħajr ma jfixklu s-sistemi l-qodma li baqgħu jintużaw biex jagħtu servizz lill-binjiet taż-żona sakemm is-sistemi ġodda tpoġġew f’posthom. Bħalma jaf kulħadd, skont il-liġi, sabiex isiru xogħlijiet f’toroq eżistenti jew skemati bħalma hi Triq il-Kbira, jeħtieġ li jinkisbu permessi għal xogħlijiet fit-toroq minn Transport Malta u mhux permessi tal-iżvilupp mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar. Meta x-xogħlijiet meħtieġa fl-istess triq jinbidlu jew jiġu estiżi, il-permess tax-xogħlijiet jiġi estiż ukoll, skont il-ħtieġa. Sabiex ikunu eliġibbli biex japplikaw għall-permessi ta’ xogħlijiet fit-toroq mingħand Transport Malta, skont il-liġi applikabbli l-kuntratturi jeħtieġ li jkunu koperti b’garanziji bankarji u poloz t’assigurazzjoni għal danni ġustifikati li jistgħu jiġu kkawzati mill-istess xogħol konċernat. . Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess għax-xogħlijiet ta’ Triq il-Kbira. Ir-residenti u n-negozji ta’ din it-triq ser igawdu minn infrastruttura aħjar għal ħafna snin li ġejjin, kif ukoll titjib fil-proviżjoni tas-servizzi li jservu l-istess triq, u li l-pajpijiet u cables tad-distribuzzjoni tagħhom qed jinbidlu u jissaħħu permezz ta’ dan il-proġett. Ix-xogħlijiet kollha oriġinarjament ippjanati minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid din it-triq kienu skedati li jkunu lesti sal-aħħar ta’ Mejju. Fil-fatt, l-aġenzija lestiet tista’ tgħid ix-xogħlijiet kollha tagħha ħlief it-tqegħid finali tal-asfalt fl-aħħar parti tat-triq. Madankollu, fl-aħħar xhur, il-Kunsill Lokali tal-Mosta ordna diversi xogħlijiet addizzjonali f’din l-aħħar parti tat-triq, l-eqreb tal-pjazza. Dawn jinkludu culverts taħt il-bankini biex il-wires li hemm mal-faċċati tad-djar jitnizzlu taħt l-art, kif ukoll pavimentar bil-ġebla tal-qawwi għall-bankini l-ġodda. Permezz ta’ dan ix-xogħol addizzjonali, it-triq ser tkompli tieħu dehra aħjar, b’ambjent isbaħ għal dawk kollha li jgħixu fiha jew jivvjaġġaw minnha b’mezzi differenti. Infrastructure Malta se tlesti l-bini mill-ġdid tat-triq bl-aħħar xogħlijiet tal-asfalt hekk kif ix-xogħlijiet addizzjonali ordnati mill-Kunsill Lokali jkunu lesti lejn l-aħħar tas-sajf. Ix-xogħlijiet tal-asfalt kellhom jiġu posposti biex il-wiċċ il-ġdid tat-triq ma ssirlux ħsara bix-xogħlijiet li ġew miżjuda.

Mosta: Triq il-Kbira – permesss għax-xogħlijiet u u tibdil infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess għax-xogħlijiet oriġinali u l-permess tat-tibdil infrastrutturali li ġie deċiż dan l-aħħar u l-proġett ta’ Triq il-Kbira, fil-Mosta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1290.

Mosta: Triq il-Kbira — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma u jgħid jekk sarx il-permess ġdid mill-Awtorità tal-Ippjanar, pre-works survey mill-perit tal-kuntrattur ta’ kull proprjetà fit-triq, commencement notice mal-Building and Construction Authority (BCA), method statement ta’ kif se jsiru x-xogħlijiet, geotechnical survey jew dikjarazzjoni mill-Perit responsabbli li m’hemmx bżonn geotechnical survey biex b’hekk jinżamm responsabbli għal danni lejn terzi fi Triq il-Kbira, Mosta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1290.

Mosta: Triq il-Kbira — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li: (i) ix-xogħlijiet fi Triq il-Kbira, il-Mosta huma koperti mill-assikurazzjoni reputabbli tal-kuntrattur flimkien ma’ Infrastructure Malta; u (ii) li l-ħsarat kollha li saru u li jistgħu jsiru/joħorġu minħabba dawn ix-xogħlijiet se jkunu koperti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1290.

Mosta: Triq il-Kbira — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra (jekk dejjem hemm) garanzija għal xogħlijiet fi Triq il-Kbira, il-Mosta, liema garanzija li ma ssirx ħsara fuq binjiet residenzjali, bħalma r-residenti jagħmlu garanzija lill-kunsill, meta jġibu high-up, li ma ssirx ħsara fuq bankini?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1290.

Kunsill għall-Anzjani li jgħid lill-Kummissarju għall-Anzjani — kompożizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min hu kompost il-Kunsill għall-Anzjani li jgħin lill-Kummissarju għall-Anzjani? Jista' jgħid jekk apparti ċ-Chairperson u sitt membri oħra maħtura skont il-liġi, ġewx maħtura aktar membri mill-Kunsill? Jekk inhu l-każ, jista' jgħid min huma dawn il-membri?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Kummissarju għall-Anzjani – ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti l-Kummissarju għall-Anzjani fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021, u fis-sena 2022 sal-lum, sena b'sena? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ilmenti ġew investigati u kemm minn dawn l-ilmenti kienu ġġustifikati?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat li bħala Kummissarju kull talba għal parir jew gwida u kull każ ta’ lment ġie indirizzat mill- Kummissarju. Każijiet ta' talba għal parir minn anzjani, ħafna drabi b’telefonata li jkunu jistgħu jiġu indirizzati dak il-ħin, jingħata mill Kummissarju. F’kull każ ta' lment, il-Kummissarju tgħarbel sewwa l-każ u titkellem mal persuni konċernati u mbagħad taħdem flimkien ma' entitajiet oħra li jkun fil- parametri tagħhom li jinvestigaw skont il-bżonn.

Kummissarju għall-Anzjani – investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il investigazzjoni għamel il-Kummissarju għall-Anzjani fuq inizjattiva tal-Kummissarju nnifsu fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021, u fis-sena 2022 sal-lum, sena b'sena? Jista' jgħid x'kienu jittrattaw dawn l-investigazzjonijiet, xi rriżulta u x'kienu r-rakkomondazzjonijiet li saru min-naħa tiegħu?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda investigazzjoni li għamlet il-Kummissarju għall-Anzjani fuq inizjattiva tal-Kummissarju nnifsha fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021, u fis-sena 2022 sal-lum.

Speed cameras

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn speed cameras madwar Malta u Għawdex? Liema minn dawn l-ispeed cameras għandhom limitu ta’ sewqan li hu inqas min-national speed limit (ta’ 80 km/siegħa)? F’kull każ, għal kull waħda minn dawn il-cameras li għandhom speed limit inqas mill-ispeed limit, kif ġie stabbilit l-ispeed limit f’dak il-post partikolari u b’liema avviż legali ġie stabbilit (jekk ġie stabbilit) dan l-istess speed limit? Jekk dan l-ispeed limit ma ġiex stabbilit permezz ta’ avviż legali, a bażi ta’ x’hiex qed jiġu nfurzati tali speed limits?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ Speed Cameras madwar Malta u Għawdex qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ispeed limit ta’ kull camera huwa muri fl-istess lista u f’kull każ dan ġie stabbilit wara studji li saru skont linji gwida fi ħdan l-Awtorità għat-Trasport skont is-setghat mogħtija lill-istess Awtorità u regolati mill-Kap. 499 u l-Kap. 65.

San Pawl il-Baħar: Xemxija – Mistra Village – sit abbandunat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ttieħdet mill-Awtorità tal-Ippjanar fuq is-sit abbandunat fiż-żona ta’ fejn qabel kien il-Mistra Village fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar? Jista’ jieħu l-passi neċessarji biex dan is-sit ma jibqax wieħed ta’ abbandun u ma jkunx wieħed ta’ periklu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

L-Awtorita’ tal-Ippjanar diġa’ ħadet azzjoni fuq dan is-sit abbandunat billi inħareġ avviż ta’ infurzar EC389/16 – “Ġie żarmat is-sit imsemmi u tħalla fi stat ta' abbandun”. Dan l-avviż ta infurzar huwa wkoll suġġett għal Appell bir-referenza 240/16 li għadu wkoll pendenti l-ezitu tal-appell.

Adozzjoni — Koppji jew individwi approvati bħala ġenituri addottivi prospettivi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 905, jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hawn koppji jew individwi Maltin u Għawdxin li ġew approvati bħala Ġenituri Addottivi Prospettivi (PAPs) mill-Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali (SCSA) u li għadhom qed jistennew biex jaddottaw?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lil l-Awtorità Ċentrali, fi ħdan l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, mill-aġenziji akkreditati għal adozzjoni, bħalissa hemm 117-il ġenitur addottivi prospettivi li qed jistennew biex ikunu referred (li huma ddikjarati li jistgħu jaddottaw u qed jistennew biex ikunu matched ma’ tifel jew tifla), filwaqt li 45 ġenituri addottivi prospettivi oħra li huma matched (qed jistennew id-digriet mill-Qorti).

Adozzjoni — Pajjiżi fejn hu permess li ssir adozzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 904, jista' l-Ministru jgħid fil-preżent liema huma l-pajjiżi minn fejn qed ikun permess li jsiru adozzjonijiet ta' tfal?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lill-Awtorità Ċentrali, fi ħdan l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, mill-aġenziji akkreditati għal adozzjoni, preżentament hemm 11-il pajjiż minn fejn qed ikun permess li jsiru adozzjonijiet tat-tfal. 1. Bulgarija 2. Chile 3. Kolombja 4. Indja 5. Poland 6. Rumanija 7. Thailand 8. Albanija 9. Slovakja 10. Portugal 11. Vjetnam

Adozzjoni — tfal minn Malta

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 903, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew addottati tfal minn pajjiżna minn koppji jew individwi Maltin u Għawdxin bejn is-sena 2017 sal-lum, sena b'sena?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lill-Awtorità Ċentrali, fi ħdan l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, mill-aġenziji akkreditati għal adozzjoni kien hemm 9 adozzjoni lokali. L-informazzjoni sena b’sena ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttiva (UE) 2020/1828

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri ttieħdu s’issa fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) Nru 2020/1828? Peress li d-Direttiva fl-anness tagħha tinkludi diversi normi tal-UE li jirrelataw ma’ liġijiet amministrattivi minn diversi entitajiet pubbliċi, ittieħdu xi miżuri biex il-proċess effettiv tat-traspożizzjoni tad-Direttiva jiġi faċilitat f’dan ir-rigward?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur bħalissa għaddej bil-ħidma fuq it-traspożizzjoni tad-Direttiva (EU) Nru 2020/1828 li tinkludi l-konsultazzjoni Inter-Ministerjali neċessarja. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeri u l-entitajiet pubbliċi kkonċernati diġa ġew ikkonsultati fil-fażi meta l-proposta ta’ din id-Direttiva kienet għadha qed tiġi diskussa.

Direttiva 2009/22/KE

Question

Tista’ l-Ministru tagħti l-lista tal-entitajiet f’Malta li s’issa ġew notifikati lill-Kummissjoni Ewropea a tenur tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2009/22/KE? F’kull każ, kif applikabbli, tista’ telenka l-liġi jew liġijiet nazzjonali fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn l-entitajiet fejn allura l-entità konċernata tista’ tieħu passi a tenur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Direttiva kif riflessi fil-liġi Maltija?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-entitajiet Maltin li ġew notifikati lill-Kummissjoni Ewropea a tenur tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2009/22/KE u skont il-liġijiet rispettivi elenkati fil-ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Awtorità Maltija tat-Turi¿mu, l-Awtorità tax-Xandir, l-Awtorità tal-Mediċini, l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, l-Għaqda tal-Konsumaturi u l-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur.

In-Nadur — faċilitajiet tal-football ground

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser ikunu lesti l-faċilitajiet tal-ground tal-futbol fin-Nadur? Jista' jgħid jekk dawn hux ser ikunu lesti fil-ħin qabel jibda l-istaġun kalċistiku 2022/2023? Jista' jgħid ukoll jekk il-faċilitajiet li kien hemm ħdejn l-istess ground, hux ser isiru kif kienu qabel jew hux ser isiru oħrajn ġodda?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq is-sit tal-grawnd tal-futbol tan-Nadur li saru bħala parti mill-bini mill-ġdid ta’ Triq l-Imġarr ivarjaw minn bini mill-ġdida tar-retaining wallu l-infil materialta’ wara dan il-grawnd, u jinkludu xogħol ieħor strutturali u infrastruttura bħal sistema ġdida ta’ dawl, drenaġġ u stormwater systems.

Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) — ħruġ ta' ordni ta' tħaris

Question

B'referenza għall-artikolu 12G(8) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378, tista’ l-Ministru tispjega jekk id-dritt mogħti lid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) meta jitlob il-ħruġ ta’ ordni ta’ tħaris, dan ma għandux bżonn għalfejn jipprova: (a) telf jew ħsara attwali, jew (b) it-traskuraġni, negliġenza jew ħtija attwali min-naħa tal-persuna konċernata, jekk tali dritt hux ukoll mogħti lill-entitajiet kwalifikati bħalma huma l-għaqdiet tal-konsumatur reġistrati a tenur tal-Kap. 378? Jekk dan mhux il-każ, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-artikolu 12G (8) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378) huwa limitat għad-Direttur Ġenerali peress li dak l-artikolu qabel l-emendi permezz tal-Att XLIV tal-2019, kien l-artikolu 99 tal-Att u kien jistabilixxi l-istess dispożizzjonijiet tal-artikolu preżenti 12G(8). Għaldaqstant, ma kienx hemm lok għal emendi ta’ tali dispożizzjonijiet ħlief għall-renumerazzjoni tiegħu.