B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 901, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew addottati tfal minn koppji jew individwi Maltin u Għawdxin bejn l-2017 sal-lum minn pajjiżi barranin? Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawn l-adozzjonijiet sena b'sena u minn liema pajjiżi ġew adottati?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni sena b’sena qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni ġiet mgħoddija lill-Awtorità Ċentrali, fi ħdan l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, mill-aġenziji akkreditati għal adozzjoni. B’kollox kien hemm total ta’ 162 adozzjonijiet mill-2017 sa Mejju tal-2022.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fl-Awtorità tad-Djar li daħlu mill-2017 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda u kemm minnhom ingħataw post ġdid jew post alternattiv?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu l-1,700 post li ilhom jissemmew mill-Gvern għal dawn l-aħħar snin?
Response (GALDES, RODERICK)
L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat illi huwa grazzi għal dan il-Gvern li f’pajjiżna se jkun hawn 1,700 post ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali għax gvernijiet preċedenti mhux talli ma ħadux ħsieb li jsostnu l-istokk ta’ binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali imma neħħew għalkollox il-Ministeru li kien jieħu ħsieb dan il-qasam tant importanti.
Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll illi binja fis-Swatar diġà ġiet inawgurata u diversi binjiet oħra waslu fl-istadju tal-finishing fejn tali binjiet se jkunu qed jaraw mijiet ta’ familji deħlin f’postijiet ġodda. Dan wara li għall-ewwel darba għandna sistema ġdida ta’ allokazzjoni ta’ kif u meta se jsiru l-allokazzjonijiet, iswed fuq l-abjad u bit-trasparenza.
Jinsab għaddej ukoll ix-xogħol ta' bini fuq binjiet oħra li se jingħataw lir-residenti s-sena d-dieħla filwaqt li qed jiġu ppreparati s-sejħiet għall-offerti għall-binjiet li se jingħataw fis-snin li ġejjin. Ix-xogħol qed jitwettaq skond pjan ta' allokazzjoni mfassal fuq bosta snin.
Regolament (UE) 2017/1131 – entità pubblika responsabbli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-entità pubblika f’Malta li tieħu ħsieb l-osservanza tar-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-fondi tas-suq monetarju?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar il-fondi tas-suq monetarju’ (“Regolament”), ġiet implimentata permezz tas-segwenti regolamenti maħruġa taħt l-Att dwar Servizzi ta’ Investiment (Kap. 370 tal-Liġijiet ta’ Malta): ‘Regolamenti dwar Investment Services Act (Money Market Funds)’ (L.S. 370.44).
In oltre, l-entità pubblika kompetenti għall-iskop tar-Regolament imsemmi hawn fuq hija l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta.
Direttiva (UE) 2016/97 – liġi u entità pubblika responsabbli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-liġi domestika li timplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni? Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-entità pubblika kompetenti fil-ħarsien tan-normi domestiċi li jimplimentaw din id-Direttiva?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni)’, ġiet trasposta fl-Att dwar id-Distribuzzjoni fl-Assigurazzjoni (Kap. 487 tal-Liġijiet ta’ Malta), kif ukoll fir-regolamenti, Regoli dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni u Regoli tal-Kondotta tal-Operat maħruġa taħt l-istess Att.
In oltre, l-entità pubblika kompetenti għall-iskop tad-direttiva msemmija hawn fuq hija l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta.
Direttiva (UE) 2014/92/UE – liġi u entità pubblika responsabbli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-liġi domestika li timplimenta d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi? Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-entità pubblika kompetenti fil-ħarsien tan-normi domestiċi li jimplimentaw din id-Direttiva?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, ġiet trasposta permezz tal-Avviż Legali 411 tal-2016 maħruġ taħt l-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta) u l-Att dwar Istituzzjonijiet Finanzjarji (Kap. 376 tal-Liġijiet ta’ Malta).
In oltre, l-entità pubblika kompetenti għall-iskop tad-direttiva msemmija hawn fuq hija l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta.
Direttiva 2010/13/UE – liġi u entità pubblika responsabbli
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid taħt liema liġi u/jew azzjoni amministrattiva ġiet implimentata d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il- koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva)? Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema hi l-entità pubblika kompetenti fil-ħarsien tan-normi a tenur ta’ din id-Direttiva? Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’miżuri leġiżlattivi ttieħdu biex entità kwalifikata a tenur tad-Direttiva 2009/22/KE tkun tista’ titlob il-ħruġ ta’ inġunzjoni jekk ikun ksur tan-normi a tenur tad-Direttiva 2010/13/UE?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li d-Direttiva 2010/13/UE li tittratta l-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva taqa’ taħt il-Kap. 350 tal-Liġijiet Maltin (l-Att dwar ix-Xandir) u għaldaqstant l-implimentazzjoni tagħha taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tax-Xandir. L-Awtorità tax-Xandir hija l-entità pubblika kompetenti fil-ħarsien a tenur ta’ din id-Direttiva. Id-Direttiva 2009/22/KE hija d-Direttiva tal-Inġunzjoni li l-għan tagħha huwa li tara l-ħarsien tal-konsumatur. Biex jitħares dan il-punt fl-ambitu tar-responsabbilitajiet tal-Awtorità tax-Xandir hemm il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.12 – Regolamenti dwar il-Poteri ta’ Infurzar li għandha l-Awtorità tax-Xandir u li huma maħsuba li fost tibdiliet oħra, jkun hemm ukoll l-emendi neċessarji biex tinkorpora emendi neċessarji biex tirrifletti provvedimenti Ewropej.
Kap. 378 – talba biex għaqda tal-konsumaturi reġistrata timpjega nies
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk mill-2017 s’issa qatt saritx xi talba lill-Gvern biex għaqda tal-konsumaturi reġistrata a tenur tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378, tkun tista’ timpjega persuni professjonisti fuq bażi part-time jew full-time biex dawn jassistu fil-ħidma favur il-konsumatur? Jekk saret xi talba, x’kien l-eżitu? U jekk qatt ma saret talba ta’ din ix-xorta, lest il-Gvern li jqis li jassisti f’dan ir-rigward?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret talba minn għaqda tal-konsumaturi reġistrata a tenur tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 fejn talbet biex tingħata għajnuna f’riżorsi umani, liema talba saret f’April tal-2021. Saret talba oħra f’Jannar tal-2022 mill-istess għaqda, li, iżda, m’għaddietx direttament lill-Awtorità konċernata mill-ewwel.
Din l-għaqda ġiet iggwidata biex tagħmel użu mill-iskema li nħarġet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn ħaddiema fis-settur pubbliku jistgħu japplikaw li jaħdmu ma’ għaqdiet volontarji.
Min-naħa tal-Awtorità tingħata għajnuna lil waħda mill-għaqdiet permezz ta’ użu ta’ uffiċċju, servizz tal-internet u linja tat-telefon mingħajr ħlas kif ukoll il-ħlas ta’ servizzi ta’ dawl, ilma u indafa. L-għaqda l-oħra qatt ma għamlu xi tip ta’ talbiet għall-għajnuna.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm daħlu każijiet ta’ lmenti għand il-Customer Care matul is-sena l-oħra, kategorija b’kategorija? Kemm minnhom ġew solvuti u kemm baqa’ pendenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tispeċifika għal liema entità qed tirreferi.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex jikkonsisti s-servizz tal-Lifestyle? Liema Ċentri għandhom dan is-servizz?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Lifestyle Clinics ġew żviluppati u mibdula f’Assessment of Well-Being Clinics, f’Lulju tal-2021.
Dan il-klinika tipprovdi servizz ta’ valutazzjoni medika tal-benesseri tal-pazjenti biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu identifikati riskji u fatturi li jwasslu għall-mard u problemi ta’ saħħa eżistenti li jkunu għadhom ma ġewx diagnosed. Din il-Klinika tipprovdi wkoll opportunità għall-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, kif ukoll aċċess għat-tim multidixxiplinarju tad-dipartiment tal-kura primarja biex ikun hemm kontinwita’ ta’ kura aħjar.
Din tipprovdi wkoll monitoraġġ, edukazzjoni u informazzjoni lil pazjenti li jkollhom komorbiditajiet (prevenzjoni sekondarja) skont il-ħtieġa. Barra minn hekk, l-klijenti / pazjenti jiġu referuti wkoll għall-screening b’mod aktar regolari bħala parti mill-programm ta’ kura ta’ prevenzjoni primarja. B’dan il-mod, ikun possibbli li l-pazjent jingħata attenzjoni medika aktar f’waqtha u jkunu jistgħu jiġu evitati kumplikazzjonijiet mediċi aktar 'il quddiem. Minn Lulju tal-2021 sal-lum għamlu użu minn din is-servizz 9,385 pazjent.
Dan is-servizz huwa bl-appuntament u bħalissa huwa disponibbli mill-kliniki fil-Kommunita’ ta’ Ħ’Attard, Ħad Dingli, il-Fgura, Ħal Għaxaq, il-Gudja, il-Ħamrun, il-Kalkara, Marsaskala, Marsaxlokk, il-Mellieħa, Tal Pieta`, Tas Sliema, Santa Luċija, Ta’ Xbiex, Ħal Tarxien, il-Belt Valletta, Ħaż Żabbar, iż-Żejtun u ż-Żurrieq.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet jew miżuri biex iħajjar aktar persuni japplikaw u jsegwu l-korsijiet ta’ child carers fi ħdan child care centres? Jista' jgħid kemm hawn child care centres f’Malta? Kemm hawn persuni li jaħdmu f’child care centres? Kemm hemm nuqqas ta’ child carers fi ħdan dawn iċ-child care centres?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jinħolqu camping sites ġodda u jekk iva, fejn?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isir pjanijiet għall-park għall-familja ġewwa Bengħajsa li parti minnu, eventwalment, se tkun iddedikata għal camping.
San Pawl il-Baħar — Moll tal-Veċċja – arblu tad-dawl
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1303 u tieħu l-passi neċessarji biex l-arblu tad-dawl (li r-ritratt tiegħu jinsab anness) li jinsab fin-nofs ta’ żona ffrekwentata mill-vetturi ħdejn il-moll tal-Veċċja jitneħħa minn fejn qiegħed, minħabba l-periklu li qed joħloq għal dawk li jkunu fl-inħawi, peress li kif jien infurmata, dan l-arblu kien twaħħal għal użu temporanju sakemm saru xogħlijiet fuq binja privata fl-istess żona, liema xogħlijiet issa jidher li tlestew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mir-rekords tal-Enemalta ma jirriżultax li l-arblu twaħħal minnha, imma twaħħal minn terzi sakemm isir ix-xogħol.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu r-rwol tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, b’liema proċedura ta’ impjieg ġiet ingaġġata mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u kemm hu s-salarju li qiegħda tingħata?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata hija impjegata tal-kumpanija RSSL Ltd u ġiet assenjata tagħmel xogħol ta’ komunikazzjoni fl-awtorità msemmija.
Skejjel – klassijiet b’sistema ta’ arja kkondizzjonata
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm klassijiet, (mhux mobile classrooms), Kulleġġ Kulleġġ, u kemm hemm klassijiet ukoll, Kulleġġ Kulleġġ, li għandhom sistema ta' arja kkondizzjonata?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inizjattiva ta' learning class assistant introdotta fis-snin li għaddew, fis-snin bikrin, hijiex se titkompla matul is-sena skolastika li jmiss u tiġi introdotta fit-tieni sena tal-primarja?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena skolastika 2022-2023 se titkompla l-inizjattiva tal-LSEs b’doveri ta’ sapport għall-klassi u se tiġi introdotta fit-tieni sena tal-primarja skont il-ftehim settorali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet li dehru quddiem l-iStatementing Panel Board minn Jannar sal-15 ta' Mejju, 2022? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ġew irrifjutati u għaliex?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant li bejn Jannar u l-15 ta' Mejju 2022 dehru quddiem l-Istatementing Panel total ta' 261 applikazzjoni u minn dawn l-ebda każ ma ġie rrifjutat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sala ewlenija tal-iskola tal-Imrieħel (Kulleġġ Santa Tereża) hijiex se tkun disponibbli għall-istudenti mis-sena skolastika li jmiss?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isiru taħditiet mal-Ministeru tas-Saħħa sabiex tkun evalwata l-possibbiltà li s-swali li bħalissa qed jintużaw għall-ħażna ta’ materjal mediku jkunu żgumbrati biex ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jintużaw mill-iskejjel.