Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir ‘patroling’ mill-community police fl-inħawi tal-Virtù r-Rabat Malta u jekk hemmx xi ‘data’ li tindika dan? Jikkonferma li jsir infurzar fuq oġġetti/makkinarju/inġenji li m’għandhomx liċenzji li joqogħdu fit-triq?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi fir-Rabat li tinkludi iż-żona tal-Virtù, il-Pulizija tal-Komunità ilha topera minn Awwissu 2020. Ir-rondi jsiru fi kwalunkwe żona ta’ lokalità koperta minnhom. Madankollu minħabba l-moviment kontinwu ma jinżammux dettalji speċifiċi tal-lokalitajiet li jiġu koperti. Rondi oħra regolari jsiru mit-taqsima tal-RIU. Isiru wkoll mill-Pulizija tad-distrett, skont id-disponibilità tagħhom. Dwar vetturi u oġġetti oħra abbandunati fit-toroq, li jeħtiġilhom, imma ma jkunux koperti b’liċenzji, tittieħed azzjoni meta dawn jintlemħu, kif isir għal kull ksur tal-liġi. Fil-fatt ftit tal-ġranet ilu nstab tali oġġett fiż-żona u diġà nbdew il-proċeduri legali stabbiliti sabiex jitneħħa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm każ fejn persuni tħallew mingħajr aċċess għal darhom waqt xogħlijiet li qed isiru fi Triq Toni Farrugia, ir-Rabat, u għaliex ma tħalliex aċċess? Jista’ jgħid hux qed issir komunikazzjoni mar-residenti meta jkun ser jingħalaq kompletament l-aċċess, anke bil-mixi, lir-residenti? Jingħata kumpens f’każ li persuni jkollhom iħallu darhom minħabba f’hekk?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li Triq Toni Farrugia tinsab fiż-żona t’Għeriexem fir-Rabat fejn Infrastructure Malta wettqet proġett li kien jinkludi l-bini mill-ġdid tar-rotta ta’ Triq Għeriexem u Triq tat-Tabija fuq pedamenti aktar b’saħħithom, biex rażżan snin twal ta’ ħsarat ikkawżati miċ-ċediment tal-art taħt l-istess toroq, kif ukoll belvedere ġdid b’bankini u punti ta’ qsim aktar siguri f’żona li qabel ma kien fiha l-ebda infrastruttura għal dawk li jgħaddu minnha bil-mixi. Din ir-rotta issa fiha wkoll aktar spazji għall-parkeġġ, stazzjon għall-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi, l-ewwel mogħdijiet solari f’Malta, dawl dekorattiv, bankijiet u ringiela konok b’40 siġra ġdida u pjanti oħrajn.
Wara li lestiet dan il-proġett, l-aġenzija bdiet ittejjeb ukoll toroq oħrajn fiż-żona fosthom Triq Toni Farrugia li qed tinbena mill-ġdid bħalissa. Ix-xogħljiet f’din it-triq jinkludu bdil u tqegħid ta’ pajpijiet u katusi tas-sistemi taħt l-art għas-servizzi tal-ilma u drenaġġ, esetensjoni tas-sistema għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita u bini ta’ bankini ġodda qabel ma jissaħħu l-pedamenti u jsir wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt.
L-aċċess bil-mixi għad-djar kollha tat-triq dejjem baqa’ miftuħ f’kull ħin u mhux veru li qed “jingħalaq l-aċċess kompletament”. Naturalment, waqt ċerti xogħlijiet, bħal meta jsir tħaffir ta’ trinek jew kisi bl-asfalt, l-aċċess għall-vetturi (mhux dak pedonali) jkun limitat sabiex tiġi żgurata s-saħħa u s-sigurezza kemm tas-sewwieqa kif ukoll tal-ħaddiema. Barra minn hekk, waqt xogħlijiet bħal dawn, jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni biex il-partijiet tat-triq fejn ikun qed isir ċertu xogħol jiġu mdawra b’barrikati jew sistemi simili sabiex ma jkunux ta’ periklu pubbliku, mingħajr ma jingħalaq l-aċċess pedonali ghall-bini tal-istess triq.
Infrastructure Malta taħdem biex tlesti x-xogħlijiet fl-inqas żmien possibbli, filwaqt li tiżgura li l-inkonvenjenti inevitabbli waqt il-bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali bħal din, jitnaqqsu kemm jista’ jkun, fl-aħjar interess ta’ dawk li jgħixu u jaħdmu fihom, jew jivvjaġġaw minnhom.
Jista’ l-Ministru jara li l-ħsara li hemm fl-aħħar parti ta’ Triq Girolamo Cassar, fil-Belt Valletta, preċiżament fejn hemm forma ta’ roundabout, tiġi msewwija?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jara li l-ħsara li hemm fl-aħħar parti ta’ Triq Girolamo Cassar, fil-Belt Valletta, preċiżament fejn hemm forma ta’ roundabout, tiġi msewwija?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet qed isiru fil-preżent fil-Ġnien Peppi Delceppo, Bormla fit-Triq Fuq Verdala?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fiż-żona imsemmija, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla qiegħed jimplimenta proġett li għandu l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar, liema proġett jinkludi snack bar, 5-a-side football pitch u playing field.
Il-valur tal-proġett jammonta għal kważi €400,000.
Raħal Ġdid: Pjazza Antoine de Paule – rapport tekniku dwar ħsarat u xogħlijiet
Question
B’referenza għal numru ta’ domandi li kienu saru fil-Leġiżlatura preċedenti, jista’ l-Ministru jippreżenta l-aħħar rapport tekniku dwar il-ħsarat u x-xogħlijiet li għandhom isiru fi Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid kif ukoll jara li t-tappieri li hemm u qed jinżlu biċċa biċċa jiġu msewwija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li r-rapport tekniku dwar il-ħsarat u x-xogħlijiet li għandhom isiru fi Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid hareġ u qiegħed ikun skrutinizzat mill-partijiet ikkonċernati.
Skont laqgħa li saret mal-kuntratturi, t-tappieri ser jiġu msewwija mill-kuntratturi, hekk kif joħroġ l-eżitu tar-rapport u jsir l-ittestjar tat-triq.
Raħal Ġdid: Pjazza Antoine de Paule – rapport tekniku dwar ħsarat u xogħlijiet
Question
B’referenza għal numru ta’ domandi li kienu saru fil-Leġiżlatura preċedenti, jista’ l-Ministru jippreżenta l-aħħar rapport tekniku dwar il-ħsarat u x-xogħlijiet li għandhom isiru fi Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid kif ukoll li jara li t-tappieri li hemm u qed jinżlu biċċa biċċa jiġu msewwija?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1391 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
Raħal Ġdid: Pjazza Antoine de Paule – rapport tekniku dwar ħsarat u xogħlijiet
Question
B’referenza għal numru ta’ domandi li kienu saru fil-Leġiżlatura preċedenti, jista’ l-Ministru jippreżenta l-aħħar rapport tekniku dwar il-ħsarat u x-xogħlijiet li għandhom isiru fi Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid kif ukoll li jara li t-tappieri li hemm u qed jinżlu biċċa biċċa jiġu msewwija?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm Segretarji Permanenti impjegati fil-preżent u ċjoè fis-6 ta’ Ġunju, 2022 u kemm minn dawn ġew ingaġġati wara sejħa fis-servizz pubbliku? Dawk li ma ġewx maħtura wara sejħa, kif ġew ingaġġati?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 19-il Segretarju Permamenti u dawn jiġu maħtura skont il-provedimenti tal- Kostituzzjoni ta’Malta.
Santa Venera/Ħamrun — Triq il-Kbira San Ġużepp - asfaltar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta għandhiex il-ħsieb li taqla’ u tasfalta Triq il-Kbira San Ġużepp, kemm il-parti ta’ Santa Venera kif ukoll il-parti tal-Ħamrun? Jista’ l-Ministru jgħid liema biċċa se ssir u meta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali tal-Gvern għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja.
Fi tliet snin kemm ilha mwaqqfa, bejn toroq residenzjali u dawk rurali, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 triq. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn.
Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Bħalissa fil-fatt għaddejja bil-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq, fosthom Triq il-Batterija u Triq Adelaide Cini fil-lokalità ta’ Santa Venera, kif ukoll Triq Maitland u Triq Qormi fil-lokalità tal-Ħamrun. It-triq indikata, Triq il-Kbira San Ġuzepp, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabbiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-Kunsilli Lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu t-total ta’ flus li l-Istat kellu jħallas bħala kumpens illikwidat mill-Qrati tal-Ġustizzja a favur ir-rikorrenti abbażi ta’ ksur tal-artikolu 37 tal-Kostituzzjoni dwar id-dritt ta’ tgawdija tal-proprjetà, f’dawn l-aħħar tliet snin?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid xi preżenza hemm tal-pulizija f’Ta' Qali? Jekk hiex waħda frekwenti? Jista’ jgħid ukoll jekk daħlux rapporti ta' sewqan perikoluż u eċċessiv kif ukoll diversi lmenti ta' storbju ta' mużika u għajjat sas-sigħat bikrin ta' filgħodu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett li taħtu taqa’ l-lokalità ta’ Ta’ Qali, kif ukoll dawk tal-RIU, jagħmlu ronda regolarment fil-lokalità msemmija u dan fid-dawl ta’ diversi attivitajiet li jkun hemm u li jiġbdu ħafna nies, speċjalment f’ċerti stabbilimenti fix-xhur tar-rebbiegħa u tas-sajf. Spezzjonijiet ser jibqgħu jsiru u jekk ikun hemm evidenza ta’ ksur ta’ xi kundizzjonijiet tal-liċenzji tal-operat tagħhom, jinħarġu l-akkużi relatati. Il-pulizija konxja wkoll u trażżan permezz ta’ spezzjonijiet, sidien ta’ vetturi li okkażjonalment jinġabru fil-parkeġġi fiż-żona u jiddreggjaw bil-vetturi, u dan ser jibqa’ jsir meta dawk l-attivitajiet jiġu għall-konjizzjoni tagħhom. F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm żewġ rapporti ta’ storbju ta’ mużika fejn wieħed irriżulta li kien ġej minn destinazzjoni ’l bogħod minn Ta’ Qali u l-ieħor fi stabbiliment fil-lokal, fejn l-operatur ġie mwissi mill-ewwel. Kien hemm rapport ta’ dreggjar bil-vetturi fejn ġiet identifikata persuna li kontra tiegħu ħarġu l-akkużi u ieħor ta’ burnouts, fejn sakemm waslet il-pulizija dawn ma rriżultax.
Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur
Question
B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 23296 tal-Leġiżlatura XIII, tista’ l-Ministru tgħid meta saret it-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2161 dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li skont l-istess direttiva kellha tiġi trasposta sat-28 ta’ Novembru, 2021? Tista’ telenka liema huma l-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw il-miżuri ta’ din id-direttiva? Tista’ tgħid ukoll jekk saritx xi forma ta’ konsultazzjoni pubblika dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u jekk iva, ma’ min u x’kien l-eżitu? U jekk le, għalfejn ma saritx tenut kont ta’ dak li ġie mwiegħed fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23296?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Abbozz ta’ Liġi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2161 dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur għandha tiġi mressqa quddiem il-Parlament fil-ġranet li ġejjin. Id-Direttiva ser tiġi trasposta permezz ta’ emendi fl-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, fir-Regolamenti dwar Prezzijiet Indikati skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (L.S. 378.09) u r-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (L.S. 378.15). Kif kien indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23296, konsultazzjoni pubblika dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva saret bejn is-7 ta’ Diċembru 2021 u l-10 ta’ Jannar 2022, fejn kien hemm risposta waħda mingħand l-Għaqda tal-Konsumaturi.
Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet – spiża fuq safar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm swiet il-mawra tiegħu fil-Kanada (fosthom f’Toronto) f’dawn il-jiem u minn min kien akkumpanjat?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra, hekk kif din id-domanda saret jumejn wara li l-Ministru wasal Toronto u waqt li kien għadu lanqas wasal lura Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid meta r-rikorsi kostituzzjonali li jsiru minn persuni li jirrisjedu f’Għawdex ser jibdew jinstemgħu fil-Qorti ta' Għawdex, u dan in vista li ħames snin ilu predeċessuri tiegħu kienu wegħdu li fi ftit xhur dawn kellhom jibdew jinstemgħu f’Għawdex stess?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjijn id-diskussjonijiet neċċessarji sabiex jiġi evalwat kif dan jista' jkun possibbli u jidħol fis-seħħ.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex każijiet quddiem it-Tribunal Industrijali li jitressqu minn persuni li jirrisjedu f'Għawdex kontra persuni jew kumpaniji li joperaw f'Għawdex iridu bilfors jinstemgħu f'Malta? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn jibdew jinstemgħu f'Għawdex stess?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Minister għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — xogħlijiet minn kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jelenka, jekk hu l-każ, kull direct order jew simili, taħt kwalsiasi kappa jew isem, li kwalsiasi entità taħtu tat lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fl-2019 u fl-2020? Għal kull każ, jista’ jagħti l-ammont ta’ ħlas u r-raġuni ta’ dak ix-xogħol?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Gaming Authority — safra tal-Head Lead & Enforcement
Question
Jista’ l-Ministru jispjega r-raġuni għaliex il-Head Legal & Enforcement tal-Gaming Authority li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tħalliet tmur Las Vegas fl-2018 mal-individwu li d-dettalji dwaru wkoll qed jingħataw separatament li allura kien operatur tal-gaming? Jista’ jgħid jekk dan kienx kunflitt ta’ interess u jekk sarx bil-kunsens taċ-Chairman tal-Gaming Authority? Jista’ jgħid jekk l-ispejjeż tagħha taż-żjara tħallsux mill-Awtorità?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Mejju 2018 il-persuna kkonċernata kienet mistiedna Las Vegas sabiex tirrapreżenta l-Awtorità f’laqgħat li trattaw żviluppi regolatorji fil-qasam tal-gaming. Din iż-żjara ġiet awtorizzata mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità filwaqt li l-ispejjeż ma tħallsux mill-Awtorità.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna qiegħda f’xi skema mħaddma mill-Fondazzjoni tal-General Workers’ Union u li kienu jirreġistraw għax-xogħol qabel ma ttieħdu mill-Fondazzjoni? F’liema impjiegi qegħdin jitpoġġew, ma’ liema awtorità, dipartiment, aġenzija jew kumpanija huma qegħdin jintbagħtu jaħdmu? X’inhi t-take home pay tagħhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 367.