Legislature:
Category:
Reset
Active:

Special Olympics: ċerimonja tal-ftuħ – rendikont tal-infiq

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1100 u 1413, jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-infiq kollu li sar għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-iSpecial Olympics mill-entitajiet u Ministeri konċernati, lil min sar il-ħlas u b'liema proċedura ingħata (direct order, tender, etc.)?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – Proġetti mid-dħul tat-taxxa f’lukandi u akkomodazzjonijiet oħra

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti saru f'Għawdex mid-dħul tat-taxxa fuq kull lejl fil-hotels u akkomodazzjoni oħra? Jista' jgħid minn kemm ilha li ġiet introdotta din it-taxxa sal-lum, kemm kien id-dħul minn Għawdex? Jista' jgħid kemm minn din it-taxxa ġiet investita f'Għawdex stess?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati.

Għawdex: Rabat – skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tkun lesta l-Iskola Primarja tar-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid din l-iskola kemm se tkun tiflaħ studenti? Jista' jgħid din l-iskola l-ġdida, kemm-il parkeġġ se jkollha magħha u kemm jieħu karozzi kull parkeġġ li qed isir ma’ din l-iskola l-ġdida fiċ-ċentru tar-Rabat, Għawdex?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskola Primarja fir-Rabat, Għawdex, se tkun lesta għas-sena skolastika 2023-2024. Din l-iskola se tkun qiegħda tista tilqa’ fiha madwar 500 student. L-edukaturi u l-ħaddiema tal-iskola se jkunu jistgħu jużaw il-parkeġġ eżistenti li hemm biswit l-iskola.

Kottonera – reserved parking għar-residenti

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsir reserved parking għar-residenti tal-Kottonera, b'mod partikolari d-dawra ta' fejn hemm l-irmiġġi u dan għax ħafna mill-parking spaces qed jittieħdu għal ġranet sħaħ kemm minn min juża l-ferry għax-xogħol jew mis-sidien tad-dgħajjes?

Response (FARRUGIA, AARON)

L-awtoritajiet se jkomplu jiddiskutu mal-kunsilli lokali rispettivi biex ikomplu jsibu s-soluzzjonijiet plawsibbli.

Twelid ta’ trabi permezz tal-IVF

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hawn twelid ta' trabi permezz tal-IVF matul l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ trabi imwielda mill-proċeduri tal- IVF (IVF u ICSi u IUI) mill- 2013 (minn meta giet stabilita l-Awotrita )sal-20 ta Gunju huwa ta 425 tarbija., Mic-ċikli li saru fi 2021, hu mistenni li jitwieldu 9 il-tarbija oħra minn MDH. Filwaqt li miċ-ċikli li saru fl-2022 sa issa hemm 18 nisa oħra tqal li qed jistennew 21 il-tarbija, 17 minn proċeduri f’Mater Dei u 4 minn proċeduri fil-Privat.

Bormla: Mitħna ta’ San Ġwann — restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet avvanzati li kellha l-Awtorità tal-Artijiet biex il-Mitħna ta' San Ġwann, Bormla, li hi ta' żmien il-Kavallieri, tiġi restawrata?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet tieħu ħsieb il-manutenzjoni u t-tiswija imma mhux ir-restawr.

Bormla: Mitħna fiż-Żona ta’ Santa Margerita — restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex il-Mitħna fiż-Żona ta' Santa Margerita, Bormla, tiġi restawrata?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet tieħu ħsieb il-manutenzjoni u t-tiswija imma mhux ir-restawr.

Bormla: Żona ta’ Dock 1 — irmiġġi

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-irmiġġi li hemm amministrati minn Transport Malta fiż-Żona ta' Dock 1, Bormla, jiġu upgraded u jkun hemm is-servizzi neċessarji?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona ta’ Dock 1 amministrata mill-Awtorità tat-Trasport, hemm servizzi tal-ilma għall-irmiġġi però f’dan l-istadju m’hemm l-ebda pjan biex jiġu introdotti servizzi oħra addizzjonali.

Tobba tal-familja li jinvistaw pazjenti b’nuqqas ta’ saħħa mentali fil-komunità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hawn tobba tal-familja li qed jinvistaw pazjenti b’nuqqas ta’ saħħa mentali fil-komunità u kemm qegħdin jitħallsu għal dan is-servizz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi tobba tal-familja fil-privat għandhom il-possibbiltà li jaraw pazjenti bi problemi ta' saħħa mentali mingħajr ħlas. Il-Gvern iħallas €20 għal kull vista ta’ tabib. Fil- preżent hemm tabib wieħed li għażel li jara pazjenti taħt din l-iskema.

Servizz tal-Gwardjan Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema huma dawk il-kunsilli lokali fejn fil-lokalità tagħhom mhux qed jitħaddem is-servizz tal-gwardjan lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab informat li l-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex jinsabu attwalment koperti bis-servizz ta’ 'Uffiċċjali tal-Komunità'.

Paga Minima

Question

Billi skont iċ-ċifri tal-Eurostat il-paga minima ta’ Malta hija l-aktar baxxa meta kkomparata mal-pajjiżi l-oħra fil-Punent tal-Ewropa, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir biex din il-paga minima tiġi riveduta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – annimali miġbura

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, jindika kemm-il annimal ġie miġbur mill-ħaddiema tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali f'dawn l-aħħar sitt xhur? Jista’ jgħid kemm minn dawn ġew imraqqda/maqtula?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – annimali miġbura

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, jindika kemm-il annimal ġie miġbur mill-ħaddiema tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali f'dawn l-aħħar sentejn? Jista’ jgħid kemm minn dawn ġew imraqqda/maqtula?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Għoti ta’ mediċini b’xejn

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta huwa ppjanat li jibdew jingħataw il-mediċini kollha b'xejn lill-anzjani kollha kif imwiegħed fil-programm elettorali tal-Gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċess imsemmi minnu qiegħed isir b’mod progressiv u gradwali u mħux f’data speċifika waħda.

Mellieħa – tindif tal-bajja biswit ir-Ramla Bay Resort

Question

Jista' l-Ministru jara li titnaddaf il-bajja pubblika li hemm biswit ir-Ramla Bay Resort, il-Mellieħa, hekk kif issa se jibda s-sajf?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-bajjiet pubblici li jitnaddfu mid-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni huma nodfa. Niġbidlu l-attenzjoni li fl-inħawi hemm bajja li taqa’ fil-konfini tal-privat.

Għawdex – triq li mix-Xagħra tagħti għall-bajja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fit-triq li mix-Xagħra tagħti għall-Bajja tar-Ramla f'Għawdex itteħdux il-prekawzjonijiet kollha biex jitneħħa l-periklu li xi ħadd jaqa' bil-karozza fil-wied u dan peress li hemm partijiet miċ-ċnut li jagħtu mit-triq għal wied, neqsin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din it-triq qed issir rikostruzzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ u infurmat li l-kuntrattur qed jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa.

Marsaxlokk – Triq ix-Xerriek – barumbara

Question

Tista’ l-Ministru tispjega kif barumbara skedata Grad 2 b’valur ta’ wirt storiku ġewwa Triq ix-Xerriek, Marsaxlokk, ingħata fuqha l-permess biex tiġi żviluppata f’binja privata li ser tkun qed tinqasam f’diversi units?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kunsill għall-Anzjani li jgħid lill-Kummissarju għall-Anzjani — kompożizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1300 u jgħid minn min hu kompost il-Kunsill għall-Anzjani li jgħin lill-Kummissarju għall-Anzjani? Jista' jgħid jekk apparti ċ-Chairperson u sitt membri oħra maħtura skont il-liġi, ġewx maħtura aktar membri mill-Kunsill? Jekk inhu l-każ, jista' jgħid min huma dawn il-membri?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Adozzjoni — Pajjiżi fejn hu permess li ssir adozzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1354, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew adottati tfal mis-sena 2017 sal-lum mill-11-il pajjiz imsemmija? Jista’ l-Ministru jgħid kemm tfal ġew adottati minn kull pajjiż rispettivament?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tireferri l-mistoqsija lil-Ministeru kkonċernat.

Għotja għaċ-Ċittadin Anzjan ta’ €300 – anzjani li jgħixu fi djar residenzjali privati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 550 u ċjoè: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 169 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Anzjanità Attiva u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hemm anzjani li jgħixu fi djar residenzjali privati li qed jingħataw l-Għotja għaċ-Ċittadin Anzjan ta' €300?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ anzjani li jgħixu fi djar residenzjali privati li qed jingħataw l-Għotja għaċ-Ċittadin Anzjan ta’ €300 huwa ta’ 22. L-Għotja ta’ €300 tingħata lil dawk l-anzjani li għandhom 75 sena imma li għadhom m’għalqux it-80 sena.