Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — binjiet tal-Gvern li bdew jinbnew imma għadhom ma tlestewx
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm binjiet tal-Gvern li qegħdin jinbnew bħalissa jew li bdew jinbnew u għadhom ma tlestewx fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar sabiex dawn jintużaw bħala postijiet ta’ residenza? Jista’ jagħti tagħrif dwar fejn qiegħda kull binja u meta hi mistennija li din titlesta u tibda tintuża? Jista’ jaċċerta li kull binja minn dawn hi aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi preżentament għaddejjin il-preparamenti neċessarji fuq binja ġdida fil-lokalità tal-Mellieħa. L-Awtorità tad-Djar bħalissa mhux tibni binjiet fil-lokalitajiet tan-Naxxar u San Pawl il-Baħar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema Supply li għandhom kuntratt jiġġedded sena b'sena, fil-primarja, fil-medja u fis-sekondarja fl-iskejjel kollha tal-Istat sa tmiem din is-sena skolastika?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm mija u għoxrin (120) għalliema supply fil-primarja tal-Istat, tnejn u erbgħin (42) għalliema supply fl-iskejjel medji tal-Istat u mija u tnax (112)-il għalliema supply fl-iskejjel sekondarji tal-Istat li għandhom kuntratt jiġġedded sena b’sena.
Birkirkara – Triq Ġużè Orlando u Triq Bontadini – traffic calming measures
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta waslitilhiex talba mill-Kunsill Lokali ta' Birkirkara dwar il-bżonn immedjat li jsiru traffic calming measures fi Triq Ġużè Orlando u Triq Bontadini f'Birkirkara? Jekk iva, x'qed isir fuqha, u jekk le, jista' l-Ministru jintervjeni sabiex dawn it-toroq ikunu siguri kemm għar-residenti kif ukoll għas-sewwieqa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tat-Transport ma rċeviet l-ebda talba ghall-‘traffic calming measures’ fit-toroq msemmija.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1416 u jagħti tagħrif dwar liema huma l-bajjiet li huma kklassifikati bħala swimmer designated zones għas-sajf 2022? Meta hu mistenni li jkunu mmarkati fil-baħar dawn l-istess żoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ ‘Swimmer Designated Zones’ qed tiġi mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat li dawn ġew kollha installati.
Rabat – Triq Mons. G. Depiro – tibdil ta’ kanna tal-ilma
Question
Peress li l-provvista tal-ilma fi Triq Mons. G. Depiro, fir-Rabat Malta, ilha għal dawn l-aħħar xhur ħażina ħafna u meta f’dawn l-aħħar jiem numru ta' ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) kienu fuq il-post, raw li l-problema hija li l-kanna tal-ilma li għandha ’l fuq minn 40 sena trid tinbidel, anke minħabba l-ilma maħmuġ li kontinwament qiegħed jasal fid-djar tar-residenti, għaldaqstant. tista' l-Ministru tgħid meta din il-kanna sejra tinbidel ħalli jissolva l-inkonvenjent għar-residenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq ndikata tifforma parti mill-pjan ta’ ħidma tal-Korporazzjoni għas-snin 2020-2023 biex jinbidlu 'l fuq minn 50 kilometru ta’ servizzi tal-ilma antiki ħalli ntejbu l-kwalità tal-ilma. It-tender għal din it-triq hu mistenni li joħroġ iżjed tard matul din is-sena, bix-xogħlijiet ippjanati li jkunu kompluti s-sena d-dieħla. Ħa nkomplu naħdmu sabiex dak li ma sarx f’40 sena nwettquh ħalli nagħmlu d-differenza.
Tas-Sliema, San Ġiljan u Swieqi — Għases tal-pulizija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija stazzjonati f'kull ħin fl-Għassa tal-Pulizija f'Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi fl-għassa ta’ Tas-Sliema jkun hemm medja ta’ 28 uffiċjal tal-Pulizija u ta’ San Ġiljan ikun hemm medja ta’ 56 uffiċjal tal-Pulizija. Barra minn hekk fl-għassa ta’ San Ġiljan hemm ħames uffiċjali oħra tal-Komunità li joperaw f’din il-lokalità. Fil-lokalità ta’ tas-Swieqi hemm tim ta’ ħames uffiċjali tal-Komunità. Ma’ dawn wieħed irid isemmi, illi fid-dawl tal-oġġettivi u għanijiet tal-pulizija fejn tidħol is-sigurtà u protezzjoni taċ-ċittadin u l-infurzar tal-liġi, il-lokalitjiet imsemmija huma koperti wkoll min uffiċjali tat-taqsima tal-RIU li joperaw f’kull ħin, kif isir f’lokalitajiet oħra f’din il-gżira.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qegħdin isiru patrols tal-Pulizija bil-mixi mal-promenade ta' Tas-Sliema, u jekk iva, kemm-il darba dawn isiru?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi kif diġà ngħad f’mistoqsija relatata, ta’ kuljum il-pulizija ssegwi diversi tipi ta’ rondi ġewwa Tas-Sliema, inkluż il-promenade. Dawn isiru skont id-disponibilità ta’ uffiċjali mill-għassa ta’ Tas-Sliema anke permezz tal-vetturi tagħhom. Rondi kontinwi jsiru wkoll min uffiċjali tal-RIU li jkopru ż-żona indikata fost żoni oħra, u dan barra illi hemm ħinijiet fejn ir-rondi jsiru minn uffiċċjali mit-taqsima tal-Pulizija tal-Komunità, u xi drabi, minn dawk mit-Taqsima tal-Klieb. Bħal dejjem kull tip ta’ ronda hija importanti u hija mmirata li tilħaq il-ħtiġijiet diversi tal-komunità, fost irwoli oħra.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex il-pazjenti li jmorru jiġbru r-riżultati tal-X-Ray mill-Poliklinika fil-Gżira, fil-ġurnata u l-ħin li fih ġew infurmati biex imorru, kienu mġiegħla jistennew għal aktar minn erba’ sigħat qabel jingħataw ir-riżultat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema pazjent jew data qed jirreferi.
Jista’ l- Ministru jgħid meta se jiġu sostitwiti r-railings tal-promenade ta’ Tas-Sliema, bejn Fond Għadir u l-Waterpolo Pitch ta’ Tas-Sliema, li huma kollha sadid?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ser isir intervent fuq ir-railng li hemm bejn il-Pitch tal-Waterpolo u ż-żona magħrufa bħala Għar id-Dud/Chalet. Dan ix-xogħol se jsir bi qbil mal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.
Tista’ l- Ministru tgħid meta se jiġu installati l-arbli tad-dawl neqsin fil-promenade f’Tas-Sliema, li saritilhom il-ħsara minn maltemp aktar minn tliet snin ilu u li ilhom neqsin minn dakinhar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta ser tkun qed tikkordina x-xogħol biex isir dawl ġdid fil-Promenada f’Tas-Sliema bħala parti minn proġett biex tinbidel il-bankina li ser isir minn Infrastructure Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 1015, jista’ l-Ministru jgħid meta se jinħatar il-Bord tad-Diretturi tal-PBS, għal liema terminu se jinħatar, u x'se tkun ir-remunerazzjoni tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari numru 1015.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz tal-1717 bediex jitħaddem f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni qed jaħdmu f'dan is-servizz kemm dan ilu jopera? Il-persuni li ntgħażlu, fuq liema kriterji ġew ingaġġati?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru qtates minn Jannar sal-aħħar ta' Mejju mill-Animal Welfare? Kemm kien hemm minn dawn il-qtates li kellhom jitraqqdu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1360, tista’ l-Ministru telenka l-liġi jew liġijiet nazzjonali rigward kull waħda minn dawn l-entitajiet imsemmija fit-tweġiba tagħha, fejn allura l-entità konċernata tista’ tieħu passi a tenur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva kif rifless fil-Liġi Maltija fil-konfront ta’ dik l-entità?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur il-liġijiet huma s-segwenti:
1. L-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378);
2. Ir-Regolamenti dwar Kreditu lill-Konsumatur (L.S. 378.12);
3. Ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (L.S. 378.17);
4. Ir-Regolamenti dwar Kuntratti għal Kontenut Diġitali u Servizzi Diġitali (L.S. 378.20).
Apparti l-imsemmija ligijiet, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur hija wkoll responsabbli għall-protezzjoni tal-konsumatur għad-drittjiet tar-riċevituri u riċevituri potenzjali ta’ servizz sabiex ma jkunux soġġetti għall-ħtiġiet diskriminatorji msemmija fl-artikolu 9(a) tal-Att dwar Servizzi li jingħataw fis-Suq Intern li jittrasponi id-Direttiva dwar is-Suq Intern.
Rigward l-entitajiet l-oħra din l-informazzjoni qed tiġi vverifikati mal-entitajiet konċernati u tingħata risposta fil-jiem li ġejjin.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1414, peress li r-"regoli stabbiliti" jipprovdu għal "ogħla penali li jista' jiġi impost", jista' l-Ministru jagħti l-ammont preċiż tal-penali li ġie impost f'dan il-każ partikolari (Enemalta plc), kemm għall-kontijiet tal-2019 li ġew imdaħħla sena u nofs tard u kemm dawk tal-2020 li ġew imdaħħla madwar sitt xhur tard?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iżjed xi nżid mat-tweġiba għall-mistoqsija 1414.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1415, ġaladarba l-Ministru qed tgħid li ma tistax tippubblika "volumi u prezzijiet dettaljati xahar b'xahar fuq medda ta' numru ta' snin", tista' tippubblika biss il-prezzijiet u l-volumi ta' elettriku li nxtraw mill-interconnector, mill-Electrogas (Delimara 4) u minn Shanghai Electric (Delimara 3), għal xahar wieħed biss f'Mejju 2017?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xahar ta’ Mejju 2017 inxtraw 88,858 MWh mill-Interconnector għal prezz ta’ €59.20 kull MWh esklużi spejjeż anċillari. Skont stima tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, dawn l-ispejjeż anċillari ilaħħqu medja ta’ €28.06 kull MWh, għal total ta’ €87.26 għal kull Mwh.
Mill-impjant Delimara 3 inxtraw 33,984 MWh għall-prezz ta’ €82.90 kull MWh li jinkludi l-ispejjeż anċillari u inxtraw 43,670 MWh mill-impjant Delimara 4 għall-prezz ta’ €91.12 kull MWh li jinkludi l-ispejjeż anċillari.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li f'Mejju 2017, l-impjant Delimara 4 kien għadu kif beda jaħdem u kien qed jopera bil-mod Open Cycle. Fix-xhur ta wara’ meta beda l-operat normali il-prezz ta’ kull MWh min Delimara 4 niżel.
Għaldaqstant, wieħed għandu jieħu l-figuri li ngħataw hawn fuq fil-kuntest abnormali u partikolari tal-operat.