Legislature:
Category:
Reset
Active:

AgriFair — esebituri kummerċjali

Question

Filwaqt li l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet bħall-AgriFair ta’ min ifaħħarhom u għandhom ikomplu jiġu organizzati fuq bażi annwali, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kriterji li bihom intgħażlu l-kumpaniji kummerċjali bħala esebituri, kif kien assenjat lilhom l-ispazji ta’ esebizzjoni, u kemm kien il-ħlas għal kull stand li ngħataw dawn l-entitajiet kummerċjali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal din l-ewwel edizzjoni tal-Malta AgriFair 2022, dawk l-esebituri kummerċjali kollha li wrew interess li jipparteċipaw wara li kien hemm sejħa ta’ interess, setgħu jirreġistraw sal-15 ta’ April 2022 u dawk li l-prodotti jew s-servizzi li huma joffru huma relevanti għas-settur agrikolu, tas-sajd u tal-akwakultura ġew aċċettati. Iż-żona ta’ ġewwa tal-Fiera kienet maqsuma fi tliet kategoriji ewlenin: 1. agrikoltura f'termini ta' kull ħaġa relatata mal-uċuħ tar-raba'; 2. prodotti tal-bhejjem u kwalunkwe prodott/servizz ieħor relatat mal-bhejjem; 3. sajd/akkwakultura. Kien hemm każijiet fejn esebituri kienu jaqgħu f’aktar minn kategorija waħda, madankollu l-allokazzjonijiet tal-istands kienu dejjem assenjati bi qbil mal-esebituri u aktar minn post ta’ allokazzjoni wieħed kien offrut għall-għażla. Il-ħlas ta’ kull stand kienet dipendenti fuq id-daqs tal-istand meħtieġ kif ġej: · 4m x 2m: €100 inklużi spazju, tapit, ħitan tal-PVC, dwal u elettriku · 4m x 4m: €200 inklużi spazju, tapit, ħitan tal-PVC, dwal u elettriku · 4m x 8m: €400 inklużi spazju, tapit, ħitan tal-PVC, dwal u elettriku Importanti wkoll li wieħed jirrimarka li d-Dipartimenti, d-Direttorati u l-Entitajiet fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, kellhom irwol importanti sabiex jilħqu lill-partijiet interessati kollha f’dawn is-setturi.

AgriFair — ħlas għal spazji/stands

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bdiewa, raħħala u l-koperattivi tagħhom, hekk kif inhu ġust u xieraq għax fieri bħal dawn għandhom isiru biex iservu ta' vetrina għall-prodott lokali Malti, kinux eżentati minn ħlas għall-ispazji/stands disponibbli biex jesebixxu l-prodotti agrikoli tagħhom waqt l-AgriFair?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżati tal-istands li kienu ssusidjati mill-Ministeru, kienu applikabbli għall-parteċipanti kollha li ħadu sehem bħala esebituri waqt il-Malta AgriFair 2022, kemm kumpaniji kummerċjali kif ukoll bdiewa, raħħala, kooperattivi u għaqdiet volontarji.

AgriFair

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-AgriFair hux ser tibqa' tiġi organizzata fuq bażi annwali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-attendenza u l-interess li ntwera waqt l-ewwel edizzjoni huwa indikazzjoni ċara li l-Malta AgriFair għandha terġa’ tiġi organizzata. Bħalissa għaddej proċess ta’ evalwazzjoni ta’ din l-ewwel edizzjoni li ser iwassal ukoll għal deċiżjoni dwar kull meta l-fiera għandha tiġi organizzata.

AgriFair — attendenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm attendew persuni għall-AgriFair tul il-ġranet tal-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd, ġurnata b’ġurnata separatament?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li attendew l-AgriFair kien hekk kif ġej: · Il-Ġimgha 5,700 · Is-Sibt 11,600 · Il-Ħadd 15,800

AgriFair — tenders

Question

B’referenza għall-AgriFair, jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu tenders għall-aspetti varji tal-organizzazzjoni ta’ din il-fiera, bħal: (a) provvista ta’ dawl; (b) immuntar u żarmar tal-istands; (ċ) sound system; (d) conference facilities, (e) sigurtà, (f) tindif, (g) fotografija u videografija; u (h) servizzi oħra? F’kull każ, jista' l-Ministru jinkludi l-isem tal-kuntrattur/i u l-valur imħallas lill-kuntrattur/i għas-servizz/i li pprovda/ipprovdew, jekk dawn ingħatawx b’tender jew direct order u f’kull każ inġibitx l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għall-Malta AgriFair 2022, il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli stabbilixxa diversi kuntratti u sejħiet għall-offerti għall-ispejjeż ewlenin kollha tagħha bl-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti fosthom: 1. CT500/2019 – NEGOTIATED PROCEDURE FOR THE ORGANISATION OF THE NATIONAL AGRICULTURAL FAIR IN 2020 Kuntratt bejn il-Ministeru u MFCC Ltd bħala l-post uffiċjali tal-Malta AgriFair B’ammont totali massimu ta’ €342,076,50 exc. VAT approvat mid-DOC Apparti l-użu tal-post għall-Fiera, il-kuntratt kien jinkludi ħafna servizzi addizzjonali li huma: a. Immuntar u żarmar tal-istands; b. Twapet kullimkien inkluż passaġġi u żona tal-konferenzi; c. Stands tal-esibituri inklużi spazju, tapit, ħitan tal-PVC, dwal u elettriku d. Elettriku ġenerali limtat għal 33,000 unità e. Stage/platform – 12m x 10m x 0.75m; dan intuża fiż-żona tal-konferenzi u parzjalment fiż-żona tal-kompetizzjonijiet tal-annimali f. Arja kkundizzjonata matul il-ġranet tal-fiera kollha g. Total ta’ żona ta’ barra ta’ 750sqm mgħotijja b’tined għall-esebizzjoni tal-annimali u l-kompetizzjonijiet h. Din iż-żona ta’ barra kienet tinkludi wkoll twapet, provvista ta’ dawl u elettriku, servizzi ta' ilma u drenaġġ i. Żona tas-sala li tinkludi siġġijiet u sufani għar-rilassament j. Konċessjoni ta' 200sqm f'termini ta' branding u stampar għal stands relatati mal-Gvern k. Konċessjoni ta’ 100sqm f’termini ta’ branding u stampar ġenerali madwar il-post kollu l. Appoġġ tat-tim tal-bejgħtal-MFCC taħt l-awtorita’ tal-Ministeru m. Żewġ persuni tas-sigurtà 24/7 matul it-tul kollu tal-fiera mill-bidu tal-immuntar, waqt il-Fiera u sal-aħħar ġurnata ta’ żarmar; n. Tindif fil-post kollu ġewwa u barra eskluż skart relatat mal-annimali. 2. MESDC 433/2019/2 – SERVICE TENDER FOR THE DEVELOPMENT AND IMPLEMENTATION OF AN INTEGRAL PROMOTIONAL AND MARKETING CAMPAIGN ON THE NATIONAL AGRICULTURAL FAIR IN AN ENVIORNMENTALLY FRIENDLY MANNER Tender li kien ipubblikat fuq l-Epps fit-2019 u mirbuħ mill-kumpanija Outlook Coop Għall-ammont totali ta’ €191,789.00 exc. VAT Li kien jinkludi dawn is-servizzi ta’ marketing u promozzjoni: a. Adattament tad-disinn kif ikun hemm bżonn matul it-tul tal-kuntratt; b. Riklami fuq rivisti u gazzetti; c. Produzzjoni ta' vidjows d. Disinn u stampar ta' materjal ta' reklamar: fuljetti, stands tal-fuljetti, programm, gwida u mappa ta' avvenimenti għall-viżitaturi, flyer u poster; e. Backdrops, televisions u roll up banners; f. Reklamar fuq it-TV; g. Reklami fuq ir-radju; h. Brand ambassadors; i. Fotografu u vidjografer professjonali; j. Reklami fuq il-karozzi tal-linja; k. Relazzjonijiet pubbliċi inklużi intervisti fuq programmi televiżivi u programmi tar-radju; l. Reklamar diġitali fuq portali tal-aħbarijiet onlajn. 3. MAFA_CFQ01/2022 – PROVISION OF INDOOR CHILDREN ENTERTAINMENT ACTIVITIES DURING THE MALTA AGRIFAIR 2022 Call for Quotes ippubblikata fuq l-Epps fit-2022 u mirbuħ mill-kumpanija ALKA Ceramics Għall-ammont totali ta’ €9,600.00 exc. VAT . 4. MAFA_CFQ02/2022 – PROVISION OF OUTDOOR CHILDREN ENTERTAINMENT ACTIVITIES DURING THE MALTA AGRIFAIR 2022 Call for Quotes ippubblikata fuq l-Epps fit-2022 u mirbuħ mill-kumpanija ALKA Ceramics Għall-ammont totali ta’ €7,335.00 exc. VAT. 5. Saħħa u sigurtà: a. Risk assessment - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-imejl fl-2019 u l-orħos offerta waslet mingħand Stanley Azzopardi Occupational Health and Safety Consultancy għall-ammont totali ta’ €590.00 exc. VAT minħabba li l-AgriFair ġiet posposta minħabba il-COVID-19 ir-risk assessment ġie abbozzat però qatt ma ġie konkluż u ffirmat; b. Fit-2022 Stanley Azzopardi Occupational Health and Safety Consultancy ġie kkuntattjat direttament biex jifinalizza ir-risk assessment u jiġi ffirmat għall-ammont totali ta’ €480.00 exc. VAT ; c. Minħabba l-livell u l-kobor tal-fiera u hekk kif ġie stabilit mir-risk assessment id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew ingaġġjati direttament għas-servizzi relatati ma’ nar u salvataġġ għall-amount totali ta’ €5,958.80 exc. VAT ; d. Sevizz ta’ ambulanza u first aiders - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 u l-orħos offerta waslet mingħand Fire and Security Engineering għall-ammont totali ta’ €1,102.50 exc. VAT ; e. Servizz ta’ sigurtà addizzjonali għall-kontroll tan-nies - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 u l-orħos offerta waslet mingħand Goldguard Services Ltd għall-ammont totali ta’ €3,118.41 exc. VAT ; f. Polza ta' assigurazzjoni - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 u l-orħos offerta waslet mingħand Thomas Smith Insurance Broker għall-ammont totali ta’ €4,500.00 exc. VAT. 6. Servizzi awdjoviżivi: a. Iffilmjar taħt l-ilma tat-tonn – Direct Order li saret fit-2019 fuq bażi ta’ urġenza u raġunijiet tekniċi u artistiċi mingħand Studio 7 Co Ltd. għall-ammont ta’ €640.00 exc. VAT ; b. Produzzjoni ta’ disinn grafiku bil-qwiel Malti relatat mal-biedja u s-sajd – Direct Order li saret fit-2019 fuq bażi ta’ raġunijiet tekniċi u artisitiċi mingħand Studio 7 Co Ltd. għall-ammont ta’ €3,861.52 exc. VAT ; c. LED Wall 6m by 3m – Direct Order li saret fit-2022 fuq bażi ta’ raġunijiet tekniċi u artistiċi mingħand Studio 7 Co Ltd. għall-ammont ta’ €9,384.00 exc. VAT ; d. Servizzi awdjoviżi fiż-żona tal-konferenzi - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 madankollu ħadd mill-fornituri ma seta’ jipprovdi s-servizz minħabba ħafna avvenimenti oħra li kienu qed iseħħu fl-istess tmiem il-ġimgħa tal-AgriFair. Għalhekk fuq din il-bażi u fuq raġunijiet relatati ma’ urġenza ġie ingaġġat direttament Genaudio Ltd għall-ammont totali ta’ €7,953.20 exc. VAT ; e. Servizzi awdjoviżi fiż-żona tal-kompetizzjonijiet tal-annimali - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 madankollu ħadd mill-fornituri ma seta’ jipprovdi s-servizz minħabba ħafna avvenimenti oħra li kienu qed iseħħu fl-istess tmiem il-ġimgħa tal-AgriFair. Għalhekk fuq din il-bażi u fuq raġunijiet relatati ma’ urġenza ġie ingaġġat direttament Genaudio Ltd għall-ammont totali ta’ €6,186.74 exc. VAT . 7. Servizzi oħra: a. Oġġetti promozzjonali għall-esebituri kollha ( poloshirts, lanyards u lapel pins ) - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 u l-orħos offerta waslet mingħand Playcraft Promotional Items għall-ammont totali ta’ €1,864.00 exc. VAT ; b. Billboards 1 – Direct Order li saret fit-2019 approvata mill-Ministeru għall-Finanzi mingħand Border & Co Ltd. għall-ammont totali ta’ €19,820.00 exc. VAT ; c. Billboards 2 – Direct Order li saret fit-2019 mingħand Streetcom għall-ammont totali ta’ €6,000.00 exc. VAT ; d. Billboards 3 – Direct Order li saret fit-2019 mingħand Keen għall-ammont totali ta’ €3,600.00 exc. VAT ; e. Kukkardi għall-kompetizzjoni tal-annimali - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 u l-orħos offerta waslet mingħand Horace Enterprises Ltd għall-ammont totali ta’ €403.75 exc. VAT ; f. Vawċers tal-għalf tal-annimali (premjijiet għall-kompetizzjonijiet tal-annimali) - Direct Order li saret fit-2022 mingħand KPH Group għall-ammont totali ta’ €4,988.52 exc. VAT ; g. Akkomodazzjoni f’lukanda għal żewġ judges barranin għall-kompetizzjonijiet tal-annimali - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 u l-orħos offerta waslet mingħand Corinthia Palace, Attard għall-ammont totali ta’ €1,308,41 exc. VAT; h. Fjuri dekorattivi – Direct Order li saret fit-2022 mingħand The Malta Florist għall-ammont totali ta’ €1,016.88 ; i. Spejjeż tal-persunal li saru minn Meridiana Wine Estate sabiex saru it-tours tal-produzzjoni tal-inbid u l-vinja waqt il-Malta AgriFair - Direct Order li saret fit-2022 ma’ Meridiana Wine Estate għall-ammont totali ta’ €1,763.00 exc. VAT .

Continuous Glucose Monitors — roll out

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn il-proċess tar-roll out tal-Continuous Glucose Monitors beda, waqaf u reġa' beda? Mill-109 persuna bejn is-17 u l-21 sena intitolati għall-Continuous Glucose Monitors, kemm bdew jużaw din is-sistema s’issa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proċess tal-CGM (Continuous Glucose Monitors) fil-bidu kien pilot project u l-proċess kellu bżonn tibdil biex jaħdem aħjar fil-każ tal-adulti. Meta sar dan it-tibdil il-proċess reġa' beda. Is-servizz ta' CGM ġie offrut lill-pazjenti kollha ta' bejn 17 u 21. Kien hemm min ipprefera jistenna biex juża dan is-servizz għal raġunijiet varji fosthom biex jispiċċaw l-eżamijiet.

Dijabete type 2 — Persuni ta' eta żgħira

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi l-kawża jew ir-raġuni għalfejn persuni ta’ età daqshekk żgħira jkollhom il-kundizzjoni tad-Dijabete Type 2?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waqt li l- obeżità, nuqqas ta' eżerċizzju, u eredità ta mard familjari huma kollha fatturi kontibutarji, mhux dejjem possibbli tkun identifikata kawża għal din il-kundizzjoni.

Dijabete type 2

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, sena b’sena mill-2010 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm persuni taħt is-36 sena li kellhom il-kundizzjoni tad-Dijabete Type 2? X’kienet il-kawża jew raġuni prinċipali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Waqt li nirrefferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 11, ninformaha illi f’ħafna każijiet il-kawża jew raġuni għal din il-kondizzjoni ma tkunx magħrufa.

Dijabete Type 2 — insulina

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn 4,203 persuna bid-Dijabete Type 2 saru dipendenti fuq l-insulina? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni qed ibatu wkoll minn kundizzjonijiet oħra relatati mid-Dijabete?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Insulina hija parti mit-trattament tad-dijabete. Il-kundizzjonijiet relatati mad-dijabete huma ttrattati madwar is-servizzi tas-saħħa kollha u allura dawn in- numri ma jinġabrux u mhumiex disponibbli.

Sptar Mater Dei u Kura Primarja — konsulenti, speċjalisti u tobba

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 13, 14 u 15, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk in-numru ta’ konsulenti, speċjalisti u tobba hux biżżejjed biex ilaħħaq mal-volum ta’ pazjenti li jirrikorru għas-servizzi fl-Isptar Mater Dei u fil-Kura Primarja?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' konsulenti, speċjalisti u tobba qiegħed jiżdied kull sena għal dawn l-aħħar snin u dan biex dejjem jkompli jittejjeb is-servizz mogħti kemm minn Mater Dei kif ukoll fil-kura primarja.

Sptar Mater Dei u Kura Primarja — infermiera

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk in-numru ta’ infermiera hux biżżejjed biex ilaħħaq mal-volum ta’ pazjenti li jirrikorru għas-servizzi fl-Isptar Mater Dei u fil-Kura Primarja?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 1119.

Ministeru għal Għawdex — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 291 u 962 u jgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta’ Mejju 2022, u kemm dawn jitħallsu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali informazzjoni tkun ippubblikata kull sitt xhur fuq il-Gazzetta tal-Gvern.

Servizz Ċivili — ħaddiema

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont ta’ kemm persuni kien hemm impjegati maċ-Ċivil għal dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 12908 tal-Leġiżlatura nru 13, il-figuri bħala persentaġġ ta’ dawk li jaħdmu fuq bażi nazzjonali għal dawn l-aħħar 5 snin huma kif ninsab infurmat: 2017-23% 2018-22% 2019-21% 2020-22% 2021-21%

Awtoritajiet statutorji u organizzazzjonijiet parastatali — ħaddiema

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont ta’ kemm persuni kien hemm impjegati ma’ awtoritajiet statutorji, inklużi organizzazzjonijiet parastatali, għal dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 1428.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — konsulenti

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 292 u 963, jista' l-Ministru jgħid min huma t-tliet konsulenti tiegħu, x'tip ta' konsulenza qed jipprovdu u kemm qed jitħallsu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-konsulenti li għandu dritt jaħtar Ministru sabiex jgħinuh fil-ħidma tiegħu, skont ir-regoli stabbiliti fil-Manwal tal-Kabinett li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, u l-ħlas huwa skont l-istess manwal.

Kunsilli lokali – ilmenti dwar ħmieġ jew problema ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il ilment dwar ħmieġ jew problema ta’ skart ġew irreġistrati fil-Kunsilli Lokali kollha, u b’mod rispettiv għal kull lokalità, fl-aħħar sentejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.

Monte di Pietà – rahan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm deheb depożitat taħt l-iskema ta’ rahan f’idejn il-Gvern fil-Monte di Pietà? Jista’ jindika wkoll l-eqdem rahan li ngħata u li għadu veljanti u ma nġabarx sal-aħħar ta’ Diċembru 2021?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Diċembru 2021 kien hemm 4,493 rahan depożitati fil-Monte di Pietà, bl-ixjeħ rahan imur lura għas-26 ta’ Marzu 1984.

Marsaxlokk – Triq ix-Xerriek – barumbara

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif ħajt li possibbilment inbena b’mod illegali b’estensjoni ma’ barumbara skedata Grad 2 b’valur ta’ wirt storiku ġewwa Triq ix-Xerriek, Marsaxlokk, jibqa’ ma jitneħħiex u għaldaqstant ikompli jimblokka lir-residenti tal-madwar milli anke jagħmlu użu tal-garaxx tagħhom minħabba li allura m’għandhomx l-aċċess dovut, u għaldaqstant qed jinkisrilhom dritt fundamentali li jgawdu l-proprjetà tagħhom fil-paċi?

Response (BONNICI, OWEN)

Waqt li nfakkar lill-Onor. Interpellanta li s-Sovrintendenza fil-proċess tal-ippjanar għandha biss funzjoni ta’ konsulent, u għalhekk m’għandhiex is-setgħa li toħroġ permessi għall-iżvilupp, nirreferiha għar-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari 1585.

Marsaxlokk – Triq ix-Xerriek – barumbara

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif ħajt li possibbilment inbena b’mod illegali b’estensjoni ma’ barumbara skedata Grad 2 b’valur ta’ wirt storiku ġewwa Triq ix-Xerriek, Marsaxlokk, jibqa’ ma jitneħħiex u għaldaqstant ikompli jimblokka lir-residenti tal-madwar milli anke jagħmlu użu tal-garaxx tagħhom minħabba li allura m’għandhomx l-aċċess dovut, u għaldaqstant qed jinkisrilhom dritt fundamentali li jgawdu l-proprjetà tagħhom fil-paċi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li l-binja inkwistjoni, preżenti fuq is-sit, hija koperta b’permess tal-iżvilupp PA2545/17 li nħareġ fil-5 ta’ April 2018. Sar Appell mid-deċiżjoni quddiem it-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar fejn dan it-Tribunal ikkonferma d-deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar. Saret ukoll kawża quddiem il-Qorti tal-Appell, fejn fis-27 ta’ April 2022, anke din il-Qorti ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar. Għaldaqstant ma hemmx passi ulterjuri oħra li l-Awtorità tal-Ippjanar tista' tieħu.