Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu – Lukandi ġodda u estensjonijiet – Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ lukandi ta’ kull kategorija u għal estensjonijiet li għadhom pendenti mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA)? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kamra u kemm-il sodda jkopru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-istess spirtu li ġiet imwieġba il-mistoqsija nru. 32476, il-kelma liċenzji qed tiġi nterpretata bħala n-numru ta’ applikazzjonijiet għal Tourism Policy Compliance Certificate (TPCC) li jinħareg mill-Awtorita’ sabiex applikant ikun jista jmur japplika għall-permess tal-iżvilupp. In-numru ta’ applikazzjonijiet ta’ lukandi ta’ kull kategorija inkluż estensjonijiet li għadhom pendenti mal-Awtorita’ huwa ta’ 44, li jkopru 2,998 kamra tas-sodda u total ta’ 6,239 sodda.

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu – Lukandi ġodda u estensjonijiet - Liċenzji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm inħarġu liċenzji għal lukandi ġodda/estensjonijiet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u li għadhom ma ġewx żviluppati? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kamra u kemm-il sodda jkopru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi liċenzja tkun tista toħroġ biss wara li lukanda tiġi żviluppata, għaldaqstant qed jiġi nterpretat li qed issir referenza għall-permessi preliminari magħrufin bħala Tourism Policy Compliance Certificates (TPCC). B’riferenza wkoll għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 24451, wieħed għandu jżomm f’moħħu li bejn dan il-proċess, il-permess tal-iżvilupp u l-iżvilupp tal-bini jgħaddi ammont ta’ żmien, u lanqas hu garantit li dan isir għax iċ-ċirkustanzi jistgħu jinbidlu. Għaldaqstant, fis-sena 2025 inħarġu 14-il TPCC għal-lukandi ġodda/estensjonijiet li jammontaw għal 586 kamra tas-sodda u 1,204 sodod u ġew liċenzjati 13-il lukanda li jkopru 1,289 il-kamra tas-sodda u 2,612 il-sodda.

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu – Lukandi liċenzjati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm lukandi preżentement liċenzjati mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) maqsuma kategorija b’kategorija? Jista’ jgħid ukoll x’inhu n-numru ta’ kmamar u n-numru ta’ sodod li jikkomprendu għal kull kategorija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ lukandi preżentament liċenzjati mal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għall-Malta u Għawdex sa Ottubru 2025 huwa kif muri fit-tabella: Lukandi Liċenzjati sa Ottubru 2025 Malta Kategorija Numru Numru ta’ Kmamar Numru ta’ Sodod 5 star 18 3759 8039 4 star 55 9512 19218 3 star 81 5770 11832 2 star 16 259 510 Total 170 19300 39599 Gozo Kategorija Numru Numru ta’ Kmamar Numru ta’ Sodod 5 star 2 200 400 4 star 5 391 788 3 star 8 187 366 2 star 4 46 84 Total 19 824 1638 Total: 189 20124 41237

Kemmuna - Blue Lagoon - Numru ta’ viżitaturi - Rapport

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32193 dwar il-figura ta’ 12,000 viżitatur li żaru l-Blue Lagoon f’Kemmuna f’ħin wieħed, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sħiħ ta’ GO p.l.c., imsemmi fl-istess tweġiba?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 32041, fejn fiha poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra il-konklużjoni tar-rapport imsemmi. Ninformah ukoll li dan huwa rapport intern, u kummeċjalment sensittiv.

Bord ta’ Monitoraġġ għal Persuni Detenuti – Rapport annwali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport annwali tal-Bord ta’ Monitoraġġ għal Persuni Detenuti għas-sena 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Lift fi blokka

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32020 dwar pjanijiet għall-installazzjoni ta’ lift fi blokka, fejn intqal li “l-applikazzjoni li kien hemm ġiet irtirata peress li m’hemmx spazju biżżejjed fit-tromba tal-komun”, jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li jiġi installat lift man-naħa ta’ wara tal-istess binja, fi Triq il-Buganvilla, kif sar fil-blokka biswit u li d-dettalji dwarha flimkien ma’ ritratt li juri dan, qed jingħataw separatament?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed jiġi kkunsidrat lift estern li jservi n-nofs tal-inżul (Serving the half landing); Madankollu, parti mill-bitħa kienet inkluża fil-bejgħ tal-appartament tal-pjan terran, filwaqt li l-parti l-oħra bħalissa tinsab soġġetta għal Wegħda ta’ Bejgħ (Promise of Sale).

Post għar-rwol ta’ Senior Teacher

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser toħroġ il-post għar-rwol/grad ta’ Senior Teacher, hekk kif maqbul fil-ftehim kollettiv li ġie konkluż qabel ma bdiet is-sena skolastika 2024-2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Il-Qrendi – Ċentru Ċiviku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex ser ikun jikkonsisti ċ-Ċentru Ċiviku tal-Qrendi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Qrendi li ċ-Ċentru Ċiviku tal-Qrendi ser ikun hemm l-Uffiċċini Amministrattivi tal-Kunsill Lokali, faċilitajiet sanitarji, Garaxx/Store, Sala tal-Kommunita'/Day Centre, Board Room tal-Kunsill. Fil-pjan terran ser tkun inkluża wkoll Klinika.

Il-Qrendi – Servizzi mill-berġa

Question

Jista’ l-Ministru jelenka s-servizzi li ser ikunu qed jingħataw mill-berġa l-ġdida tal-Qrendi u jgħid f’liema ġranet u ħinijiet ser ikunu qed jingħataw dawn is-servizzi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li malli tiftaħ il-Klinika tal-Kommunità ġewwa l-Qrendi, s-servizzi li ser ikunu qed jingħataw huma: Nhar ta’Tnejn kull ħmistax il-ġurnata, servizz tal-Podjatrija. Nhar ta’ Tlieta, Speech and Language Pathology mis 7.30am sat 3.00pm. Nhar ta’ Erbgħa, Speech and Language Pathology mis 7.30am sat 3.00pm. Mhux eskluż li jkun hemm servizzi oħra jekk ir-riżorsi umani jippermettu. Infakkar lill-Onor. Interpellant li llum, il-Kliniċi tal-Komunità huma wkoll imqabbda mas-sistema tal-electronic patient recrod biex l-istorja medika tal-pazjent tkun aċċessibbli f’ħin rejali minn kullimkien fil-Primary HealthCare.

Il-Qrendi – Servizzi mill-berġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew jingħataw is-servizzi mill-berġa l-ġdida tal-Qrendi ?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li s-servizzi mill-berġa l-ġdida tal-Qrendi se jibdew jingħataw meta jitlesta ix-xogħol li baqa’. Intant, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sadanittant, ir-residenti tal-Qrendi jistgħu jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop, sakemm ikunu lesti x-xogħlijiet fuq il-berġa l-ġdida tal-Qrendi. Iċ-Ċentru tas-saħħa ta’ Ħal Kirkopp joffri fost l-oħrajn dawn is-servizzi:…" Klinika Antikoagulanti POC (Point Of Care) Klinika għall-Prevenzjoni tal-Mard Kronika tal-Kliewi Klinika tad-dijabete Klinika ECG Servizzi ta’ Tobba Ġenerali Servizzi ta’ tilqim Servizzi ta ’infermiera Klinika tal-Fiżjoterapija Klinika tal-Podjatrija Patoloġija tal-Lingwa tad-Diskors Kamra tat-Trattament Well Baby Clinic Well Woman Clinic Ġestjoni tal-Kura tal-feriti

Il-Qrendi – Servizzi mill-berġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ngħataw l-aħħar servizzi mill-berġa tal-Qrendi? Jista’ jipprovdi l-lista ta’ servizzi li kienu jingħataw?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-aħħar servizzi mill-berġa tal-Qrendi ngħataw f’Marzu 2020 eżatt meta bdiet il-COVID. Dak inhar kienu twaqqfu il-bereġ kollha. Intant, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sadanittant, ir-residenti tal-Qrendi jistgħu jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop, sakemm ikunu lesti x-xogħlijiet fuq il-berġa l-ġdida tal-Qrendi. Iċ-Ċentru tas-saħħa ta’ Ħal Kirkop joffri fost l-oħrajn dawn is-servizzi:…" Klinika Antikoagulanti POC (Point Of Care) Klinika għall-Prevenzjoni tal-Mard Kronika tal-Kliewi Klinika tad-dijabete Klinika ECG Servizzi ta’ Tobba Ġenerali Servizzi ta’ tilqim Servizzi ta ’infermiera Klinika tal-Fiżjoterapija Klinika tal-Podjatrija Patoloġija tal-Lingwa tad-Diskors Kamra tat-Trattament Well Baby Clinic Well Woman Clinic Ġestjoni tal-Kura tal-feriti

Ċittadini mhux Maltin – Karozzi rreġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini mhux Maltin li għandhom karozza reġistrata f’isimhom fl-2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm ċittadini mhux Maltin li kellhom karozza reġistrata f’isimhom bejn l-2013 u l-2024, maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Klabbs sportivi - Titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32180 u jipprovdi lista ta’ kemm-il klabb sportiv preżentement għandu titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports, matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Marsa Sports Village Foundation

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31961 u 32092 u jgħid f’liema data twaqqfet il-"Marsa Sports Village Foundation", min huma l-membri tal-bord u x’funzjoni għandu? Meta u kemm-il darba iltaqa’ dan il-bord mit-twaqqif tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-baġit iddedikat għal din il-fondazzjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni qed tiġi stabbilita bi skop legali skont Artikolu 32 tat-tieni Skeda fejn l-għanijiet tal-Fondazzjoni ser ikunu: ·        Trasformazzjoni tal-Marsa Sports Grounds f’ċentru sportiv ta’ standard għoli biex jakkomoda atleti stabbiliti u biex jattira oħrajn ġodda. ·        Tlaqqa wkoll faċilitajiet sportivi mxerrda f’faċilita’ ħolistika waħda li se taħseb għal diversi sports filwaqt li tkun sostenibbli permezz ta’ dan l-istabbiliment kollettiv. ·        Il-Fondazzjoni se tagħti wkoll l-opportunita’ li l-isport kummerċjali jattiraw avvenimenti internazzjonali u kampijiet ta’ taħriġ, biex b’ hekk il-proċess kollu jsir saħansitra aktar sostenibbli. ·        Tagħti importanza kbira lill-provvediment ta’ Sport b’ kollaborazzjoni mal-Konsorzju tat-tiġrijiet taż-żwiemel, SportMalta, Marsa Sports Club, u Marsa Football Club bil-possibilita’ li tattira aktar stakeholders.

Miżuri dwar skart

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 32012 u tgħid x’miżuri tieħu l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jiġu evitati każijiet fejn jiġu imposti multi lil persuna żbaljata għal boroż/kaxxi/konenituri b’isem u/jew dettalji ta’ xi ħadd stampat fuqhom li jiġu mormija, deliberatament jew le, f’post pubbliku minn persuna terza?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) primarjament jippruvaw jaqbdu persuna fil-fatt, iżda meta dan ma jkunx possibbli, l-multa tinħareġ fuq kwalunkwe dettalji li jinstabu li jistgħu jwasslu għall-identifikazzjoni ta’ persuna.

Policy dwar skart

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 32011 u tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandhiex policy jew linji gwida uffiċjali li jgħidu li f’każ li tinsab borża ta’ skart b’indirizz jew dettalji oħra ta’ identifikazzjoni stampati fuqha f’post pubblika, din waħedha titqiesx bħala ‘sufficient evidence’ biex tinħareġ Notice of Intent to Impose an Administrative Fine? Jekk teżisti tali policy, tista’ l-Ministru tgħid meta ġiet approvata, fejn tinsab fuq is-sit elettroniku tal-awtorità? Jekk jirriżulta fin-negattiv, fuq liema bażi qed jinħarġu dawn il-multi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proċedura f’tali każijiet hija li tintuża l-aktar prova b’saħħitha li twassal għall-identifikazzjoni tal-persuna li tkun ikkommettiet il-kontravenzjoni, fejn f’ċerti istanzi din tkun indirizz fuq borża jew kaxxa. Il-proċedura legali li twassal għall-ħruġ ta’ Notifikazzjoni tal-Intenzjoni biex tiġi imposta multa aministrattiva (Notice of Intent to Impose an Administrative Fine) hija fil-kamp legali amministrattiv, u allura hija prova suffiċjenti. Dawn il-multi jinħarġu in linea mal-proċedura f’artikoli 80 u 81 tal-Att Dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (KAP549), li jistipula wkoll ir-rimedji legali li persuna għandha f’każ li tirċievi tali notifika.

Sptarijiet Privati – Ftehim mal-Gvern – Kwalità u standards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kriterji ta’ kwalità u standards ċari imposti fuq l-isptarijiet privati li jipparteċipaw fil-ftehimiet bejn il-Gvern u sptarijiet privati, u kif qed tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-isptarijiet privati qegħdin isegwu ħafna mill-kriterji li jintużaw ġewwa l-isptar Mater Dei. Kriterji oħra, li jinfluwenzaw l-effiċjenzja tal-operazzjonijiet u safety għall-pazjent, qeghdin jintużaw u li ġew iċċertifikati minn Mater Dei li jilħqu kwalità u standard impekkabbli. L-implementazzjoni ta' dawn il-kriterji qegħda tiġi mmonitorjata billi nikkomunikaw ma' dipartimenti li jsegwu lill-pazjent wara l-operazzjoni, bħal phyisiotherapy, li jaqsmu magħna l-esperjenzi tal-pazjenti. Qed inċemplu numru ta' pazjenti wara l-operazzjoni sabiex jagħtuna informazzjoni fuq is-servizz li ngħataw.

Sptarijiet Privati – Ftehim mal-Gvern – Servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk il-ftehimiet bejn il-Gvern u sptarijiet privati jkoprux ukoll follow-up care, mediċini u testijiet, jew jekk il-pazjenti jkollhomx jirritornaw għas-servizz pubbliku għal dawn il-partijiet tat-trattament?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-ftehmiet bejn il-Gvern u l-isptarijiet privati jkopru l-operazzjoni indikata, testijiet relatati ma' din l-operazzjoni, u anke mediċini. Għandna diversi ftehmiet differenti, fejn minnom il-follow-up care issir ġewwa Mater Dei, u hemm minnhom li ssir ġewwa l-isptarijiet privati.

Sptarijiet Privati – Ftehim mal-Gvern – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm kienet in-nefqa fuq ftehimiet ma’ sptarijiet privati fuq bażi annwali u kif titqabbel ma’ infiq fuq servizzi simili fis-settur pubbliku?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.